Wara ftit taż-żmien, erġajna morna bl-imrieħel tagħna
fl-istess post, u l-istess ħaġa reġgħet seħħet
mill-ġdid. Sħabi
għal darb’oħra reġgħu qalu b’kollox. Wara ftit, kienet imtennija l-istess ħaġa. Kienet it-tielet darba li ommi semgħet dawn
il-ħwejjeġ kollha li kienu qed jingħadu dwari barra, mingħajr ma jien kont
għedt l-ebda kelma dwarhom fid-dar.
Għalhekk, sejħitli, pjuttost imdejqa, u qaltli:
“Issa, ħa naraw! X’inhu dak li intom il-bniet qed tgħidu li
rajtu hemm fuq?”
“Ma nafx, ma. Ma nafx x’inhu!”
Xi nies bdew jgħadduna
biż-żmien. Ħuti l-bniet, ftakru li għal
xi żmien wara li għamilt l-Ewwel Tqarbina jien kont inkun kemxejn mitlufa,
staqsewni aktarx b’disprezz:
“Qed tara lil xi ħadd
imgeżwer ġo liżar?”
Ħassejt ħafna dawn
il-kliem u mġieba ta’ żuffjett, billi sa dan iż-żmien kont imdorrija għal xejn
ħlief żegħil. Iżda dan ma kien xejn,
tassew. Qed tara, ma kontx naf x’kellu
imħejji għalija għal li ġej il-Mulej twajjeb.
Madwar dan iż-żmien, kif
diġà rrakuntajt lill-Eċċellenza tiegħek, Franġisku u Ġaċinta talbu u qalgħu
il-permess mingħand il-ġenituri tagħhom biex jibdew jieħdu ħsieb il-merħla
tagħhom. Għalhekk tlaqt lit-twajba sħabi
u minflok isseħibt mal-kuġini tiegħi, Franġisku u Ġaċinta. Ftehmna li nirgħu il-merħliet tagħna fuq
l-artijiet taz-ziju u z-zija u tal-ġenituri tiegħi, biex ma mmorrux lejn
is-Serra mar-ragħajja l-oħra kollha.
Jum wieħed, tlaqna
bin-nagħaġ tagħna lejn xi art tal-ġenituri tiegħi, li tinsab taħt iż-żurżieqa
tal-lvant tal-għolja li diġà semmejt.
Din il-proprjetà kienet tissejjaħ Chousa Velha. Ftit wara li wasalna, madwar nofsinhar, bdiet
traxxax irqieq, tant irqieq li kienet qisha ċpar. Aħna tlajna l-għolja, bil-merħliet tagħna
jimxu warajna, infittxu xi ħarrieġa fil-blat fejn inkunu nistgħu nistkennu. B’hekk din kienet l-ewwel darba li aħna dħalna f’din it-toqba mbierka qalb il-blat. Din kienet f’nofs il-masġar taż-żebbuġ li
kellu n-nannu tiegħi Anastácio. Minn
hemm, kont tista’ tara r-raħal żgħir fejn twelidt jien, id-dar tal-ġenituri
tiegħi, u l-irħula żgħar ta’ Casa Velha u Eira da Pedra. Il-masġar taż-żebbuġ, proprjetà ta’ diversi
nies, kien jasal sa truf l-istess irħula żgħar.
Aħna għaddejna l-jum hemmhekk qalb il-blat, minkejja l-fatt li x-xita
kienet waqfet u ix-xemx kienet qed tiżreġ ħafna u s-sema safi. Aħna kilna l-ikel li ħadna magħna u għedna
r-Rużarju. M’iniex ċerta jekk dakinhar
għednihx bil-mod kif diġà iddeskrivejt lill Eċċellenza Tiegħek, billi ngħidu
biss il-kelma Sliem-għalik-Marija u Missierna fuq kull żibġa, daqskemm kellna
leblieba biex immorru nilgħabu! Malli
spiċċajna t-talb tagħna, bdejna nilgħabu ‘ċagħaq’!
Konna gawdejna l-logħba
għal ftit ħin biss, meta riħ qawwi beda jċaqlaq is-siġar. Aħna ħarisna l-fuq, maħsudin, meta rajna
x’kien qed jiġri, għax il-jum kien ħiemed iktar mis-soltu. Mbagħad, ’l fuq mis-siġar taż-żebbuġ, rajna
riesqa lejna l-figura li diġà semmejt.
Ġaċinta u Franġisku qatt ma kienu rawha qabel, u jien lanqas qatt ma
kont semmejthielhom. Filwaqt li qorbot
lejna, stajna nagħarfu l-karatteristiċi tagħha.
Kien raġel zagħżugħ, ta’ xi erbgħatax jew ħmistax-il sena, abjad iktar
mis-silġ, trasparenti daqs il-kristall meta x-xemx tiddi minn ġo fih, u sabiħ
ħafna. Malli wasal ħdejna, qal: “La
tibżgħux! Jien l-Anġlu tal-Paċi. Itolbu miegħi.”
Filwaqt li niżel
għarkupptejh, baxxa rasu l-isfel sakemm ġbinu mess mal-art, u ġagħalna ntennu
għal tlett darbiet dawn il-kliem: “Alla tiegħi, jiena nemmen fik, nadurak,
nitma fik u nħobbok! Nitolbok maħfra
għal dawk li ma jemmnux fik, ma jadurawkx, ma jittamawx fik u ma jħobbukx.” Imbagħad, filwaqt li qam bilwieqfa, qal:
“Itolbu hekk. Il-Qlub ta’ Ġesù u ta’
Marija qegħdin attenti għal-leħen tat-talb tagħkom.”
Kliemu tnaqqxu tant
fil-fond f’moħħna li qatt ma stajna ninsewhom.
Minn dakinhar il-quddiem, konna nqattgħu ħinijiet twal, baxxuti
bħall-Anġlu, ntennu kliemu, sakemm xi kultant aħna waqajna fl-art,
mifnijin. Jien, mill-ewwel, wissejt
lill-sħabi li din il-ħaġa għandha tinżamm mistura u, għall-grazzja t’Alla, huma
għamlu kif ridt jien.
Kien għadda xi ftit
taż-żmien, u daħal is-sajf, meta kien ikollna mmoru d-dar għall-mistrieħ ta’
wara nosfinhar. Jum wieħed, konna
qegħdin nilgħabu fuq ix-xorok tal-bir li hemm f’tarf il-ġnien tal-ġenituri
tiegħi, li aħna nsejħulu l-Arneiro.
(Diġà semmejt dan il-bir lill-Eċċllenza Tiegħek fir-rakkont tiegħi dwar
Ġaċinta). F’daqqa waħda, rajna ħdejna
l-istess figura, jew aħjar Anġlu, kif deherli li kien.
“X’qed tagħmlu?”
staqsiena. “Itolbu, itolbu ħafna!
Il-Qlub l-iktar qaddisa ta’ Ġesù u ta’ Marija għandhom proġetti ta’
ħniena għalikom. Offru
kontinwament talb u sagrifiċċji lill-Iktar Għoli.”
“Kif għandna nagħmluhom
is-sagrifiċċji?” staqsejt jien.
“Għamlu sagrifiċċju
b’kull ħaġa li tistgħu, u offruh lil Alla bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet
li bihom Hu offiż, u bħala interċessjoni għall-konverżjoni tal-midinbin. B’hekk intom iġġibu l-paċi fuq pajjiżkom. Jiena l-Anġlu kustodju tiegħu, l-Anġlu
tal-Portugall. Fuq kollox, ilqgħu u
sofru bis-sabar it-tbatijiet li l-Mulej jibgħatilkom.”
Kien għadda ħafna żmien,
meta jum wieħed morna nirgħu n-nagħaġ tagħna fuq proprjetà tal-ġenituri tiegħi,
li tinsab fuq iż-żurżieqa tal-għolja li semmejt, ftit iktar il-fuq minn
Valinhos. Dan hu masġar taż-żebbuġ
jgħidulu Pregueira. Wara li kilna,
iddeċidejna li mmorru nitolbu fil-wesgħa qalb il-blat fuq in-naħa l-oħra
tal-għolja. Biex naslu hemm, dorna
madwar l-għolja, u kellna nixxabtu fuq xi blat il-fuq mill-Pregueira. In-nagħaġ, bi tbatija kbira, bilkemm setgħu
jitilgħu fuq dawn il-blat.
Malli wasalna hemm,
inżilna għarkupptejna, bi ġbinna jmissu l-art, u bdejna ntennu t-talba
tal-Anġlu: “Alla tiegħi, jiena nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok! …”, ma
nafx kemm-il darba konna tennejna din it-talba, meta dawl mhux tas-soltu idda
fuqna. Aħna qomna f’salt biex naraw
x’kien qed jiġri, u rajna l-Anġlu. Hu
kien qed iżomm kalċi f’idu x-xellugija, bl-Ostja sospiża fuqu, li minnha waqgħu
xi qtar tad-demm għal ġol-kalċi. Filwaqt
li ħalla l-kalċi sospiż fl-ajru, l-Anġlu niżel għarkupptejh maġenbna u ġagħalna
ntennu għal tlett darbiet:
“Trinità l-iktar
Qaddisa, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, nadurak profondament, u noffrilek
il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità l-iktar għeżież ta’ Ġesù Kristu, li
jinsabu fit-tabernakli kollha tad-dinja, bi tpattija għall-profanazzjonijiet,
għas-sagrileġġi u għall-indifferenza li bihom Huwa nnifsu hu offiż. U għall-merti nfiniti tal-Qalb l-iktar
qaddisa tiegħu, u tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, nitolbok il-konverżjoni
tal-imsejkna midinbin.”
Imbagħad, filwaqt li qam,
ħa f’idejh il-kalċi u l-Ostja. Hu ta
l-Ostja mqaddsa lili, u qassam id-Demm mill-kalċi bejn Ġaċinta u Franġisku, u
waqt li għamel hekk qal: “Ħudu u ixorbu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu,
mgħaddab bl-ikraħ min-nies bla qalb!
Għamlu tpattija għall-ħtijiethom u farrġu lil Alla tagħkom.”
Għal darba oħra, hu
tbaxxa mal-art u tenna magħna, għal tlett darbiet oħra, l-istess talba “Trinità
Qaddisa …” u mbagħad għeb.
Aħna bqajna għal żmien
twil f’din il-qagħda, intennu l-istess kliem għal ħafna drabi. Meta fl-aħħar qomna bil-wieqfa, indunajna li
kien diġà dalam, u għalhekk kien sar il-ħin biex nerġgħu lura d-dar.