(Din hi traduzzjoni
bil-Malti mit-Tieni Memoir ta’ Swor Luċija, li hi kitbet bil-Portugiż, ippubblikat
fil-ktieb “Memorias da Irmã Lúcia” u tradott bl-Ingliż: “Fatima in Lucia’s Own
words”. Dan jinsab ukoll fuq is-sit
elettroniku: http://www.pastorinhos.com/en/publications/ Swor Luċija kitbet dan fuq ordni tal-Isqof
ta’ Leiria, u għalhekk hi tirrakkonta qisha qed tiktiblu ittra twila.)
II. ID-DEHRIET
1. Teħbir misterjuż fl-1915
Luċija r-Ragħajja
Dan (rakkuntat s’issa) hu
kif kienet is-sitwazzjoni sakemm kelli seba’ snin. Wara, ommi ddeċidiet li jien kelli nibda
nieħu ħsieb in-nagħaġ. Missieri ma
qabilx, u lanqas ħuti l-bniet. Huma tant
kienu jħobbuni, li riedu li ssir eċċezzjoni miegħi. Ommi ma riditx iċċedi. “Hi l-istess bħal oħrajn,” qalet, “Karolina
diġà għalqet tnax-il sena. Jiġifieri,
issa hi tista’ tibda taħdem fl-għelieqi, jew, titgħallem biex issir nissieġa
jew ħajjata, liema trid”.
Il-ħsieb tan-nagħaġ
imbagħad ingħata lili. L-aħbar li kont
se nibda l-ħajja tiegħi ta’ ragħajja xterdet malajr fost ir-ragħajja l-oħra;
kważi kollha ġew u offrewli nirgħa magħhom.
Jien lil kollha għidtilhom “Iva”, u ftehimt ma’ kull waħda minnhom biex
niltaqgħu fuq l-għoljiet tas-Serra.
L-għada, is-Serra kienet massa sħiħa ta’ nagħaġ mar-ragħajja tagħhom,
qisha miksija minn sħaba. Iżda jien
ħassejtni skomda qalb dik it-tgeġwiġija.
Għalhekk, għażilt tlieta minn fost ir-ragħajja biex ikunu sħabi, u
mingħajr ma għedt xejn lil ħadd ftehmna li nirgħu n-nagħaġ tagħna fuq
l-għoljiet tan-naħa l-oħra. It-tlieta li
għażilt kienu: Teresa Matias, oħtha Maria Rosa u Maria Justino. L-għada, tlaqna lejn l-għolja magħrufa bħala
Cabeço. Tlgħajna l-għolja
tat-tramuntana. Valinhos, post li
l-Eċċellenza Tiegħek diġà taf bih, qiegħed fin-nofsinhar tal-istess għolja. Fil-lvant taż-żurżieqa hemm l-għar li diġa
semmejt fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta.
Aħna tlajna bin-nagħaġ tagħna kważi sal-quċċata tal-għolja. L-isfel minna kien hemm medda kbira ta’ siġar
– żebbuġ, ballut, arżnu, ġandar, u l-bqija, li kienu jibqgħu sejrin l-isfel
lejn il-wied.
Id-dehriet tal-Anġlu
Għal ħabta ta’ nofsinhar,
kilna. Wara dan, stedint lil sħabi
jitolbu miegħi r-Rużarju, u huma qablu miegħi bil-qalb. Bilkemm ilħaqna bdejna meta, hemm quddiem
għajnejna, rajna figura fl-ajru ’l fuq mis-siġar, dehret qisha statwa
tal-borra, li kienet kważi trasparenti fir-raġġi tax-xemx.
“Dan x’inhu?” sħabi
staqsew, kemxejn imbeżżgħa.
“Ma nafx!”
Aħna komplejna nitolbu,
b’għajnejna ffissati fuq il-figura ta’ quddiemna, u meta spiċċajna t-talb
tagħna, l-figura sparixxiet. Bħal ma
nagħmel is-soltu, jien iddeċidejt li ma ngħid xejn; iżda sħabi, malli waslu
d-dar, qalu lill-familji tagħhom b’dak li ġara.
L-aħbar malajr xterdet, u darba meta wasalt id-dar, ommi staqsietni:
“Ħares ’l hawn! Qed jgħidu li hemm fuq rajtu ma nafx
x’hiex. X’rajtu?”
“Ma nafx,” u billi ma
stajtx infisser lili nnifsi, komplejt:
“Dehret qisha persuna
imgeżwra ġo liżar!” Minħabba li ridt
ngħid li ma stajtx nagħraf il-fattizzi tagħha, żidt ngħid:
“Ma stajtx tagħraf jekk
kellhiex għajnejn jew idejn.”
Ommi temmet l-argument
kollu b’mossa ta’ stmellija: “ħmerijiet tat-tfal!”
No comments:
Post a Comment