Sadattant kien sebaħ jum
it-13 ta’ Awwissu. Sa mill-lejliet,
ġmiegħi kienu bdew jaslu minn kull naħa.
Huma kolla riedu jarawna u jistaqsuna, u jirrikmandawlna it-talbiet
tagħhom, sabiex inkunu nistgħu ngħadduhom lill-Verġni l-iktar Qaddisa. F’nofs dik il-folla kollha, aħna konna qisna
ballun f’idejn it-tfal subien waqt il-logħob.
Aħna konna imġebbdin ’l hawn u ’l hinn, kulħadd jistaqsina
l-mistoqsijiet mingħajr ma jatuna ċans inwieġbu lil xi ħadd. Fil-qalba ta’ din it-tgeġwiġija kollha, wasal
ordni mingħand l-Amministratur, biex jgħidli mmur id-dar taz-zija, fejn hu kien
qed jistennieni. Missieri rċieva
n-notifika u kien hu li ħadni hemm. Meta
wasalt, hu kien f’kamra mal-kuġini tiegħi.
Hu interrogana hemmhekk, u għamel sforzi ġodda biex iġiegħelna nikxfu
s-sigriet u biex inwiegħdu li aħna qatt ma konna se mmorru lejn il-Cova da
Iria. Billi ma kiseb xejn, hu ordna
lill-missieri u liz-ziju biex jeħduna d-dar tal-kappillan.
M’inix se naħli l-ħin
issa biex noqgħod ngħid lill-Eċċellenza Tiegħek dwar kull ma ġara matul
il-priġunerija tagħna, għax inti diġà tafu kollu. Kif jien kont fissirt qabel lill-Eċċellenza
Tiegħek, dak li l-iktar ħassejt u li nissili l-ikbar tbatija f’dik l-okkażżjoni
kien li kont abbandunata għalkollox mill-familja tiegħi; u dan jgħodd ukoll
għall-kuġini ż-żgħar tiegħi. Wara dan
il-vjaġġ jew priġunerija, għax tassew jien ma nafx x’naqbad insejjaħlu, jien
erġajt lura d-dar, sa fejn nista’ niftakar, fil-15 ta’ Awwissu. Biex niċċelebraw il-wasla tiegħi, huma
mill-ewwel bagħtuni noħroġ in-nagħaġ u mmur neħodhom biex jirgħu. Iz-ziju u z-zija riedu lil uliedhom joqgħodu
magħhom id-dar, u għalhekk bagħtu lil ħuhom Ġanni minflokhom. Billi kien diġà sar ħafna ħin, aħna bqajna
fil-qrib tar-raħal żgħir tagħna, f’post msejjaħ Valinhos.1
Dak li ġara wara, hu
magħruf ukoll mill-Eċċellenza Tiegħek, għalhekk lanqas m’jien se naħli ż-żmien
hawn biex niddeskrivihulek. Għal darb’
oħra il-Verġni l-iktar Imbierka irrikmandatilna l-prattika tas-sagrifiċċju, u
temmet billi qalet:
“Itolbu, itolbu ħafna, u għamlu
sagrifiċċji għall-midinbin; għax ħafna erwieħ imorru l-infern, minħabba li
m’hemm ħadd li jissagrifika ruħu u jitlob għalihom.”
___________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________
1 Kemm hawn u kif ukoll
f’postijiet oħra Luċija ssemmi li d-dehra seħħet f’Valinhos fil-15 ta’ Awwissu,
jiġifieri fil-jum meta reġgħet lura minn Vila Nova de Ourém. Dan huwa żball; il-jum li reġgħet lura minn
Ourém żgur li kien il-15 ta’ Awwissu, iżda d-dehra seħħet il-Ħadd ta’ wara, 19
ta’ Awwissu 1917.