It-Tielet Dehra tal-Madonna - Fit-13 ta’ Lulju 1917


Luċija tirrakonta fil-Memoirs tagħha:

Is-sigriet ta’ Fatima huwa magħmul minn tlett partijiet distinti, tnejn minnhom se nirivela issa.

L-ewwel parti hija id-dehra tal-infern.

Fit-13 ta’ Lulju 1917


Ftit waqtiet wara li wasalna f’Cova da Iria, ħdejn il-balluta, fejn kien hemm għadd kbir ta’ nies jitolbu r-Rużarju, aħna rajna l-leħħa ta’ dawl għal darba oħra, u mument wara l-Madonna dehret fuq il-balluta.

“Xi trid minni?” staqsejt jien.

“Irridek tiġi fit-13 tax-xahar id-dieħel, u li tkompli titlob ir-Rużarju kuljum f’ġieħ il-Madonna tar-Rużarju, biex tikseb il-paċi għad-dinja u l-waqfien tal-gwerra, għax hi biss tista’ tgħinek.”

“Nixtieq nistaqsik tgħidilna min int, u li tagħmel miraklu biex kulħadd jemmen li inti tidhrilna.”

“Komplu ejjew hawn kull xahar.  F’Ottubru, jien ngħidilkom min jien u x’irrid, u nwettaq miraklu li jarah kulħadd u jemmen.”

Jien imbagħad għamilt xi talbiet, iżda issa ma nistax niftakar x’kienu.  Dak li niftakar hu li l-Madonna qalet li kien meħtieġ li nies bħal dawk jitolbu r-Rużarju sabiex jaqilgħu dawk il-grazzji matul is-sena.  U hi ssuktat:
Issagrifika lilek innifsek għall-midinbin, u għid ħafna drabi, speċjalment kull darba li tagħmel xi sagrifiċċju: O Ġesu, (dan) għall-imħabba tiegħek, għall-konverżjoni tal-midinbin, u bi tpattija għad-dnubiet magħmula kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.”

Malli l-Madonna qalet dawn l-aħħar kelmiet, hija fetħet idejha għal darb oħra, kif kienet għamlet matul ix-xahrejn ta’ qabel.  Ir-raġġi tad-dawl dehru jinfdu l-art, u aħna rajna qisu baħar ta’ nar.  Mitfugħin f’dan in-nar kien hemm xjaten u erwieħ f’sura ta’ bnedmin, bħal ġamar jaqbad u trasparenti, kollhom suwed jew kulur il-bronż maħruq, għaddejjin fil-wiċċ fil-ħuġġieġa, issa mgħollijin fl-arja bil-fjammi li kienu ħerġin minn ġo fihom infushom flimkien ma’ sħab kbir ta’ duħħan, issa jaqgħu lura fuq kull naħa bħal sufarelli fi ħġejjeġ kbar ħafna, mingħajr piż jew ekwilibriju, fost twerżieq u krib bl-uġiegħ u disperazzjoni, li werwruna u ġagħlna nirtgħodu bil-biża. (Bilfors li kienet din id-dehra li ġegħlitni ngħajjat, kif in-nies qalu li semgħuni)**.  Ix-xjaten setgħu jiġu magħrufin bix-xebħ li jimbuttak u tal-biża tagħhom ma’ annimali tal-biża’ u mhux magħrufin, suwed u trasparenti qishom faħam jaqbad.

Imwerwrin u bħalikieku biex nitolbu l-għajnuna aħna ħarisna lejn il-Madonna li, imnikkta ħafna, qaltilna b’tant ħlewwa:
Intom rajtu l-infern fejn imorru l-erewieħ tal-midinbin imsejkna.  Biex isalvahom, Alla jixtieq iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi.  Jekk isir dak li ngħidilkom jien, ikunu salvati ħafna erwieħ u jkun hemm il-paċi.  Il-gwerra se tieqaf; iżda jekk in-nies ma jiqfux joffendu ‘l Alla, waħda għar se tinqala’ matul il-pontifikat ta’ Piju XII.  Meta taraw lejl imdawwal b’dawl mhux mgħaruf, kunu afu li dan hu s-sinjal mgħoti lilkom minn Alla li jkun se jikkastiga d-dinja għad-delitti tagħha, permezz ta’ gwerra, u persekuzzjoinijiet tal-Knisja u tal-Papa.

Biex inħariskom minn dan, jien se niġi u nitlob il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi u t-Tqarbina ta’ Tpattija fl-Ewwel Sibtijiet.  Jekk it-talbiet tiegħi jiġu milqugħin ir-Russja għad tikkonverti, u jkun hemm il-paċi, jekk le, hija għad tifrex l-iżbalji tagħha mad-dinja, iġġiegħel li jsiru gwerer u persekuzzjonijiet tal-Knisja.  It-tajbin imutu martri, il-Papa għad ibati ħafna, ħafna pajjiżi jinġiebu fix-xejn.  Fl-aħħar, il-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi għad toħroġ rebbieħa.  Il-Papa għad jikkonsagra r-Russja lili, u hi għad tikkonverti u jkun mgħoti lid-dinja żmien ta’ paċi.  Fil-Portugall, id-domma tal-Fidi tibqa’ dejjem imħarsa; eċċ …  Dan tgħiduh lil ħadd.  Lil Franġisku, iva, tistgħu tgħidulu.

Meta titolbu r-Rużarju, għidu wara kull misteruO Ġesu tiegħi, aħfrilna, eħlisna min-nar tal-infern.  Mexxi l-erwieħ kollha lejn il-ġenna, speċjalment dawk li l-aktar għandhom bżonn.”

Wara dan, kien hemm waqt ta’ skiet, imbagħad jien staqsejt:

“Trid xi ħaġa oħra minni?”

“Le, ma rrid xejn iktar minnek illum.”

Imbagħad, bħal qabel il-Madonna bdiet tiela’ lejn il-lvant, sakemm fl-aħħar ma baqgħetx tidher.


__________________

 **  Nota: 
Dak iż-żmien, silta fir-rapport dwar dan l-inċident li deher fil-gazzetta ta’ kuljum "O Século" tat-23 ta’ Lulju 1917 kienet tgħid: “Kien hemm ħoss qisu ta’ ragħad, u minnufih it-tfal infexxew jibku, u bdew jgħamlu mossi bla kontroll, u wara intilfu f’estasi





No comments:

Post a Comment