Taqbid intern ta’ Luċija għall-proposta tal-isqof

Dwar din il-ġrajja Swor Luċija kitbet hekk fil-Memoirs tagħha:

“Meta rġajt lura Fatima żammejt is-sigriet tiegħi sew.  Iżda l-ferħ li ħassejt meta sellimt lill-Isqof ma damx wisq.  Bdejt naħseb fuq il-membri tal-familja tiegħi, id-dar tiegħi, il-Cova da Iria, l-Cabeço, Valinhos, il-bir.  Li jkolli nħalli dak kollu, u għal dejjem!  Biex immur ma nafx fejn.  ....  Kont għedt ‘iva’ lill-isqof, iżda issa ngħid li reġa’ bdieli u ma rridx immur hemm.”

U qisu f’talba lill-Ommha tas-sema, kompliet:
“Mela int kont li qbadtni minn idi u mexxejt il-passi tiegħi.  Iva, int ġejt fid-dinja iktar minn darba biex turini t-triq.  Mingħajrek, jien kont nitlef triqti u nħalli it-triq it-tajba.

F’dak in-nhar tal- 15 ta’ Ġunju 1921, int rajt it-taqbida tiegħi, l-indeċiżjoni tiegħi, u s-sogħba tiegħi għal ‘iva’ li kont għedt qabel.  Int rajt id-dubji tiegħi dwar dak li kien jistennieni, u l-fehma tiegħi li nreġġagħha lura;  Int rajt, ukoll, il-ħsieb ta’ dak li kont se nħalli u n-niket li kien jaqsamli qalbi.

Dit-tislima lil kollox, fl-ewwel fjur ta’ żogħżiti, meta kelli ġejjieni sabiħ quddiemi fid-dar ta’ Senhora D. Assunçao Avelar u ta’ oħrajn li offrewli dar u kura b’għożża materna, u li jien raddejtulhom bl-istess għożża.  Biex nitlaq dan ukoll u dari stess, għal ġejjieni li ma nafux, taqqluli qalbi u ġegħluni nara affarijiet li lanqas biss ridt naħsibhom!  Stajt nagħmlu?  Staqsejt lili nnifsi.  Le.  Ngħid lill-ommi li ma rridx immur u meta għada ma nerġax nidher f’Leiria, tkun maqtugħa darba għal dejjem.  Imbagħad nerġa’ lura Lisbona, jew Santarem fid-dar tal-għażiża tiegħi Sr. D. Adelaide, jew f’Leiria għand is-Sinjorini Patricio.  Inkun aħjar f’xi wieħed minn dawn il-postijiet, u nkun nista’ nistudja u nagħmel ġejjieni tajjeb għalija nnifsi.

Ma nafx kif se jkun il-post fejn l-isqof iridni immur, u bil-kundizzjoni li qatt ma nerġa’ lura d-dar.  Dan ifisser li qatt iktar ma nerġa’ nara l-familja tiegħi, u lanqas dawn il-postijiet imbierka: Cova da Iria, Cabeço, il-bir ta’ Arneiro, l-Knisja fejn jgħix Ġesù moħbi tiegħi u fejn irċevejt tant grazzji, it-Tbissima ta’ l-Ewwel Tqarbina tiegħi, Vila Nova de Ourem fejn hemm Ġaċinta, ċ-ċimitrerju fejn jinsabu l-fdalijiet tal-għażiż missieri u ta’ Franġisku!  Qatt iktar ma nerġa’ lura biex nirfes fuq din l-art imbierka, sabiex immur Alla biss jaf fejn!  U lanqas biss inkun nista’ nikteb direttament lill-ommi!  Impossibli, ma mmurx!


No comments:

Post a Comment