Ftit tal-jiem wara, waqt
li konna mexjin bin-nagħaġ tagħna għal għonq it-triq, jien sibt biċċa ħabel li
kien waqa’ minn xi karettun. Ġbartu, u
sempliċement hekk, irbattu ma’ jdejja.
Wara ftit indunajt li l-ħabel kien qed iweġġgħani.
“Ara, dan iweġġa’!” jien
għidt lill-kuġini tiegħi. “Aħna nistgħu
norbtuh ma’ qaddna u noffru dan is-sagrifiċċju lil Alla.”
It-tfal imsejkna
mill-ewwel qablu ma dan is-suġġeriment tiegħi.
Aħna mbagħad bdejna naqsmuh bejnietna t-tlieta, billi qiegħdnih fuq ġebla
u nagħtuh daqqiet bix-xafra taqta’ ta’ biċċa ġebla oħra li qdietna minflok
sikkina. Jew minħabba l-ħxuna jew il-ħruxija tal-ħabel, jew minħabba li aħna xi
kultant issikkajnih iżżejjed, dan l-istrument ta’ penitenza sikwit ikkawżalna
tbatija tal-biża’. Minn żmien għal
ieħor, Ġaċinta ma kenitx tiflaħ iżżomm id-dmugħ, tant kien kbir l-uġigħ li
kkawżalha. Kull meta jien ħeġġiġtha biex
tneħħih, hi wieġbet: “Le! Irrid noffri
dan is-sagrifiċċju bħala tpattija lill-Mulej Tagħna, u għall-konverżjoni
tal-midinbin.”
Darb’ oħra konna qegħdin
nilgħabu, naqtgħu ix-xtieli żgħar mill-ħitan u ngħaffġuhom bejn idejna biex
nisimgħuhom ifaqqgħu. Waqt li Ġaċinta
kienet qed taqta’ dawn ix-xtieli, mid-dehra qabdet xi ftit ħurrieq u tniggżet. Bilkemm laħqet ħasset l-uġigħ li ma
għafsithomx iktar f’idejha, u qaltilna: “Ara!
Ara! Hawn xi ħaġa oħra li biha
nistgħu ngħakksu lilna nfusna!” Minn dak
inhar, ħadna d-drawwa li kultant nolqtu saqajna apposta mal-ħurrieq, sabiex
noffru lil Alla iktar minn dawn is-sagrifiċċji.
Jekk m’inix sejra żball,
kien matul dan ix-xahar li qbadna d-drawwa li nagħtu lit-tfal iż-żgħar foqra,
l-ikel tagħna ta’ nofsinhar, kif diġà iddeskrivejt lill-Eċċellenza Tiegħek
fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta. Kien
matul dan ix-xahar ukoll, li ommi bdiet tħossha ftit iktar fil-paċi. Kienet tgħid: “Li kieku kien hemm imqar xi
persuna oħra li rat xi ħaġa, kieku, forsi kont nemmen! Iżda fost dawk in-nies kollha, huma l-uniċi
nies li raw xi ħaġa!”
Issa, matul dan ix-xahar
li għadda, diversi nies bdew jgħidu li kienu raw affarijiet differenti. Xi wħud kienu raw lill-Madonna, oħrajn,
diversi sinjali fix-xemx, u l-bqija.
Ommi qalet: “Qabel jien kont naħseb, li jekk ikun hemm imqar xi persuna
oħra li rat xi ħaġa, imbagħad kont nemmen; iżda issa, tant nies jgħidu li raw
xi ħaġa, u jien xorta ma nemminx!” Dik
il-ħabta, missieri wkoll beda jaqbeż għalija u jsikket lil dawk li bdew
iċanfruni; kif kien imdorri jgħid: “Aħna ma nafux jekk hix verità, iżda lanqas
ma nafu jekk hix gidba.”
Kien dak iż-żmien li
z-ziju u z-zija, imdejqin mill-fittaġni żejda ta’ dawk il-barranin kollha li
kienu l-ħin kollu jridu jarawna u jkellmuna, bdew jibgħatu lil binhom Ġanni
biex jirgħa l-merħla, u huma stess baqgħu id-dar ma Ġaċinta u Franġisku. Ftit wara, spiċċaw biex biegħu in-nagħaġ għalkollox. Minħabba li ma kontx nieħu gost bil-kumpanija
ta’ ħadd iktar bdejt noħroġ waħdi bin-nagħaġ.
Kif diġà għedt lill-Eċċelenza Tiegħek, kull meta kont inkun fil-qrib,
Ġaċinta u ħuha kienu jiġu ħdejja; u meta il-mergħa kienet tkun il-bogħod huma
kienu jkunu jistennewni meta nkun rieġa’ lura lejn id-dar. Tassew nista’ ngħid li dawn kienu tassew jiem
sbieħ. Waħdi, qalb in-nagħaġ tiegħi, sew
fuq il-qċaċet tal-għoljiet jew isfel fil-qigħan tal-widien, jien ikkontemplajt
is-sbuħija tas-smewwiet u raddejt ħajr lil Alla t-tajjeb għall-grazzji kollha
li kien xerred fuqi. X’ħin il-leħen ta’
waħda minn ħuti fixkel is-solitudni tiegħi, li għajjtitli biex immur lura d-dar
sabiex inkellem lil xi persuna jew oħra li kienet ġiet tistaqsi għalija,
ħassejt dispjaċir kbir, u l-faraġ waħdieni kien li nkun nista’ noffri wkoll
sagrifiċċju ieħor lill-għażiż Mulej tajjeb tagħna.
Jum wieħed, tlett irġiel ġew biex ikellmuna. Wara li għamlulna l-mistoqsijiet tagħhom, li
kienu kollox barra ta’ gost, huma telqu b’dan il-kumment: “Qisu li tiddeċiedu
li tgħidu dak is-sigriet tagħkom. Jekk
le, l-Amministratur għandu f’moħħu li jneħħilkom ħajjitkom!” Ġaċinta, wiċċha jixgħel bil-ferħ li bl-ebda
mod ma ppruvat taħbi, qalet: “Hekk tajjeb!
Jien tant inħobb lill-Mulej Tagħna u lill-Madonna, u b’hekk dalwaqt se
narawhom!” Xterdet ix-xniegħa li
l-Amministratur tassew kien bi ħsiebu joqtolna.
Dan ġiegħel lil ziti, li kienet miżżewġa u kienet toqgħod Casais, tiġi
d-dar tagħna apposta biex teħodna magħha d-dar tagħha, għax kif fissret hi:
“Jien ngħix f’distrett ieħor u, għalhekk, dan l-Amministratur ma jistax
imisskom hemm.” Iżda l-pjan tagħha qatt
ma seħħ, għax aħna ma ridniex immorru, u weġibna: “Jekk joqtluna, xorta waħda;
immorru l-Ġenna!”