Ma laħqux għaddew ħafna
jiem, meta l-ġenituri tiegħi u z-zijiet irċevew l-ordni mingħand
l-awtoritajiet, biex l-għada, fil-ħin stabbilit, jidhru quddiem
l-Amministrazzjoni, iz-ziju ma’ Ġaċinta u Franġisku, u missieri miegħi. l-Amministrazzjoni hija f’Vila Nova de Ourém;
u hekk kellna nimxu madwar tlett mili, distanza kbira ħafna għal tlett itfal
żgħar. F’dawk iż-żminijiet, l-uniku mezz
ta’ trasport kien jew saqajna t-tnejn jew li tirkeb fuq xi ħmar. Iz-ziju mill-ewwel bagħat risposta li kien se
jidher huwa nnifsu, iżda rigward uliedu, hu ma kienx se jeħodhom.
“Huma, bil-mixi? Ma jifilħux għall-vjaġġ,” qal, “u billi
m’humiex imdorrijin jirkbu, qatt mhu se jirnexxilhom iżommu fuq dahar
il-ħmar. U hu x’inhu, ma jagħmilx sens
li ttella’ żewġt itfal bħal dawk il-qorti.”
Il-ġenituri tiegħi
ħasbuha mod ieħor, anzi bil-maqlub.
“Binti se tmur. Ħalliha twieġeb għaliha nifisha. Min-naħa tiegħi, jien ma nifhem xejn f’dawn
l-affarijiet. Jekk qiegħda tigdeb, tkun
ħaġa tajba li hi tkun ikkastigata minħabba f’hekk.”
Kmieni ħafna, l-għada
filgħodu, rikkbuni fuq dahar il-ħmar, li waqajt minn fuqu tlett darbiet matul
il-vjaġġ, u mort hemm akkompanjata minn missieri u z-ziju. Naħseb li kont diġà għedt lill-Eċċellenza
Tiegħek kemm Ġaċinta u Franġisku batew dak in-nhar għax ħasbu li jien kont se
niġi maqtula. Min-naħa tiegħi, l-iktar
li weġġgħani, kienet l-indifferenza li wrew lejja l-ġenituri tiegħi. Dan deher iktar ċar, billi stajt nara b’liema
għożża z-zija u z-ziju ġiebu ruħhom ma’ wliedhom. Waqt li konna sejrin niftakar li bdejt naħseb
bejni u bejn ruħi: “Kemm huma differenti l-ġenituri tiegħi miz-ziju u
z-zija. Huma jagħtu lilhom infushom
għall-uliedhom, filwaqt li l-ġenituri tiegħi jerħuni bl-ikbar indifferenza, u
jħalluhom jagħmlu bija li jridu! Iżda
jien għandi nieħu paċenzja,” fakkart lili nniffsi fil-fond ta’ qalbi, “ladarba
dan ifisser li jkolli l-ferħ li nbati iktar għall-imħabba tiegħek, Ja Alla
tiegħi, u għall-konverżjoni tal-midinbin.”
F’dan il-ħsieb kont insib il-faraġ dejjem u f’kull waqt.
Fl-uffiċċju tal-Amministrazzjoni, kont mistħarrġa
mill-Amministratur, fil-preżenza ta’ missieri, z-ziju u diversi rġiel oħra li
kienu barranin għalija. L-Amministratur
kien determinat li jġiegħelni nikxef is-sigriet u li nwiegħdu li qatt ma nerġa’
mmur lura lejn il-Cova da Iria. Biex
jilħaq dan il-għan, ma ħallhiex barra la wegħdiet, lanqas theddid. Meta ra li ma kien se jasal imkien, ħallieni,
madankollu qal li għad jilħaq l-għan tiegħu, ukoll jekk ikollu joqtolni. Imbagħad hu widdeb bl-aħrax liz-ziju talli ma
segwiex l-ordnijiet tiegħu, u fl-aħħar ħalliena mmorru d-dar.
No comments:
Post a Comment