Dik il-ħabta,
il-kappillan sar jaf x’kien qed jiġri, u bagħat jgħid lill-ommi biex teħodni
għandu. Ommi ħassitha li setgħet terġa’
tieħu n-nifs, bil-ħsieb li l-qassis kien se jerfa’ r-responsabbiltà hu għal
dawn il-ġrajjiet. Għalhekk hi qaltli:
“Għada, se mmorru l-Quddies, l-ewwel ħaġa kif jisbaħ. Imbagħad, int tmur għand
ir-Reverendu Qassis. Ħalliħ biss
iġagħlek tgħid il-verità, ma jimpurtax kif; ħallih jikkastigak; ħallih jagħmel
li jrid bik, sakemm iġiegħlek tammetti li kont gdibt; imbagħad inkun
sodisfatta.”
Ħuti l-bniet ukoll żammew
ma’ ommi u vvintaw ruxxmata theddid, sempliċement biex ibeżżgħuni dwar
il-laqgħa tal-kappillan. Jien għedt
kollox dwarha lil Ġaċinta u lil ħuha.
“Aħna wkoll sejrin,”
weġbuni huma. “Ir-Reverendu Qassis qal
lill-ommna biex teħodna hemm ukoll, iżda hi ma qaltilna xejn minn dawk
il-ħwejjeġ. Tħabbilx rasek! Jekk isawwtuna, inbatu għall-imħabba
tal-Mulej Tagħna u għall-midinbin.”
L-għada mort miexja wara
ommi, li ma qaltli l-ebda kelma matul it-triq kollha. Ikolli nammetti li kont nirtgħod għal ħsieb
ta’ dak li kien se jiġri. Matul
il-Quddiesa, offrejt it-tbatijieti lil Alla.
Wara, ħriġt mill-knisja ma’ ommi għal għand il-qassis, u bdejt tiela’
t-taraġ li jagħti għas-setaħ. Konna
lħaqna tlajna ftit tarġiet biss, meta ommi daret lura u qalet:
“Tinkwetanix iżjed! Issa għid lir-Reverendu Qassis li gdibt, biex
nhar il-Ħadd ikun jista’ jgħid fil-knisja li kienet kollha gidba, u b’hekk
tintemm il-biċċa kollha. Biċċa xogħol
tajba din! Din il-ġemgħa kollha tiġri
lejn il-Cova da Iria, biss biex titolbu quddiem arbuxell tas-siġar tal-ġandar!”
Mingħajr iktar
frattarija, hi ħabbtet il-bieb. Oħt
il-qassis twajjeb fetħet il-bieb u stednitna noqgħodu bilqiegħda fuq bank u
qaltilna nistennew ftit. Fl-aħħar,
il-qassis tfaċċa. Daħħalna fl-uffiċċju
tiegħu, għamel sinjal lill-ommi biex toqgħod bilqiegħda u lili qalli biex
nersaq maġenb l-iskrivanija tiegħu. Meta
rajt li r-Reverenza Tiegħu kien qed jistaqsini bil-kalma, u b’manijiera ġentili
ħafna, stagħġibt. Madankollu, kont
għadni mbeżża’ dwar x’kien gej.
L-interrogazzjoni saret bir-reqqa ħafna u, nażżarda ngħid,
għajjietni. It-Reverenza Tiegħu spiċċa
b’din l-osservazzjoni qasira:
“Ma jidhirlix li din hi
xi rivelazzjoni mis-Sema. F’każijiet
bħal dawn ġeneralment il-Mulej Tagħna jgħid lill-erwieħ li lilhom jikkomunika
ħwejjeġ bħal dawn biex jgħidu b’dak li jkun ġara lill-konfessur tagħhom jew
lill-kappillan. Iżda din it-tifla,
bil-maqlub, iżżommha kemm tista’ għaliha nnifisha. Din tista’ tkun xi qerq tax-xitan. Issa naraw.
Il-ġejjieni għad jurina x’għandna naħsbu dwar dan kollu.”
No comments:
Post a Comment