Hawn jien, Eċċellenza,
f’għeluq it-tlett snin tiegħi bħala ragħajja, minn meta kelli seba’ snin sakemm
għalaqt l-għaxar snin. Matul dawn
it-tlett snin, id-dar tagħna, u nażżarda ngħid, il-parroċċa tagħna wkoll,
tista’ tgħid li għaddew minn bidla sħiħa.
Ir-Reverendu Dun Pena ma baqax il-kappillan tagħna, u floku sar
ir-Reverendu Dun Boicinha. Meta dan
il-qassis kollu ħeġġa sar jaf li fil-parroċċa kien hemm drawwa mifruxa ħafna li
jsir żfin bla waqfien, hu mill-ewwel beda jippriedka kontra tagħha minn fuq
il-pulptu fil-priedki tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd.
Hu ma kien jitlef l-ebda okkażjoni, kemm fil-pubbliku kif ukoll
privatament, biex jeħodha kontra din id-drawwa ħazina. Malli ommi semgħet lil dan il-qassis tajjeb
jitkellem kontra din il-moda, hi ma ħallietx lil ħuti l-bniet jieħdu sehem
f’dawn id-divertimenti. Minħabba li
l-eżempju ta’ ħuti l-bniet ħajjar lill-oħrajn biex ma jieħdux sehem, din
id-drawwa bil-mod il-mod inqatgħet.
L-istess ġara fost it-tfal, li kienu jorganizzaw iż-żifniet żgħar
għalihom, kif diġà fissirt lill-Eċċellenza Tiegħek meta ktibt dwar il-kuġina
tiegħi Ġaċinta.
B’riferenza għal dan,
darba xi ħadd qal lill-ommi:
“Sa issa, ma kienx dnub
li tieħu sehem fiż-żfin, iżda sempliċement għax għandna kappillan ġdid, hu
dnub. Kif jista’ jkun dan?”
“Ma nafx,” wieġbet
ommi. “Kulma naf hu li l-qassis ma jridx
żfin, għalhekk uliedi l-bniet mhux se jmorru iktar għall-laqgħat bħal
dawk. L-iktar, inħallihom jiżfnu ftit
fil-familja, għax il-qassis jgħid li b’daqshekk m’hemm xejn ħazin.”
Matul dan iż-żmien,
iż-żewġ ħuti bniet il-kbar telqu mid-dar, wara li rċevew is-sagrament
taż-żwieġ. Missieri beda jgħamilha ma
kumpanija ħażina, u ħalla d-dgħjufija tiegħu tirkbu, dan fisser it-telf ta’ xi
proprjetà tagħna. Meta ommi ndunat li
l-mezzi tal-għejxien tagħna kienu qed jonqsu, hi ddeċidiet li tibgħat liż-żewġ
ħuti l-bniet, Gloria u Carolina, biex imorru jaħdmu bħala sefturi.
In-niket ta’ omm Luċija
Id-dar, kien baqa’ biss
ħija, biex jieħu ħsieb il-ftit għelieqi li baqgħalna; ommi, biex tieħu ħsieb
id-dar; u jien, biex noħroġ n-nagħaġ tagħna jirgħu. L-imsejkna ommi dehret qisha mgħarrqa f’baħar
ta’ niket. Bil-lejl, meta konna ninġabru
madwar in-nar, nistennew lill-missieri jiġi jiekol, ommi kienet tħares lejn
il-postijiet vojta ta’ wliedha l-bniet u bi swied ta’ qalb kbir tgħid: “Alla
tiegħi, fejn mar il-ferħ kollu tad-dar tagħna?”
Imbagħad filwaqt li sserraħ rasha fuq mejda żgħira maġenbha, kienet
tinfexx tibki biki kbir. Ħija u jien
konna nibku magħha. Dik kienet waħda
mill-aktar xeni ta’ niket li qatt rajt.
Xi ngħidu billi kont imxennqa għall-ħuti l-bniet, u nara lill-ommi
daqshekk imkedda, kont inħoss qalbi se tinqasam. Għalkemm kont għadni żgħira, fhimt sew
il-qagħda li konna ninsabu fiha.
Imbagħad ftakart kliem
l-Anġlu: “Fuq kollox, ilqgħu bis-sabar is-sagrifiċċji li l-Mulej
jibgħatilkom.” F’waqtiet bħal dawn, kont
immur f’xi mkien imwarrab, biex ma nkattarx it-tbatijiet t’ommi, billi nħalliha
tara n-niket tiegħi. Dal-post,
ġeneralment, kien ikun il-bir tagħna.
Hemmhekk, għarkupptejja, baxxuta għal fuq tarf ix-xorok ta’ fuq il-bir,
id-dmugħ tiegħi tħallat mal-ilmijiet ta’ taħt u offrejt it-tbatijiet tiegħi lil
Alla. Xi minn daqqiet, Ġaċinta u
Franġisku kienu jiġu u jsibuni hekk, f’niket kbir. Billi kien ikolli leħni maħnuq bl-ilfieq u ma
kontx inkun nista’ nlissen l-ebda kelma, huma kienu jaqsmu tbatijieti, tant li
huma wkoll kienu jxerrdu ħafna dmugħ.
Imbagħad Ġaċinta kienet tagħmel l-offerta tagħna tgħajjat: “Alla tiegħi,
aħna noffrulek dawn it-tbatijiet u s-sagrifiċċji kollha, bħala att ta’
tpattija, u għall-konverżjoni tal-midinbin.”
Il-formula tal-offerta ma kenitx tkun dejjem eżatt, iżda s-sens tagħha
kien ikun dejjem l-istess.
Din it-tbatija kollha
bdiet tgħarraq saħħet ommi. Ma kenitx
iktar tiflaħ taħdem, għalhekk bgħatet għal oħti Gloria biex tiġi tieħu ħsiebha,
u tieħu ħsieb id-dar ukoll. Kienu
kkonsultati t-tobba u l-kirurgi kollha li kien hemm f’dawk l-inħawi. Ippruvajna kull xorta ta’ mediċina, iżda ma
kien hemm l-ebda titjib ta’ xejn.
Il-kappillan twajjeb offra biex jieħu lill-ommi f’Leiria fuq
il-karrettun tal-bagħal tiegħu, biex tikkonsulta t-tobba t’hemm. Hi marret Leiria akkompanjata minn oħti
Teresa. Izda reġgħet lura d-dar nofsha
mejta wara vjaġġ bħal dak, mifnija minn tant konsulti, u mingħajr ma kisbet
l-ebda riżultat ta’ fejda. Fl-aħħar,
kien ikkunsultat kirurgu f’S. Mamede.
Huwa qal li ommi kellha leżjoni tal-qalb, rukkel tax-xewka ta’ daharha
mhux f’postu, u l-kliewi mdendlin. Hu ordnalha
trattament rigoruż bil-labar jikwu u diversi għamliet oħra ta’ kura, u dan
tejjeb xi ftit il-kundizzjoni tagħha.
Din kienet il-qagħda tagħna meta wasal it-13 ta’ Mejju
1917. Kien għal ħabta ta’ dan iż-żmien
ukoll li ħija laħaq l-età biex jingaġġa fl-armata. Minħabba li saħħtu kienet tajba ħafna kollox
kien juri li kellu jkun aċċettat. Barra
minn hekk, kienet għaddejja l-gwerra, u kien ikun diffiċli li jikseb
l-eżenzjoni mis-servizz militari. Ommi,
imbeżża’ li kienet se tibqa’ waħedha u ma jkun hemm ħadd biex jieħu ħsieb
l-art, bagħatet għal oħti Carolina biex tiġi d-dar. Sa dan it-tant, il-parrinu ta’ ħija wegħdu li
jiksiblu l-eżenzjoni. Hu għaddhielu
kelma mat-tabib responsabbli mill-eżami mediku, u b’hekk il-Mulej ħanin għoġbu
jagħti dan is-serħan lill-ommi.
No comments:
Post a Comment