Iċ-Ċentinarju tal-Beatu Farnġisku

Il-Beatu Franġisku twieled f’Aljustrel, raħal fid-distrett ta’ Fatima, fit-3 a.m. tal-11 ta’ Ġunju 1908.  Għammduh disgħat ijiem wara, fl-20 ta’ Ġunju 1908.  Il-ġenituri tiegħu, Manuel Pedro Marto (1873 – 1957) u Olimpia de Jesus (1864 – 1956) kienu Insara devoti, b’dik il-fidi sħiħa u sempliċi li tikkaratterizza lin-nies tajba tal-kampanja.
F’ittra datata 7 ta’ Settembru 1917, l-avukat żagħżugħ, Dr Carlos de Azevedo Mendes, wara li tkellem ma’ Franġisku matul iż-żmien tad-dehriet, iddeskrivih hekk: “bil-beritta tas-suf imdeffsa l-isfel sew ġo rasu, bil-ġakketta qasira ħafna, l-qmis ħierġa minn taħt il-ġakketta, l-qalziet issikkat, kien qisu raġel żgħir.  Tifel gustuż.  Wiċċu ferrieħi u mqareb.  Huwa wieġeb mill-ewwel għall-mistoqsijiet tiegħi”.
Xi xahrejn u ftit ġimgħat wara, jiġifieri wara l-aħħar dehra, l-Baruni ta’ Alvaiázere, Dr Luís António Vieira de Magalhães e Vasconcelos, matul iż-żjara tiegħu f’Fatima ukoll ħallielna deskrizzjoni ta’ Franġisku, li ġġib dik id-data.  Iddeskrivih hekk: “Kien tifel ta’ bejn l-10 u t-12 il-sena, liebes skond id-drawwa ta’ tfal tal-kampanja.  Kien jidher għalkollox ferrieħi u bla nkwiet ta’ xejn.  Aħna tlabna lit-tfajjel żgħir biex jiġi magħna.  Hu aċċetta mill-ewwel, u bi tbissima qabeż għal ġol-karozzza li konna qed insuqu.  Aħna staqsejnih numru ta’ mistoqsijiet iżda hu iktar tbissem milli tkellem.  Huwa deher li kien mistagħġeb bil-partijiet differenti tal-karozza”.
Mid-deskrizzjoni li ħalliet Sr Luċija, aħna nafu li hu kien iħobb l-għasafar, iħobb idoqq il-flawt u kien iħobb ikanta.  Huwa kien iħobb il-fanali tal-Anġli.  Iżda xejn ma kien isaħħru iktar minn tlugħ u inżul ix-xemx.  Sakemm kien ikun baqa’ xi ħjiel ta’ nzul ix-xemx, hu ma kienx iħabbel moħħu biex iħares ħalli jara jekk xi fanali tal-Anġli kienux inxtegħlu.
Fliemkien ma’ oħtu Ġaċinta ta’ seba’ snin, u l-kuġina tiegħu Luċija ta’ 10 snin, Franġisku ra żagħżugħ ta’ xi 14 jew 15 il-sena fuq il-għolja qrib id-dar tiegħu fir-rebbiegħa tal-1916.  Iż-żagħżugħ kien iktar abjad mis-silġ li fid-dawl tax-xemx kien jidher trasparenti bħallikieku kien tal-ħġieġ, u kien sabiħ ħafna.  Kien l-Anġlu tal-Paċi li kellimhom u għallimhom jitolbu, filwaqt li qal li l-Qlub ta’ Ġesu u ta’ Marija kienu attenti għall-leħen tat-talb ta’ interċessjoni tagħhom.  Kien hemm żewġ laqgħat oħra ma’ l-Anġlu.
Xi xhur wara, f’nofs in-nhar ta’ nhar il-Ħadd 13 ta’ Mejju, huma raw fil-Cova da Iria, fuq siġra tal-ballut, Mara liebsa l-abjad, tiddi iktar mix-xemx, u li kien ħiereġ minnha dawl iktar ċar u qawwi milli minn tazza tal-kristall mimlija bl-ilma safi, meta ir-raġġi tax-xemx jgħaddu minn ġo fiha.
Il-Mara staqsiethom: “Intom tridu toffru lilkom infuskom lil Alla u tilqgħu t-tbatijiet kollha li hu jrid jibgħatilkom, bħala att ta’ tpattija għaddnubiet li bihom huwa offiż, u li titolbu għall-konverżjoni tal-midinbin?”
“Iva, aħna irridu”, wieġbet Luċija, f’isem it-tlieta li kienu.
Bi tweġiba għat-talbiet ta’ l-Anġlu u tal-Mara, li dehritilhom ħames darbiet oħra, Franġisku ddedika lilu nnifsu għalkollox għal-missjoni tiegħu.
L-investigazzjoni kanonika rigoruża rrikonoxxiet l-erojċità tal-ħajja qasira tiegħu.  Il-Papa Ġwanni Pawlu II għolla lil Franġisku u lill-oħtu ż-żgħira Ġaċinta għall-qima tal-altar, wara li nqala’ miraklu bl-interċessjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta.  Matul iċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni tagħhom, il-Papa qal li huma kienu tqiegħdu fuq il-gandlier li Alla kien xegħel biex jagħti d-dawl lill-umanità waqt is-siegħat ta’ dlam u dubji tagħha”.
Ħalli huma jiddu issa dejjem iktar bid-dija tal-eżempju tagħhom, bil-mod kif wieġbu għas-sejħa għall-konverżjoni u biex ipattu għall-offiżi magħmulin kontra Alla u l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.  Fil-prattika tad-devozzjoni tagħna lejhom, aħna msejħin biex kontinwament nimitaw il-virtujiet tagħhom u biex nitolbu l-interċessjoni tagħhom b’fiduċja dejjem ikbar waqt id-diffikultajiet tal-ħajja tagħna.
Alla għoġbu jagħti ħafna grazzji lil dawk li rrikorrew lejh bl-interċessjoni tal-Beatu Franġisku.  Madankollu, jixraq li meta nitolbu l-għajnuna tagħhom, it-talb tagħna jkun indirizzat kemm lil Fanġisku u lil Ġaċinta, għaliex jonqos miraklu bl-interċessjoni tagħhom it-tnejn biex ikunu dikjarati qaddisin.

Omelija fil-Beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta Marto




Omelija tal-Qdusija Tiegħu il-Papa Ġwanni Pawlu II
Waqt il-Quddiesa Solenni
tal-Beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta
f’Fàtima, fit-13 ta’ Mejju 2000
 

1.  “Infaħħrek, Missier, ... , għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Mt. 11, 25).

B’dawn il-kliem għeżież ħuti subien u bniet, Ġesu faħħar lill-Missier tas-Sema għal pjanijiet tiegħu; hu jaf li ħadd ma jista’ jiġi għandu jekk ma jkunx miġbud mill-Missier (ara Ġw. 6, 44); għalhekk hu jfaħħru minħabba l-pjanijiet tiegħu u jħaddanhom bħala iben: “Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok” (Mt. 11, 26).  Inti għoġbok turi s-saltna liċ-ċkejknin.

Skond il-pjan divin, “mara liebsa x-xemx” (Apk. 12:1) niżlet mis-sema fid-dinja biex iżżur lit-tfal ipprivileġġjati tal-Misssier.  Hija tkellimhom bil-leħen u l-qalb ta’ omm; hija titlobhom biex joffru lilhom infushom bħala vittmi ta’ riparazzjoni, u tgħidilhom li se twassalhom qawwijin u sħaħ għand Alla.  U ara, huma jaraw dawl jiddi ħiereġ mill-idejn materni tagħha li ippenetrahom minn ġewwa, tant li ħassewhom mgħaddsin f’Alla l-istess-kif jispjegaw huma-bħalma bniedem jara lilu nniffsu f’mera.

Franġisku Marto

Iktar tard Franġisku, wieħed mit-tlett itfal privileġġjati, jgħid: “Aħna konna  ninħarqu f’dak id-dawl li hu Alla u ma ntemmejnhiex.  Kif inhu Alla?  Huwa mpossibli tgħid.  Fil-fatt aħna qatt ma jirnexxielna ngħidu lin-nies.”   Alla: dawl li jaqbad mingħajr ma jikkonsma.  Mose kellu l-istess esperjenza meta huwa ra lil Alla fl-għollieq jaqbad; huwa sema’ lil Alla jgħid li kien jitħassar lill-poplu tiegħu mjassar u li ddeċieda li jeħlishom permezz tiegħu: ‘Jien inkun miegħek (ara Eż 3:2-12).  Dawk li jilqgħu din il-preżenza jsiru l-għamara u, konsegwentement, “għollieq jaqbad” ta’ l-Iktar Għoli.

2.  L-iktar li impressjona u li mlielu ħajtu għalkollox, lil Beatu Franġisku, kien Alla f’dak id-dawl immens, li ippenetra l-iktar irkejjen ġewwienija tat-tlett itfal.  Iżda Alla qal biss lil Franġisku “kemm kien qalbu sewda’, kif qal hu.  Darba bil-lejl missieru semgħu jolfoq u staqsieh għaliex kien qiegħed jibki; ibnu wieġbu: ‘kont qed naħseb fuq Ġesu li, huwa daqshekk qalbu sewda minħabba l-ħafna dnubiet li jsiru kontrieh”.  Huwa kien imqanqal minn xewqa waħda - li tirrifletti tajjeb kif jaħsbu t-tfal-“li jfarraġ lil Ġesu u jagħmlu ferħan”.

Bidla sħiħa seħħet f’ħajtu, waħda li nistgħu nsejħulha radikali: transformazzjoni li ċertament mhix komuni għal tfal tal-eta tiegħu.  Huwa jiddedika ruħu għall-ħajja spiritwali intensiva, li turi ruħha f’talb bla waqfien u ferventi, u tieħu forma tassew ta’ għaqda mistika mal-Mulej.  Din timbuttah għal purifikazzjoni progressiva tal-ispirtu billi jiċċaħħad mill-pjaċiri tiegħu saħansitra mill-logħob innoċenti tat-tfal.

Franġisku ġarrab mingħajr tgergir it-tbatijiet kbar kaġunati mill-mard li bih miet.  Dan kien jidher ftit wisq biex ifarraġ lil Ġesu: huwa miet bi tbissima fuq xuftejh.  Iċ-ċkejken Franġisku kellu xewqa kbira li jpattti għall-offiżi tal-midinbin billi jistinka li jkun tajjeb u billi joffri s-sagrifiċċji u t-talb tiegħu.

Il-ħajja ta’ Ġjaċinta, oħtu li kienet xi sentejn iżgħar minnu, kienet motivata minn dawn l-istess sentimenti.

Il-Messaġġ ta’ Fatima

3.  “Fis-sema deher sinjal ieħor: ara, dragun kbir minn lewn in-nar” (Apk. 12, 3).

Dawn il-kliem mill-Ewwel Qari tal-Quddiesa iġagħluna naħsbu fuq il-ġlieda kbira bejn it-tajjeb u l-ħażin, u juru kif, meta l-bniedem iwarrab lil Alla, huwa ma jistax isib il-hena, iżda jispiċċa biex jeqred lilu nnifsu.

Kemm kien hemm vittmi matul dan l-aħħar seklu tat-tieni millennju!  Niftakru l-orrur tal-Ewwel u t-Tieni Gwerer Dinjin u l-gwerer l-oħrajn fil-ħafna partijiet tad-dinja, il-kampijiet ta’ konċentrament u tal-qerda, il-gulagi, it-tindif etniku u l-persekuzzjonijiet, it-terroriżmu, il-ħtif ta’ persuni, d-drogi, l-attakki fuq il-ħajja qabel titwieled u fuq il-familja.

Il-messaġġ ta’ Fatima huwa sejħa għall-konverżjoni, jwissi lill-umanità biex ma jkollhiex x’taqsam mad-“dragun” li “denbu kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art” (Apk. 12, 4).  L-għan aħħari tal-bniedem huwa l-ġenna, d-dar tiegħu tassew, fejn il-Missier tas-sema jistenna lil kulħadd bl-imħabba ħanina tiegħu.

Alla ma jrid lil ħadd jintilef; għalhekk elfejn sena ilu bagħat lil Ibnu fid-dinja, “ifittex u jsalva l-mitluf” (Lq. 19,10).  Hu salvana b’mewtu fuq is-salib.  Ħadd ma għandu jneżża lil das-Salib minn qawwietu!  Ġesù miet u rxoxta mill-imwiet biex ikun ‘il-kbir fost ħafna aħwa’ (Rum. 8,29).

Fl-għożża tagħha ta’ omm, il-Verġni Mbierka ġiet f’Fatima biex titlob lil irġiel u nisa “biex ma jkomplux joffendu lil Alla, l-Mulej tagħna, li diġa huwa offiż ħafna”.  Huwa d-dispjaċir ta’ omm li jġagħlha titkellem; hemm fin-nofs id-destin ta’ wliedha.  Għal din ir-raġuni titlob lir-ragħajja żgħar: ‘Itolbu, itolbu ħafna u għamlu sagrifiċċji għall-midinbin; ħafna erwieħ imorru l-infern għaliex ma għandhom lil ħadd li jitlob u jagħmel sagrifiċċji għalihom”


Ġaċinta Marto

4.  Iċ-ċkejkna Ġaċinta ħasset u esperjenzjat personalment it-tbatija kbira li ħasset il-Madonna, billi offriet lilha nfisa b’mod erojku bħala vittma għall-midinbin.  Jum wieħed, meta hija u Franġisku kienu diġa ħadu l-marda li tefgħethom f’qiegħ ta’ sodda, il-Verġni Marija ġiet iżżurhom fid-dar tagġhom, kif iz-zgħira tirrakkonta: “l-Madonna ġiet iżżurna u qaltilna li dalwaqt kienet se tiġi u tieħu lil Franġisku fil-ġenna.  U hi staqsietni jekk jien kontx għadni nixtieq li nikkonverti iktar midinbin.  Jien għidtila iva’.  U meta wasal iż-żmien għal Franġisku biex jitlaq, it-tifla ż-żgħira tgħidlu: “Wassal it-tislijiet tiegħi lill-Mulej tagħna u lill-Madonna u għidilhom li jien qed nissaporti kull ma jridu huma għall-konverżjoni tal-midinbin”

Ġaċinta kienet tant impressjonata bil-viżjoni tal-infern matul id-dehra tat-13 ta’ Lulju li l-ebda mortifikazzjoni jew penitenza ma kienet tqisha tant kbira biex issalva l-midinbin.  Hija setgħet tgħid bir-raġun kollu ma’ San Pawl: ‘Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja’ (Kol. 1, 24). Il-Ħadd li għadda fil-Colosseum f’Ruma ikkomemmorajna il-ħafna xhieda għall-fidi fis-seklu XX, fakkarna it-taħbit li huma għaddew minnu permezz tax-xhieda sinifikanti li ħallewlna.  Sħaba bla għadd ta’ xhieda qalbiena għall-fidi, ħallewlna wirt prezzjuż, li għandu jibqa’ ħaj matul it-tielet millennju.  Hawnhekk f’Fatima, fejn dawn iż-żmienijet ta’ taħbit kienu mħabbra minn qabel u l-Madonna nsistiet għat-talb u penitenza biex jitqassru, jien nixtieq illi nirringrazzja lis-sema għax-xhieda qawwija murija f’dawk il-ħajjiet kollha.  U għal darba oħra nixtieq niċċelebra t-tjieba tal-Mulej miegħi meta kont meħlus mill-mewt wara li kont ġejt ferut gravament fit-13 ta’ Mejju 1981.  Jien ukoll nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lil Beata Ġaċinta għas-sagrifiċċji u t-talb offruti għall-Papa, li hija ratu jbati ħafna.

5.  ‘Missier, infaħħrek, għax inti wrejt dawn il-ħwejjeġ liċ-ċkejknin’.  Illum it-tifħir ta’ Ġesù  jieħu għamla solenni mill-beatifikazzjoni tar-ragħajja ż-żgħar, Franġisku u Ġaċinta.  B’dan ir-rit il-Knisja tixtieq tqiegħed fuq il-kandilabru dawn iż-żewġ xemgħat li Alla xegħel biex idawwal lill-umanità f’dawn is-sigħat mudlama u ta’ qtigħ il-qalb.  Ħalli dawn jiddu fit-triq ta’ il-ġemgħa bla għadd ta’ pellegrini u ta’ dawk kollha li ingħaqdu magħna permezz tar-radju u t-televiżjoni.  Ħalli Faranġisku u Ġaċinta jkunu dawl li jgħin biex idawwal lill-Portugal kollu kumm hu u, b’mod speċjali, lil din id-Djoċesi ta’ Leiria-Fatima.  Nirringrazzja lill-Isqof Serafim ...... 


Appell biex nidħlu fl-“iskola” tal-Madonna


6.  L-aħħar kelmiet tiegħi huma lit-tfal; għeżież subien u bniet, jien qed nara ħafna minkom lebsin bħal Franġisku u Ġaċinta.  Tidhru sbieħ ħafna!  Iżda minn hawn u ftit ħin ieħor jew għada intom tneħħu dawn il-ħwejjeġ u ... ir-ragħajja ż-żgħar jgħibu.  Ma għandhomx jgħibu, hux hekk?!  Il-Madonna tenħtieġ lilkom kollha biex tfarrġu lil Ġesù li huwa mnikket minħabba l-ħwejjeġ ħżiena li jsirulu; hu jenħtieġ it-talb u s-sagrifiċċji tagħkom għall-midinbin.

Itolbu lill-ġenituri u l-għalliema tagħkom biex idaħħlukhom fl-“iskola” tal-Madonna, sabiex hi tkun tista’ tgħallimkom tkunu tixbħu lir-ragħajja ż-żgħar, li għamlu ħilithom biex jagħmlu kull ma talbithom hi.  Jien ngħidilkom li “wieħed jimxi iktar il-quddiem fi żmien qasir ta’ sottomissjoni u dipendenza fuq Marija milli matul snin sħaħ ta’ inizjattivi personali, billi jistrieħ fuqu nnifsu” (San Luiġi de Montfort, Id-Devozzjoni Vera Lejn Il-Verġni Marija, n. 155).  Kien b’dan il-mod li r-ragħajja ż-żgħar saru qaddisin daqshekk malajr.  Waħda mara li laqgħet lil Ġaċinta għandha f’Lisbona, meta semgħet il-parir tant sabiħ u bil-għaqal li tat it-tifla ż-żgħira, staqsietha min kien għallimulha.  “Il-Madonna għallmituli”, weġbitha.  Billi ddedikaw lilhom infushom b’ġenerożita sħiħa għat-tmexxija ta’ Għalliema daqshekk tajba, Ġaċinta u Franġisku malajr laħqu l-qċaċet tal-perfezzjoni.

7.  Missier infaħħrek, għax dak li inti ħbejt mill-għorrief u d-dehenin inti wrejtu liċ-ċkejknin”.

Missier, infaħħrek għal uliedek kollha, mill-Verġni Marija, il-Qaddeja umli tiegħek, sa r-ragħajja ż-żgħar, Franġisku u Ġaċinta.

Ħalli l-messaġġ ta’ ħajjithom jgħix għal dejjem biex idawwal it-triq tal-umanità!

Mill-ħajja tal-Beatu Franġisk Marto

Luċija tiddeskrivi fil-”Memoirs” tagħha kif fit-tieni dehra fit-13 ta’ Ġunju 1917, Franġisku kien impressjonat ħafna bid-dawl li l-Madonna ikkomunikatilhom fil-ħin meta qalet: “Il-Qalb Immakulata tiegħi tkun il-kenn u t-triq li twassalkom għand Alla”.

Dak il-ħin, ma jidhirx li Franġisku fehem it-tifsira ta’ x’kien qed jiġri, aktarx għaliex ma kienx mogħti lilu li jisma l-kliem li ntqalu magħhom. Għal din ir-raġuni, huwa staqsa lil Luċija aktar tard: “Għaliex il-Madonna kellha Qalb f’idejha, tifrex fuq id-dinja dak id-dawl kbir li hu Alla? Inti kont mal-Madonna fid-dawl li kien nieżel lejn id-dinja, filwaqt liĠaċinta u jien konna fid-dawl li kien tiela’ lejn is-sema!”

“Dak għaliex inti u Ġaċinta dalwaqt tmorru l-ġenna”, wieġbet Luċija, “filwaqt li jien, mal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, se nibqa’ għal xi żmien itwal fid-dinja.”

Xi kultant Franġisku kien jgħid lil Luċija: “Dawn in-nies jifirħu ħafna sempliċement għax inti tgħid li l-Madonna tridna ngħidu r-Rużarju, u li inti se titgħallem taqra! X’kienu jħossu li kieku kienu jafu x’urietilna f”Alla, fil-Qalb Bla Tebgħa tagħha, f’dak id-dawl kbir! ……”

Il-Vokazzjoni ta’ Luċija għall-ħajja reliġjuża fil-klawsura tal-Karmelu

Luċija tirrakonta fil-Memoirs tagħha:

Ftakart fl-għażiża Madonna tal-Karmelu u f’dak il-ħin ħassejt il-grazzja tal-vokazzjoni għall-ħajja reliġjuża u ġibda għall-Klawsura tal-Karmelu. Hadt lil Sr. Tereża ż-żgħira tal-Bambin Ġesù bi protettriċi tiegħi. Xi jiem wara, bil-parir ta’ l-isqof, għamilt l-‘ubbidjenza’ r-regola tiegħi u b’motto ħadt kliem il-Madonna mniżżlin fl-Evanġelju: “Għamlu kull ma jgħidilkom Hu.”

Il-kliem li ntqalu lil Elija kienu qishom indirizzati lili: “Qum, għax int għandek vjaġġ twil quddiemek”. Jien komplejt id-dawra ta’ tislim tiegħi ta’ l-aħħar. Għaddejt il-Cabeço, l-Valinhos, il-bir ta’ Arneiro, d-dar taz-zija u taz-ziju, l-kmamar li kienu joqgħodu fihom Franġisku u Ġaċinta, u fl-aħħarnett il-qiegħa antika. Kull tislima kienet qisha stallet ġo qalbi. Iżda jien kont tajt il-kelma, u għalhekk għandi nkun fidila! Ġeddidt l-‘iva’ tiegħi u biex jgħinuni sejjaħt lill-għażiż Anġlu Kustodju tiegħi u lill-Anġlu tal-Portugal, li kien il-prekursur tal-Verġni Mbierka.


Luċija titlaq minn Fatima għal Porto

Il-għada, fis-16 ta’ Ġunju 1921, għal xi 2.00 a.m., meta r-raħal kollu kien rieqed, jien qomt flimkien ma’ ommi.  Bl-ebda mod ma kien jgħaddi minn moħħ ommi x’taqbida kienet għaddejja ġo qalbi, Abraham ieħor jixxabbat mal-muntanja sabiex joffri lil ibnu lil Alla.  Imseħbin ma’ ħaddiem fqir, tlaqna, u fi triqtna għaddejna mill-Cova da Iria sabiex inkun nista’ ngħid Rużarju ta’ l-aħħar hemmhekk.  Malli għednih, aħna tlaqna, iżda jien tnikkirt ftit biex ngħati l-aħħar tislima, u fil-post fejn illum hemm il-Bażilka jien rajt figura tad-dawl.  Satħajjiltha li kienet l-għażiża Omm tiegħi tas-Sema tagħmilli kuraġġ u tgħtini l-barka tagħha ta’ omm.  Iżda ma nafx, forsi kien r-rifless imħolli fl-ispirtu tiegħi minħabba dak kollu li kien seħħ il-lejl ta’ qabel, jew inkella d-dawl tal-qamar ġos-siġar.

Fis-2.00 p.m. konna fl-isitazzjoni f’Leiria fejn għannaqt lill-ommi f’tislima ta’ l-aħħar.  Hi kienet tibki u, qisha għada mikduda mid-dubju, sellmitli b’dawn il-kelmiet: “Mur, binti, u jekk hu tassew li inti rajt lill-Madonna ħalli tieħu ħsiebek Hi, iżda jekk int kont qed tigdeb, allura tkun ħlejqa mdejqa.”  U l-profezija ta’ ommi twettqet.  Il-Madonna dejjem ħarsitni u mexxiet il-passi t iegħi.
Ave Maria!”




Żewġ Dehriet oħra tal-Madonna lil Luċija wara li tibda tgħix il-ħajja reliġjuża


Hekk Luċija waslet fil-ħin fl-Asilo ġo Vilar no Porto, taħt il-ħarsien tas-Soru ta’ Santa Dorotea.  Fl-14 ta’ Ottubru 1925, Luċija marret Spanja biex issir reliġjuża fl-istess Ordni.  Kien fi Spanja li l-Madonna ġiet biex iżżomm il-wegħda li kienet għamlet fit-13 ta’ Lulju 1917: “Jien għad niġi biex nitlob għall-Konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi u għat-Tqarbina ta’ Tpattija fl-Ewwel Sibtijiet”.

Il-Madonna ġiet fl-10 ta’ Diċembru 1925 f’Pontevedra, fejn Luċija ,kienet diġa postulanta.

Il-Madonna reġgħet ġiet fit-13 ta’ Ġunju 1929 f’Tuy, biex tgħidilha li “kien wasal iż-żmien li fih Alla jitlob lill-Papa f’għaqda mall-isqfijiet kollha tad-dinja, jagħmel il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa Tagħha”.


Is-Seba’ Dehra tal-Madonna lil Luċija

Luċija tirrakonta fil-Memoirs tagħha:
 

Kien waqt li kont mitlufa f’dil-kotra ta’ ħsibijiet koroh li jien terraqt lejn il-Cova da Iria mill-Knisja ta’ Fatima, fejn, fil-għodu kmieni, għall-aħħar darba ħadt sehem fil-Quddies u tqarbint.  Fil-Cova nżilt għarkubtejja u tbaxxejt għal fuq l-ilqugħ baxx li hemm biex iħares l-art fejn kienet il-balluta li fuqha serrħet riġlejha l-Madonna.  Jien xerridt kotra ta’ dmugħ, waqt li tlabt lill-Madionna taħfirli li din id-darba ma stajtx noffri s-sagrifiċċju li jien dehrli li ma flaħtux.

Naturalment, ftakart fil-jum hieni tat-13 ta’ Mejju 1917, meta jien kont għedt ‘iva’, inwiegħed li naċċetta kull sagrifiċċju li Alla jogħġbu jibgħatli.  U dit-tifkira kienet bħal dawl fil-fond ta’ ruħi; skruplu li ma ħallilix kwiet, ġegħlni nxerred dulluvju ta’ dmugħ.

Dak il-ħin, bl-ebda mod ma kont qed naħseb fuq xi laqgħa oħra, jew li titwettaq il-wegħda: “Jien se nerġa’ niġi hawn, is-seba’ darba”.  Kien hemm ħafna nies oħra jistħoqqilhom iktar minni li Int tista’ tirrivelalhom lilek innifsek!  Iżda, mhux lill-iżgħar tfal u dawk li huma l-aktar fil-ħtieġa li l-Omm tgħin l-ewwel?  Mingħajr dubju, mis-Sema l-ħarsa tiegħek ta’ Omm kienet tħares il-passi tiegħi u, fil-mera bla qies tad-dawl ta’ Alla, inti rajt it-taqbida li għaliha kont wegħedt ħarsien speċjali.  Jien ma nħallik qatt.  Il-qalb Bla Tebgħa Tiegħi tkun il-kenn t iegħek u t-triq li twasslek għand Alla.”

Indirrizzata b’dal-mod, Int għal darba oħra nżilt mis-sema.  Kien f’dan il-ħin li jien ħassejt l-id ħabiba u materna tiegħek tmissli spallejja.  Jien erfajt għajnejja u rajtek.  Hemm kont Int, Omm Qaddisa, biex tagħtini idek u turini t-triq.  Xofftejk infetħu, u l-ħoss ħelu ta’ leħnek reġa’ ġab mill-ġdid id-dawl u s-sliem f’ruħi: “Jien qegħdha hawn għas-seba’ darba; mur, għaddi mill-mgħodija li minnha jrid jgħaddik l-isqof, din hi r-rieda ta’ Alla.”

Imbagħad jien tennejt l-‘iva’ tiegħi, issa ħafna iktar konxja mit-13 ta’ Mejju 1917.  U kif Int erġajt lejn is-sema, qisu f’daqqa t’għajn, rajt sensiela sħiħa ta’ għeġubijiet, li erba’ snin qabel f’dak il-post, tħallejt nikkontempla.

Taqbid intern ta’ Luċija għall-proposta tal-isqof

Dwar din il-ġrajja Swor Luċija kitbet hekk fil-Memoirs tagħha:

“Meta rġajt lura Fatima żammejt is-sigriet tiegħi sew.  Iżda l-ferħ li ħassejt meta sellimt lill-Isqof ma damx wisq.  Bdejt naħseb fuq il-membri tal-familja tiegħi, id-dar tiegħi, il-Cova da Iria, l-Cabeço, Valinhos, il-bir.  Li jkolli nħalli dak kollu, u għal dejjem!  Biex immur ma nafx fejn.  ....  Kont għedt ‘iva’ lill-isqof, iżda issa ngħid li reġa’ bdieli u ma rridx immur hemm.”

U qisu f’talba lill-Ommha tas-sema, kompliet:
“Mela int kont li qbadtni minn idi u mexxejt il-passi tiegħi.  Iva, int ġejt fid-dinja iktar minn darba biex turini t-triq.  Mingħajrek, jien kont nitlef triqti u nħalli it-triq it-tajba.

F’dak in-nhar tal- 15 ta’ Ġunju 1921, int rajt it-taqbida tiegħi, l-indeċiżjoni tiegħi, u s-sogħba tiegħi għal ‘iva’ li kont għedt qabel.  Int rajt id-dubji tiegħi dwar dak li kien jistennieni, u l-fehma tiegħi li nreġġagħha lura;  Int rajt, ukoll, il-ħsieb ta’ dak li kont se nħalli u n-niket li kien jaqsamli qalbi.

Dit-tislima lil kollox, fl-ewwel fjur ta’ żogħżiti, meta kelli ġejjieni sabiħ quddiemi fid-dar ta’ Senhora D. Assunçao Avelar u ta’ oħrajn li offrewli dar u kura b’għożża materna, u li jien raddejtulhom bl-istess għożża.  Biex nitlaq dan ukoll u dari stess, għal ġejjieni li ma nafux, taqqluli qalbi u ġegħluni nara affarijiet li lanqas biss ridt naħsibhom!  Stajt nagħmlu?  Staqsejt lili nnifsi.  Le.  Ngħid lill-ommi li ma rridx immur u meta għada ma nerġax nidher f’Leiria, tkun maqtugħa darba għal dejjem.  Imbagħad nerġa’ lura Lisbona, jew Santarem fid-dar tal-għażiża tiegħi Sr. D. Adelaide, jew f’Leiria għand is-Sinjorini Patricio.  Inkun aħjar f’xi wieħed minn dawn il-postijiet, u nkun nista’ nistudja u nagħmel ġejjieni tajjeb għalija nnifsi.

Ma nafx kif se jkun il-post fejn l-isqof iridni immur, u bil-kundizzjoni li qatt ma nerġa’ lura d-dar.  Dan ifisser li qatt iktar ma nerġa’ nara l-familja tiegħi, u lanqas dawn il-postijiet imbierka: Cova da Iria, Cabeço, il-bir ta’ Arneiro, l-Knisja fejn jgħix Ġesù moħbi tiegħi u fejn irċevejt tant grazzji, it-Tbissima ta’ l-Ewwel Tqarbina tiegħi, Vila Nova de Ourem fejn hemm Ġaċinta, ċ-ċimitrerju fejn jinsabu l-fdalijiet tal-għażiż missieri u ta’ Franġisku!  Qatt iktar ma nerġa’ lura biex nirfes fuq din l-art imbierka, sabiex immur Alla biss jaf fejn!  U lanqas biss inkun nista’ nikteb direttament lill-ommi!  Impossibli, ma mmurx!


L-isqof ta’ Leiria jibgħat lil Luċija l-bogħod minn Fatima

Fl-1920, id-djoċesi ta’ Leiria kienet imwaqqfa mill-ġdid u Dom José Alves Correia da Silva kien ikkonsagrat isqof tad-djoċesi. Hu mill-ewwel. Xtaq ikun mgħarraf b’kollox dwar il-ġrajjiet li seħħew f’Fatima u dwar Luċija, r-ragħajja ż-żgħira li kienet għada ħajja.

Malli sar jaf li f’dak iż-żmien Luċija kienet f’Fatima, l-isqof talab lil waħda mara tal-fiduċja tiegħu biex tmur u tara jekk, bil-kunsens ta’ ommha , setgħetx iġġibha f’Leiria.

Il-proposta ta’ l-isqof lill Luċija

Kien b’dal mod li Luċija ltaqgħet ma’ D. José għall-ewwel darba. L-isqof staqsiha dwar id-dehriet u hi wieġbet għall-mistoqsijiet tiegħu kif taf mill-aħjar li setgħet. Imbagħad staqsiha jekk xtaqitx tħalli Fatima u tmur f’Porto, fejn kienet għadha mhix magħrufa. L-isqof qalilha li:

1. Hi ma kellha titkellem ma ħadd dwar id-dehriet f’Fatima;

2. Hi ma kellha titkellem ma ħadd dwar il-ġenituri u l-familja
    tagħha;

3. hi ma kellhiex tikxef isimha proprju jew minn fejn kienet;

4. ħadd ma kellu jmur jaraha ħlief in-nisa li l-isqof kien bi ħsiebu
    jafdaha magħhom, sabiex huma jkunu jistgħu jindukrawha;

5. hi ma kellha tikteb lil ħadd ħlief lill-ommha. Iżda kellha tibgħat
    l-ittri tagħha lill-Vigarju ta’ Olival, u dan kellu jgħaddihom
    lill-ommha. U kwalunkew ittra li tiktbilha ommha, min-naħa
    tagħha, kellha tibgħatha lill-Vigarju
    ta’ Olival sabiex tkun mgħoddija lilha permezz ta’ l-isqof.

6. hi ma kellhiex terġa’ lura Fatima għall-vaganzi, jew għal xi raġuni
    oħra tkun xi tkun, mingħajr il-permess ta’ l-isqof.

Tifkiriet ta’ Luċija dwar it-13 ta’ Ottubru 1917



Mill-kliem kollu li ntqalu waqt did-dehra tat-13 ta' Ottubru 1917, dawk li l-aktar baqgħu stampati f’qalb Luċija kienu dawk tat-talba li għamlitilhom l-Omm tagħna tas-sema: “Toffendux iżjed lill-Mulej Alla tagħna, għax hu diġa offiż ħafna!

X’tnehida ta’ mħabba, x’talba tenera!  Min se jġgħiel lil din it-talba tidwi fid-dinja kollha, sabiex l-ulied kollha tal-Omm tagħna tas-Sema jisimgħu l-leħen tagħha!

Dak in-nhar, Luċija għaddiet il-ħin ta’ wara nofs in-nhar mal-kuġini tagħha.  Huma kienu qishom xi ħlejjaq rari li l-folol riedu jaraw u josservaw.  Sakemm daħal il-lejl, Luċija kienet diġa mifnija, wara dawk il-mistoqsijiet u l-nterrogazzjonijiet kollha.  Dawn lanqas biss ma waqfu ma’ nżul ix-xemx.  Ħafna nies, li ma setgħux jistaqsuha, baqgħu sa l-għada fil-għodu, jistennew li jmisshom huma.  Xi wħud minnhom ippruvaw ukoll ikellmuhom dak il-lejl, iżda, Luċija, mgħeluba mill-għejja, niżlet u raqdet fl-art.  Għall-grazzja t’Alla, r-rispett uman u l-imħabba tagħha nfisha, dak iż-żmien, Luċija kienet għadha ma tafx x’inhuma.  Għal dir-raġuni, Luċija kienet komda ma kwalunkwe persuna, daqs li kieku kienet qed titkellem mal-ġenituri tagħha.

Dwar dak il-jum, Luċija baqgħet tiftakar sew li hi waslet id-dar mingħajr id-dublett bil-pjiegi li kienet liebsa sa qaddha.  Baqgħet  tiftakar sew ukoll li ommha kienet imbaqbqa ħafna meta rat li Luċija kellha inqas xagħar f’rasha minn Franġisku.  Min serqilha l-pjiegi?  Qalb dik ir-rassa kollha ta’ ġemgħa bħal dik ma kienx hemm nuqqas ta’ mqassijiet jew idejn ħalliela.  Kien faċli biżżejjed li titlef il-maktur tagħha, ukoll jekk fil-fatt ma nsteraqx.  Diġa, fix-xahrejn ta’ qabel, ħafna mill-pjiegi tagħha kienu mqassqsin barra!  Xejn ma kellha tagħha, għalhekk ma għamlilhiex dfifferenza!  Kollox hu ta’ Alla.  Ħalli jagħmel Hu kif jogħġbu.


Wara t-13 ta’ Ottubru, Franġisku qal lil Luċija: “Ħadt pjaċir nara lil-Mulej tagħna, iżda l-iżjed li ħadt pjaċir naraH f’dak id-dawl fejn aħna konna miegħU wkoll.  Issa ma jdumx ma l-Mulej tagħna jeħodni ħdejH.  U mbagħad jien inkun nista’ nħares lejH għal dejjem.


Is-Sitt Dehra tal-Madonna - Fit-13 ta’ Ottubru 1917


Luċija tirrakonta fil-Memoirs tagħha:


Aħna tlaqna mid-dar kmieni, nistennew li nkunu miżmumin matul it-triq.  Ġemgħat ta’ nies imlew it-toroq.  Ix-xita kienet nieżla bil-qliel.  Ommi kellha qalbha mtertqa bl-inċertezza dwar dak li kien se jiġri, u billli beżgħet li dan kien se jkun l-aħħar jum ta’ ħajti, riedet tiġi miegħi.

Fit-triq, kienu mtennija ix-xeni bħax-xahar ta’ qabel, anzi iktar kotrana u li jqanqluk.  Lanqas it-toroq imtajjna ma setgħu iżommu lil dawn in-nies milli jinżlu għarkubtejhom f’attitudni ta’ talb bil-ħerqa u ta’ umilta mill-akbar.  Aħna wasalna ħdejn il-balluta fil-Cova da Iria.  Kif konna hemm, immexxijin minn imbuttatura ġewwieni, jien tlabt lin-nies biex jgħalqu l-umbrellel tagħhom u jgħidu r-Rużarju.  Ftit wara, rajna l-leħħa ta’ dawl, u imbagħad dehret il-Madonna fuq il-balluta.

“Xi trid minni?”

“Irrid ngħidlek li għandha tinbena kappella f’ġieħi.  Jiena s-Sinjura tar-Rużarju.  Ibqgħu dejjem għidu r-Rużarju kuljum.  Il-gwerra se tieqaf, u s-suldati dalwaqt jerġgħu lura lejn djarhom.

“Għandi ħafna ħwejjeġ x’nitolbok: il-fejqan ta’ xi nies morda, il-konverżjoni ta’ midinbin, u ħwejjeġ oħra …”

“Xi wħud, iva, iżda oħrajn le.  Huma għandhom isewwu ħajjithom u jitolbu l-maħfra ta’ dnubiethom.”

B’ħarsa ta’ niket kbir, l-Madonna qalet:
“La toffendux iktar lill-Mulej Alla tagħna, għax Hu diġa offiż ħafna.”

Imbagħad, filwaqt li fetħet idejha, hija għamlithom jirriflettu fuq ix-xemx, u waqt li telgħet il-fuq, ir-rifless tad-dawl tagħha nnfisha issokta jkun proġettat fuq ix-xemx infisha.



Eċċellenza, din hija r-raġuni għaliex jien għajjatt lin-nies biex iħarsu lejn ix-xemx.  L-għan tiegħi ma kienx li niġbdilhom l-attenzjoni għax-xemx, għax jien lanqas kont naf li qegħdin hemm; jien kont immexxija nagħmel hekk taħt il-ħarsien ta’ imbutatura ġewwienija.

Wara li l-Madonna kienet għebet fil-bogħod bla qies tas-sema, aħna rajna lil San Ġużepp bit-Tfajjel Ġesu u lill-Madonna liebsa l-abjad b’mantel blu, ħdejn ix-xemx.  San Ġużepp u t-Tfajjel Ġesu dehru jbierku lid-dinja għax huma għamlu s-Sinjal tas-Salib, b’idejhom.  Meta, wara ftit, id-dehra ma baqgħetx tidher, rajt lil Mulej tagħna u lill-Madonna: dehrli li kienet il-Madonna tad-Duluri.  Il-Mulej tagħna deher ibierek lid-dinja bl-istess mod kif kien għamel San Ġużepp.  Din id-dehra għebet ukoll, u jien rajt lill-Madonna għal darba oħra, din id-darba tixbah il-Madonna tal-Karmelu.


Il-Ħames Dehra tal-Madonna - 13 ta’ Settembru 1917


Luċija tirrakonta fil-Memoirs tagħha:


Kif qorob il-ħin, jien tlaqt ma’ Ġaċinta u Franġisku, iżda minħabba l-folol madwarna aħna stgħajna nersqu l-quddiem bi tbatija.  It-toroq kienu mimlijin bin-nies, u kulħadd ried jarana u jkellimna.  Ma kien hemm l-ebda rispett uman.  Nies bla ebda pretensjoni, u wkoll nisa u rġiel ta’ klassi għolja, tħabtu biex joforqu l-folla li kienet timbotta madwarna.  Bilkemm laħqu waslu ħdejna, li mitfugħin għarkubtejhom quddiemna, bdew jittalbulna biex inqiegħdu t-talbiet tagħhom quddiem il-Madonna.  Oħrajn li ma setgħux jaslu qrib tagħna bdew jgħajtu mill-bogħod.


“Għall-imħabba t’Alla, itolbu lill-Madonna biex tfejjaq lil ibni li hu zopp!”  wkoll ieħor għajat: “u li tfejjaq lil tiegħi li hu għama! …  Li ttini lura saħħti billi għandi t-tuberkolosi!” u l-bqija.

Il-miżerji kollha tal-umanita kienu miġbura hemmhekk.  Xi wħud ixxabbtu fil-quċċata tas-siġar u ħitan biex jarawna għaddejjin, u għajtulna.  Lil xi wħud ngħidulhom iva, ngħatu daqqa t’għid lil xi oħrajn u ngħinuhom iqumu mill-art kollha trab.  Irnexxielna nimxu ‘l quddiem, bis-saħħa ta’ xi rġiel li għaddew quddiemna u fetħulna trejqa qalb il-folla.

Issa, meta naqra fit-testment il-Ġdid dwar dawk ix-xeni li jsaħħruk tal-Mulej tagħna għaddej fil-Palestina, naħseb f’dawk li l-Mulej tagħna ħallieni nkun xhud għalihom, meta kont għadni biss tifla, fuq it-toroq u sqaqien fqar minn Aljustrel sa Fatima u sa Cova da Iria!  Niżżi ħajr lil Alla, billi noffrilu l-fidi tan-nies tajba Portugiżi.  U jien naħseb: “Jekk dawn in-nies tant umiljaw ruħhom quddiem tlett itfal fqar, għax biss huma ndenjament kienu mgħotija l-grazzja li jitkellmu ma’ Omm Alla, x’ma kienux jagħmlu li kieku raw lill-Mulej tagħna fil-persuna quddiemhom?”

Sewwa, xejn minn dan ma kien meħtieġ hawnhekk!  Kienet il-pinna tiegħi, li ġriet bija u ħaditni lil hemm fejn ma kellix f’moħħi li mmur.  Iżda, ma jimputax!  Din hi biss digressjoni oħra bla siwi.  M’hinix se naqtagħha, biex ma ngħarraqx il-pitazz.

Fl-aħħar, wasalna f’Cova da Iria, u malli wasalna ħdejn il-balluta bdejna ngħidu r-Rużarju man-nies.  Ftit wara, aħna rajna l-leħħa tad-dawl, u mbagħad dehret il-Madonna fuq il-balluta.

“Ibqgħu għidu r-Rużarju sabiex tiksbu t-tmiem tal-gwerra.  F’Ottubru l-Mulej tagħna se jiġi, kif ukoll il-Madonna tad-Duluri u l-Madonna tal-Karmelu.  Jidher San Ġużepp bit-tfajjel Ġesu biex ibierek id-dinja.  Lil Alla jgħoġbuh is-sagrifiċċji tagħkom.  Huwa ma jridkomx torqdu bil-ħabel imdawwar magħkom, iżda li tilbsuh biss matul il-jum.”

“Qaluli nitolbok ħafna ħwejjeġ, il-fejqan ta’ xi nies morda, ta’ trux u mutu … .”

“Iva, jien se nfejjaq xi wħud, iżda mhux lil xi oħrajn.  F’Ottubru jien se nwettaq miraklu biex kulħadd ikun jista’ jemmen.”

Imbagħad il-Madonna bdiet tiela’ bħas-soltu, u ma baqgħetx tidher.



Ir-Raba’ Dehra tal-Madonna - Fit-19 ta’ Awwissu 1917


Luċija tirrakonta fil-Memoirs tagħha:

Kif diġa għidt dak li ġara f’dan il-jum, jien m’hinix se ndum fuqha hawnhekk, iżda se ngħaddi għad-Dehra li, fl-opinjoni tiegħi, ġrat fil-15 fil-għaxija.  Billi dak iż-żmien kont għadni ma nafx nikkalkula il-jiem tax-xahar, jista’ jkun li għandi żball.  Iżda jien għadni bl-idea li dan ġara fl-istess jum meta wasalna lura minn Villa Nova de Ourem.

Kont akkompanjata minn Franġisku u ħuh Ġanni.  Konna nirgħu in-nagħaġ f’post jgħidulu Valinhos, meta ħassejna xi ħaġa sopranaturali riesqa u tagħlaqna ġo fiha.  Billi ħsibna li l-Madonna kienet se tidhrilna, u ħassejna sogħba jekk Ġaċinta setgħet ma tarahiex, aħna tlabna lil ħuha Ġanni biex imur jgħidilha tiġi.  Billi hu ma riedx imur, jien offrejtlu żewġ muniti żgħar, u telaq jiġri.

Sadattant, Franġisku u jien rajna l-leħħa tad-dawl, li aħna sejjaħnielu beraq.  Ġaċinta waslet, u waqt wara, rajna l-Madonna fuq is-siġra tal-ballut.


“Xi trid minni?”

“Irridek li tibqa’ tmur fil-Cova da Iria fit-13, u li tkompli titlob ir-Rużarju kuljum.  Fl-aħħar xahar, jien se nwettaq miraklu sabiex kulħadd ikun jista’ jemmen.”

“Xi trid li jsir bil-flus li n-nies iħallu fil-Cova da Iria?”

“Ġiegħel li jsiru żewġ kataletti.  Wieħed għandu jinġarr minnek, Ġaċinta u żewġt ibniet oħra lebsin l-abjad; l-ieħor għandu jinġarr minn Franġisku u tlett itfal subien oħra.  Il-flus mill-kataletti huma għall-“festa” tal-Madonna tar-Rużarju, u dak li jibqa’ għad jgħin għall-bini ta’ kappella li għandha tinbena hawnhekk.”

“Nixtieqek tfejjaq xi persuni morda.”

“Iva se nfejjaqhom matul is-sena.”

Imbaghad b’bixra mnikkta ħafna, il-Madonna qalet:

Itolbu, itolbu ħafna, u għamlu sagrifiċċji għall-midinbin; għax ħafna erwieħ imorru l-infern, għax m’hemm ħadd biex jissagrifikaw ruħhom u jitolbu għalihom.”

U hi bdiet tiela’ lejn il-lvant.

________________________________



Fit-13 ta’ Awwissu 1917, waqt li t-tfal kienu sejrin fil-Cova da Iria, huma n]atfu mill-amministratur tal-belt li ]adhom f’Vila Nova de Ourem, fejn \ammhom maqfulin.  G]alhekk id-dehra ma se]]itx dak in-nhar, i\da se]]et il-}add ta’ wara, 19 ta’ Awissu, wara li kienu [ew lura mill-]abs.

Fir-rakkont tagħha, Luċija hija żbaljata li taħseb li d-Dehra seħħet fl-istess jum li fih ġew lura mill-ħabs f’Villa Nova de Ourem.  Dan mhux korrett.  Id-Dehra seħħet il-Ħadd ta’ wara, 19 ta’ Awissu.


It-Tielet Dehra tal-Madonna - Fit-13 ta’ Lulju 1917


Luċija tirrakonta fil-Memoirs tagħha:

Is-sigriet ta’ Fatima huwa magħmul minn tlett partijiet distinti, tnejn minnhom se nirivela issa.

L-ewwel parti hija id-dehra tal-infern.

Fit-13 ta’ Lulju 1917


Ftit waqtiet wara li wasalna f’Cova da Iria, ħdejn il-balluta, fejn kien hemm għadd kbir ta’ nies jitolbu r-Rużarju, aħna rajna l-leħħa ta’ dawl għal darba oħra, u mument wara l-Madonna dehret fuq il-balluta.

“Xi trid minni?” staqsejt jien.

“Irridek tiġi fit-13 tax-xahar id-dieħel, u li tkompli titlob ir-Rużarju kuljum f’ġieħ il-Madonna tar-Rużarju, biex tikseb il-paċi għad-dinja u l-waqfien tal-gwerra, għax hi biss tista’ tgħinek.”

“Nixtieq nistaqsik tgħidilna min int, u li tagħmel miraklu biex kulħadd jemmen li inti tidhrilna.”

“Komplu ejjew hawn kull xahar.  F’Ottubru, jien ngħidilkom min jien u x’irrid, u nwettaq miraklu li jarah kulħadd u jemmen.”

Jien imbagħad għamilt xi talbiet, iżda issa ma nistax niftakar x’kienu.  Dak li niftakar hu li l-Madonna qalet li kien meħtieġ li nies bħal dawk jitolbu r-Rużarju sabiex jaqilgħu dawk il-grazzji matul is-sena.  U hi ssuktat:
Issagrifika lilek innifsek għall-midinbin, u għid ħafna drabi, speċjalment kull darba li tagħmel xi sagrifiċċju: O Ġesu, (dan) għall-imħabba tiegħek, għall-konverżjoni tal-midinbin, u bi tpattija għad-dnubiet magħmula kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.”

Malli l-Madonna qalet dawn l-aħħar kelmiet, hija fetħet idejha għal darb oħra, kif kienet għamlet matul ix-xahrejn ta’ qabel.  Ir-raġġi tad-dawl dehru jinfdu l-art, u aħna rajna qisu baħar ta’ nar.  Mitfugħin f’dan in-nar kien hemm xjaten u erwieħ f’sura ta’ bnedmin, bħal ġamar jaqbad u trasparenti, kollhom suwed jew kulur il-bronż maħruq, għaddejjin fil-wiċċ fil-ħuġġieġa, issa mgħollijin fl-arja bil-fjammi li kienu ħerġin minn ġo fihom infushom flimkien ma’ sħab kbir ta’ duħħan, issa jaqgħu lura fuq kull naħa bħal sufarelli fi ħġejjeġ kbar ħafna, mingħajr piż jew ekwilibriju, fost twerżieq u krib bl-uġiegħ u disperazzjoni, li werwruna u ġagħlna nirtgħodu bil-biża. (Bilfors li kienet din id-dehra li ġegħlitni ngħajjat, kif in-nies qalu li semgħuni)**.  Ix-xjaten setgħu jiġu magħrufin bix-xebħ li jimbuttak u tal-biża tagħhom ma’ annimali tal-biża’ u mhux magħrufin, suwed u trasparenti qishom faħam jaqbad.

Imwerwrin u bħalikieku biex nitolbu l-għajnuna aħna ħarisna lejn il-Madonna li, imnikkta ħafna, qaltilna b’tant ħlewwa:
Intom rajtu l-infern fejn imorru l-erewieħ tal-midinbin imsejkna.  Biex isalvahom, Alla jixtieq iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi.  Jekk isir dak li ngħidilkom jien, ikunu salvati ħafna erwieħ u jkun hemm il-paċi.  Il-gwerra se tieqaf; iżda jekk in-nies ma jiqfux joffendu ‘l Alla, waħda għar se tinqala’ matul il-pontifikat ta’ Piju XII.  Meta taraw lejl imdawwal b’dawl mhux mgħaruf, kunu afu li dan hu s-sinjal mgħoti lilkom minn Alla li jkun se jikkastiga d-dinja għad-delitti tagħha, permezz ta’ gwerra, u persekuzzjoinijiet tal-Knisja u tal-Papa.

Biex inħariskom minn dan, jien se niġi u nitlob il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi u t-Tqarbina ta’ Tpattija fl-Ewwel Sibtijiet.  Jekk it-talbiet tiegħi jiġu milqugħin ir-Russja għad tikkonverti, u jkun hemm il-paċi, jekk le, hija għad tifrex l-iżbalji tagħha mad-dinja, iġġiegħel li jsiru gwerer u persekuzzjonijiet tal-Knisja.  It-tajbin imutu martri, il-Papa għad ibati ħafna, ħafna pajjiżi jinġiebu fix-xejn.  Fl-aħħar, il-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi għad toħroġ rebbieħa.  Il-Papa għad jikkonsagra r-Russja lili, u hi għad tikkonverti u jkun mgħoti lid-dinja żmien ta’ paċi.  Fil-Portugall, id-domma tal-Fidi tibqa’ dejjem imħarsa; eċċ …  Dan tgħiduh lil ħadd.  Lil Franġisku, iva, tistgħu tgħidulu.

Meta titolbu r-Rużarju, għidu wara kull misteruO Ġesu tiegħi, aħfrilna, eħlisna min-nar tal-infern.  Mexxi l-erwieħ kollha lejn il-ġenna, speċjalment dawk li l-aktar għandhom bżonn.”

Wara dan, kien hemm waqt ta’ skiet, imbagħad jien staqsejt:

“Trid xi ħaġa oħra minni?”

“Le, ma rrid xejn iktar minnek illum.”

Imbagħad, bħal qabel il-Madonna bdiet tiela’ lejn il-lvant, sakemm fl-aħħar ma baqgħetx tidher.


__________________

 **  Nota: 
Dak iż-żmien, silta fir-rapport dwar dan l-inċident li deher fil-gazzetta ta’ kuljum "O Século" tat-23 ta’ Lulju 1917 kienet tgħid: “Kien hemm ħoss qisu ta’ ragħad, u minnufih it-tfal infexxew jibku, u bdew jgħamlu mossi bla kontroll, u wara intilfu f’estasi