Bil-għajnuna tal-Mulej
twajjeb, din id-dehra tajjritli s-sħab minn ruħi u erġajt ksibt il-paċi. L-imsejkna ommi inkwetat iżjed u iżjed, hekk
kif rat il-folol li ġew bil-gzuz mill-inħawi kollha.
“Dawn in-nies imsejkna,”
qalet, “jiġu hawn, imqarrqin mill-ingann tiegħek, tista’ sserraħ rasek, u
tassew jien ma nafx x’nista’ nagħmel biex niftħilhom għajnejhom.”
Wieħed raġel imsejken li
ftaħar li għaddiena biż-żmien, li għajjarna u li saħansitra wkoll wasal li tana
xeba’, staqsa lill-ommi darba waħda:
“Allura, Maria Rosa, inti
xi tgħidli dwar id-dehriet ta’ bintek?”
“Ma nafx,” weġbitu. “Jidhirli li m’hi xejn ħlief ħlieqa, li qed
tqarraq b’nofs id-dinja.”
“Toqgħodx tgħid hekk
tgħajjat, li ma jmurx joqtolha xi ħadd.
Naħseb li hemm nies f’dawn l-inħawi li jixtiequ ħafna jagħmlu hekk.”
“Ara, ma jimpurtanix,
sakemm iġgħaluha tistqarr il-verità.
Ngħid għalija, jien dejjem ngħid il-verità, sew kontra wliedi, jew xi
ħadd ieħor, jew saħansitra kontra tiegħi innifsi.”
U, tassew, hekk
kien. Ommi dejjem qalet il-verità,
saħansitra kontra tagħha nnifisha. Aħna,
wliedha, midjunin lejha għal dan l-eżempju tajjeb.
Jum wieħed, iddeċidiet li
terġa’ tipprova iġġgħelni nirtira kull ma kont għedt, skond ma’ qalet hi. Waħħlet f’rasha li l-għada stess terġa’
teħodni d-dar tal-kappillan. Kif inkun
hemm, jien kelli nistqarr li kont gdibt, nitlob maħfra, u nagħmel kwalunkwe
penitenza li r-Reverenza Tiegħu jidhirlu xieraq li jġgħalni nagħmel. Din id-darba l-attakk kien tant qawwi, li ma
kontx naf x’kelli nagħmel. Aħna u sejrin,
kif wasalt ħdejn id-dar taz-ziju, dħalt niġri biex ngħid lil Ġaċinta, li kienet
għadha fis-sodda, x’kien qed jiġri.
Imbagħad ħriġt malajr u mort wara ommi.
Fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta, jien diġà għedt lill Eċċellenza Tiegħek
dwar is-sehem tagħha u ta’ ħuha f’din il-prova li l-Mulej kien bagħtilna, u kif
huma talbu waqt li stennewni ħdejn il-bir, u l-bqija.
Aħna u mexjin, ommi
ppridkatli prietka mill-aqwa. Ħin
minnhom, jien nitriegħed għedtilha: “Iżda, ma, kif nista’ ngħid li ma rajtx,
meta rajt?” Ommi ma qalet xejn. Meta qrobna lejn id-dar tal-kappillan, qalet:
“Ara inti isma’ x’qed ngħidlek! Li rrid
jien hu li inti tgħid il-verità. Jekk
rajt, għid hekk! Iżda jekk ma rajtx,
ammetti li gdibt.”
Mingħajr iktar diskors, tlajna t-taraġ, u l-qassis
twajjeb laqgħana bi ħlewwa mill-aqwa, u kważi nista’ ngħid b’imħabba, fl-uffiċju
tiegħu. Hu staqsieni bir-reqqa, iżda
bl-ikbar ġentilezza, u nqeda b’diversi tattiċi biex jara jekk nikkontradixxix
lili nnifsi, jew jekk ma nkunx konsistenti fid-dikjarazzjonijiet tiegħi. Fl-aħħar, bagħtna, filwaqt li għolla
spallejh, qisu ried ifisser: “Ma nistax naqbad art ta’ dan kollu!”
No comments:
Post a Comment