Fi ħdan il-familja tiegħi
stess, kien hemm inkwiet ġdid, u weħelt jien bih. Il-Cova da Iria kienet biċċa art tal-ġenituri
tiegħi. Fil-wied kienet iktar għammiela,
u hemm konna nkabbru qamħirrum, ħxejjex tal-ikel, piżelli u ħxejjex tal-ikel
oħra. Fuq il-ġnub tal-għolja kienu
jikbru siġar taż-żebbuġ, ballut, u ġandar.
Issa, minn meta in-nies bdew imorru hemm, ma stajna inkabbru
assulutament xejn. Kollox kien misħuq
mis-saqajn. Billi l-biċċa l-kbira kienu
jiġu rekbin, l-annimali tagħhom kienu jieklu kull ma kienu jsibu u ħarrbtu
kullimkien. Ommi bkiet it-telfa tagħha:
“Int, issa,” qaltli, “meta tkun trid tiekol xi ħaġa, mur itlobha
lis-Sinjura!” Ħuti l-bniet komplew
magħha: “Iva, inti tista’ tieħu kull ma jikber fil-Cova da Iria!”
Dawn il-kummenti nifduli
qalbi, tant li bilkemm kont nissogra nieħu biċċa ħobż biex niekol. Biex iġġagħalni ngħid il-verità, kif qalet
hi, ommi, iktar iva milli le, kienet ittini xeba’ kbira bil-lasta tal-ixkupa
jew b’xi zokk mill-gozz ħatab ta’ ħdejn in-nar.
Iżda minkejja dan, ta’ omm li kienet, hi imbagħad kienet tipprovva
tqawwili saħħti li bdiet tmur lura. Hi
kienet kollha mogħdrija meta kienet tarani daqshekk magħluba u wiċċi isfar, u
kienet tibża’ li stajt nimrad. Imsejkna
omm! Issa, ċertament, li nifhem kif
tassew kienet is-sitwazzjoni tagħha, kemm jiddispjaċini għaliha! Tassew, kellha raġun li taħseb li ma kienetx
tistħoqqli grazzja bħal dik, u għalhekk taħseb li kont qed nigdeb.
Bi grazzja speċjali mingħand il-Mulej Tagħna, qatt
ma ħassejt l-iċken ħsieb jew sentiment ta’ għadab dwar il-mod kif ġabet ruħha
miegħi. Hekk kif l-Anġlu kien ħabbar li
Alla se jibgħatli t-tbatijiet, jien dejjem rajt l-id ta’ Alla f’dan kollu. L-imħabba, l-għożża u l-ġieħ li kont
obbligata lejha, baqgħu jikbru, daqslikieku jien kont l-iktar waħda miżmuma
b’għożża. U issa, jien iktar nafulha
talli trattatni hekk, milli kieku baqgħet iżżommni fil-fsied u ż-żegħil.
No comments:
Post a Comment