Showing posts with label luċija. Show all posts
Showing posts with label luċija. Show all posts

Il-Vokazzjoni ta’ Luċija għall-ħajja reliġjuża fil-klawsura tal-Karmelu

Luċija tirrakonta fil-Memoirs tagħha:

Ftakart fl-għażiża Madonna tal-Karmelu u f’dak il-ħin ħassejt il-grazzja tal-vokazzjoni għall-ħajja reliġjuża u ġibda għall-Klawsura tal-Karmelu. Hadt lil Sr. Tereża ż-żgħira tal-Bambin Ġesù bi protettriċi tiegħi. Xi jiem wara, bil-parir ta’ l-isqof, għamilt l-‘ubbidjenza’ r-regola tiegħi u b’motto ħadt kliem il-Madonna mniżżlin fl-Evanġelju: “Għamlu kull ma jgħidilkom Hu.”

Il-kliem li ntqalu lil Elija kienu qishom indirizzati lili: “Qum, għax int għandek vjaġġ twil quddiemek”. Jien komplejt id-dawra ta’ tislim tiegħi ta’ l-aħħar. Għaddejt il-Cabeço, l-Valinhos, il-bir ta’ Arneiro, d-dar taz-zija u taz-ziju, l-kmamar li kienu joqgħodu fihom Franġisku u Ġaċinta, u fl-aħħarnett il-qiegħa antika. Kull tislima kienet qisha stallet ġo qalbi. Iżda jien kont tajt il-kelma, u għalhekk għandi nkun fidila! Ġeddidt l-‘iva’ tiegħi u biex jgħinuni sejjaħt lill-għażiż Anġlu Kustodju tiegħi u lill-Anġlu tal-Portugal, li kien il-prekursur tal-Verġni Mbierka.


Luċija titlaq minn Fatima għal Porto

Il-għada, fis-16 ta’ Ġunju 1921, għal xi 2.00 a.m., meta r-raħal kollu kien rieqed, jien qomt flimkien ma’ ommi.  Bl-ebda mod ma kien jgħaddi minn moħħ ommi x’taqbida kienet għaddejja ġo qalbi, Abraham ieħor jixxabbat mal-muntanja sabiex joffri lil ibnu lil Alla.  Imseħbin ma’ ħaddiem fqir, tlaqna, u fi triqtna għaddejna mill-Cova da Iria sabiex inkun nista’ ngħid Rużarju ta’ l-aħħar hemmhekk.  Malli għednih, aħna tlaqna, iżda jien tnikkirt ftit biex ngħati l-aħħar tislima, u fil-post fejn illum hemm il-Bażilka jien rajt figura tad-dawl.  Satħajjiltha li kienet l-għażiża Omm tiegħi tas-Sema tagħmilli kuraġġ u tgħtini l-barka tagħha ta’ omm.  Iżda ma nafx, forsi kien r-rifless imħolli fl-ispirtu tiegħi minħabba dak kollu li kien seħħ il-lejl ta’ qabel, jew inkella d-dawl tal-qamar ġos-siġar.

Fis-2.00 p.m. konna fl-isitazzjoni f’Leiria fejn għannaqt lill-ommi f’tislima ta’ l-aħħar.  Hi kienet tibki u, qisha għada mikduda mid-dubju, sellmitli b’dawn il-kelmiet: “Mur, binti, u jekk hu tassew li inti rajt lill-Madonna ħalli tieħu ħsiebek Hi, iżda jekk int kont qed tigdeb, allura tkun ħlejqa mdejqa.”  U l-profezija ta’ ommi twettqet.  Il-Madonna dejjem ħarsitni u mexxiet il-passi t iegħi.
Ave Maria!”




Żewġ Dehriet oħra tal-Madonna lil Luċija wara li tibda tgħix il-ħajja reliġjuża


Hekk Luċija waslet fil-ħin fl-Asilo ġo Vilar no Porto, taħt il-ħarsien tas-Soru ta’ Santa Dorotea.  Fl-14 ta’ Ottubru 1925, Luċija marret Spanja biex issir reliġjuża fl-istess Ordni.  Kien fi Spanja li l-Madonna ġiet biex iżżomm il-wegħda li kienet għamlet fit-13 ta’ Lulju 1917: “Jien għad niġi biex nitlob għall-Konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi u għat-Tqarbina ta’ Tpattija fl-Ewwel Sibtijiet”.

Il-Madonna ġiet fl-10 ta’ Diċembru 1925 f’Pontevedra, fejn Luċija ,kienet diġa postulanta.

Il-Madonna reġgħet ġiet fit-13 ta’ Ġunju 1929 f’Tuy, biex tgħidilha li “kien wasal iż-żmien li fih Alla jitlob lill-Papa f’għaqda mall-isqfijiet kollha tad-dinja, jagħmel il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa Tagħha”.


Taqbid intern ta’ Luċija għall-proposta tal-isqof

Dwar din il-ġrajja Swor Luċija kitbet hekk fil-Memoirs tagħha:

“Meta rġajt lura Fatima żammejt is-sigriet tiegħi sew.  Iżda l-ferħ li ħassejt meta sellimt lill-Isqof ma damx wisq.  Bdejt naħseb fuq il-membri tal-familja tiegħi, id-dar tiegħi, il-Cova da Iria, l-Cabeço, Valinhos, il-bir.  Li jkolli nħalli dak kollu, u għal dejjem!  Biex immur ma nafx fejn.  ....  Kont għedt ‘iva’ lill-isqof, iżda issa ngħid li reġa’ bdieli u ma rridx immur hemm.”

U qisu f’talba lill-Ommha tas-sema, kompliet:
“Mela int kont li qbadtni minn idi u mexxejt il-passi tiegħi.  Iva, int ġejt fid-dinja iktar minn darba biex turini t-triq.  Mingħajrek, jien kont nitlef triqti u nħalli it-triq it-tajba.

F’dak in-nhar tal- 15 ta’ Ġunju 1921, int rajt it-taqbida tiegħi, l-indeċiżjoni tiegħi, u s-sogħba tiegħi għal ‘iva’ li kont għedt qabel.  Int rajt id-dubji tiegħi dwar dak li kien jistennieni, u l-fehma tiegħi li nreġġagħha lura;  Int rajt, ukoll, il-ħsieb ta’ dak li kont se nħalli u n-niket li kien jaqsamli qalbi.

Dit-tislima lil kollox, fl-ewwel fjur ta’ żogħżiti, meta kelli ġejjieni sabiħ quddiemi fid-dar ta’ Senhora D. Assunçao Avelar u ta’ oħrajn li offrewli dar u kura b’għożża materna, u li jien raddejtulhom bl-istess għożża.  Biex nitlaq dan ukoll u dari stess, għal ġejjieni li ma nafux, taqqluli qalbi u ġegħluni nara affarijiet li lanqas biss ridt naħsibhom!  Stajt nagħmlu?  Staqsejt lili nnifsi.  Le.  Ngħid lill-ommi li ma rridx immur u meta għada ma nerġax nidher f’Leiria, tkun maqtugħa darba għal dejjem.  Imbagħad nerġa’ lura Lisbona, jew Santarem fid-dar tal-għażiża tiegħi Sr. D. Adelaide, jew f’Leiria għand is-Sinjorini Patricio.  Inkun aħjar f’xi wieħed minn dawn il-postijiet, u nkun nista’ nistudja u nagħmel ġejjieni tajjeb għalija nnifsi.

Ma nafx kif se jkun il-post fejn l-isqof iridni immur, u bil-kundizzjoni li qatt ma nerġa’ lura d-dar.  Dan ifisser li qatt iktar ma nerġa’ nara l-familja tiegħi, u lanqas dawn il-postijiet imbierka: Cova da Iria, Cabeço, il-bir ta’ Arneiro, l-Knisja fejn jgħix Ġesù moħbi tiegħi u fejn irċevejt tant grazzji, it-Tbissima ta’ l-Ewwel Tqarbina tiegħi, Vila Nova de Ourem fejn hemm Ġaċinta, ċ-ċimitrerju fejn jinsabu l-fdalijiet tal-għażiż missieri u ta’ Franġisku!  Qatt iktar ma nerġa’ lura biex nirfes fuq din l-art imbierka, sabiex immur Alla biss jaf fejn!  U lanqas biss inkun nista’ nikteb direttament lill-ommi!  Impossibli, ma mmurx!


L-isqof ta’ Leiria jibgħat lil Luċija l-bogħod minn Fatima

Fl-1920, id-djoċesi ta’ Leiria kienet imwaqqfa mill-ġdid u Dom José Alves Correia da Silva kien ikkonsagrat isqof tad-djoċesi. Hu mill-ewwel. Xtaq ikun mgħarraf b’kollox dwar il-ġrajjiet li seħħew f’Fatima u dwar Luċija, r-ragħajja ż-żgħira li kienet għada ħajja.

Malli sar jaf li f’dak iż-żmien Luċija kienet f’Fatima, l-isqof talab lil waħda mara tal-fiduċja tiegħu biex tmur u tara jekk, bil-kunsens ta’ ommha , setgħetx iġġibha f’Leiria.

Il-proposta ta’ l-isqof lill Luċija

Kien b’dal mod li Luċija ltaqgħet ma’ D. José għall-ewwel darba. L-isqof staqsiha dwar id-dehriet u hi wieġbet għall-mistoqsijiet tiegħu kif taf mill-aħjar li setgħet. Imbagħad staqsiha jekk xtaqitx tħalli Fatima u tmur f’Porto, fejn kienet għadha mhix magħrufa. L-isqof qalilha li:

1. Hi ma kellha titkellem ma ħadd dwar id-dehriet f’Fatima;

2. Hi ma kellha titkellem ma ħadd dwar il-ġenituri u l-familja
    tagħha;

3. hi ma kellhiex tikxef isimha proprju jew minn fejn kienet;

4. ħadd ma kellu jmur jaraha ħlief in-nisa li l-isqof kien bi ħsiebu
    jafdaha magħhom, sabiex huma jkunu jistgħu jindukrawha;

5. hi ma kellha tikteb lil ħadd ħlief lill-ommha. Iżda kellha tibgħat
    l-ittri tagħha lill-Vigarju ta’ Olival, u dan kellu jgħaddihom
    lill-ommha. U kwalunkew ittra li tiktbilha ommha, min-naħa
    tagħha, kellha tibgħatha lill-Vigarju
    ta’ Olival sabiex tkun mgħoddija lilha permezz ta’ l-isqof.

6. hi ma kellhiex terġa’ lura Fatima għall-vaganzi, jew għal xi raġuni
    oħra tkun xi tkun, mingħajr il-permess ta’ l-isqof.

Tifkiriet ta’ Luċija dwar it-13 ta’ Ottubru 1917



Mill-kliem kollu li ntqalu waqt did-dehra tat-13 ta' Ottubru 1917, dawk li l-aktar baqgħu stampati f’qalb Luċija kienu dawk tat-talba li għamlitilhom l-Omm tagħna tas-sema: “Toffendux iżjed lill-Mulej Alla tagħna, għax hu diġa offiż ħafna!

X’tnehida ta’ mħabba, x’talba tenera!  Min se jġgħiel lil din it-talba tidwi fid-dinja kollha, sabiex l-ulied kollha tal-Omm tagħna tas-Sema jisimgħu l-leħen tagħha!

Dak in-nhar, Luċija għaddiet il-ħin ta’ wara nofs in-nhar mal-kuġini tagħha.  Huma kienu qishom xi ħlejjaq rari li l-folol riedu jaraw u josservaw.  Sakemm daħal il-lejl, Luċija kienet diġa mifnija, wara dawk il-mistoqsijiet u l-nterrogazzjonijiet kollha.  Dawn lanqas biss ma waqfu ma’ nżul ix-xemx.  Ħafna nies, li ma setgħux jistaqsuha, baqgħu sa l-għada fil-għodu, jistennew li jmisshom huma.  Xi wħud minnhom ippruvaw ukoll ikellmuhom dak il-lejl, iżda, Luċija, mgħeluba mill-għejja, niżlet u raqdet fl-art.  Għall-grazzja t’Alla, r-rispett uman u l-imħabba tagħha nfisha, dak iż-żmien, Luċija kienet għadha ma tafx x’inhuma.  Għal dir-raġuni, Luċija kienet komda ma kwalunkwe persuna, daqs li kieku kienet qed titkellem mal-ġenituri tagħha.

Dwar dak il-jum, Luċija baqgħet tiftakar sew li hi waslet id-dar mingħajr id-dublett bil-pjiegi li kienet liebsa sa qaddha.  Baqgħet  tiftakar sew ukoll li ommha kienet imbaqbqa ħafna meta rat li Luċija kellha inqas xagħar f’rasha minn Franġisku.  Min serqilha l-pjiegi?  Qalb dik ir-rassa kollha ta’ ġemgħa bħal dik ma kienx hemm nuqqas ta’ mqassijiet jew idejn ħalliela.  Kien faċli biżżejjed li titlef il-maktur tagħha, ukoll jekk fil-fatt ma nsteraqx.  Diġa, fix-xahrejn ta’ qabel, ħafna mill-pjiegi tagħha kienu mqassqsin barra!  Xejn ma kellha tagħha, għalhekk ma għamlilhiex dfifferenza!  Kollox hu ta’ Alla.  Ħalli jagħmel Hu kif jogħġbu.


Wara t-13 ta’ Ottubru, Franġisku qal lil Luċija: “Ħadt pjaċir nara lil-Mulej tagħna, iżda l-iżjed li ħadt pjaċir naraH f’dak id-dawl fejn aħna konna miegħU wkoll.  Issa ma jdumx ma l-Mulej tagħna jeħodni ħdejH.  U mbagħad jien inkun nista’ nħares lejH għal dejjem.