Omelija fil-Beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta Marto




Omelija tal-Qdusija Tiegħu il-Papa Ġwanni Pawlu II
Waqt il-Quddiesa Solenni
tal-Beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta
f’Fàtima, fit-13 ta’ Mejju 2000
 

1.  “Infaħħrek, Missier, ... , għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Mt. 11, 25).

B’dawn il-kliem għeżież ħuti subien u bniet, Ġesu faħħar lill-Missier tas-Sema għal pjanijiet tiegħu; hu jaf li ħadd ma jista’ jiġi għandu jekk ma jkunx miġbud mill-Missier (ara Ġw. 6, 44); għalhekk hu jfaħħru minħabba l-pjanijiet tiegħu u jħaddanhom bħala iben: “Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok” (Mt. 11, 26).  Inti għoġbok turi s-saltna liċ-ċkejknin.

Skond il-pjan divin, “mara liebsa x-xemx” (Apk. 12:1) niżlet mis-sema fid-dinja biex iżżur lit-tfal ipprivileġġjati tal-Misssier.  Hija tkellimhom bil-leħen u l-qalb ta’ omm; hija titlobhom biex joffru lilhom infushom bħala vittmi ta’ riparazzjoni, u tgħidilhom li se twassalhom qawwijin u sħaħ għand Alla.  U ara, huma jaraw dawl jiddi ħiereġ mill-idejn materni tagħha li ippenetrahom minn ġewwa, tant li ħassewhom mgħaddsin f’Alla l-istess-kif jispjegaw huma-bħalma bniedem jara lilu nniffsu f’mera.

Franġisku Marto

Iktar tard Franġisku, wieħed mit-tlett itfal privileġġjati, jgħid: “Aħna konna  ninħarqu f’dak id-dawl li hu Alla u ma ntemmejnhiex.  Kif inhu Alla?  Huwa mpossibli tgħid.  Fil-fatt aħna qatt ma jirnexxielna ngħidu lin-nies.”   Alla: dawl li jaqbad mingħajr ma jikkonsma.  Mose kellu l-istess esperjenza meta huwa ra lil Alla fl-għollieq jaqbad; huwa sema’ lil Alla jgħid li kien jitħassar lill-poplu tiegħu mjassar u li ddeċieda li jeħlishom permezz tiegħu: ‘Jien inkun miegħek (ara Eż 3:2-12).  Dawk li jilqgħu din il-preżenza jsiru l-għamara u, konsegwentement, “għollieq jaqbad” ta’ l-Iktar Għoli.

2.  L-iktar li impressjona u li mlielu ħajtu għalkollox, lil Beatu Franġisku, kien Alla f’dak id-dawl immens, li ippenetra l-iktar irkejjen ġewwienija tat-tlett itfal.  Iżda Alla qal biss lil Franġisku “kemm kien qalbu sewda’, kif qal hu.  Darba bil-lejl missieru semgħu jolfoq u staqsieh għaliex kien qiegħed jibki; ibnu wieġbu: ‘kont qed naħseb fuq Ġesu li, huwa daqshekk qalbu sewda minħabba l-ħafna dnubiet li jsiru kontrieh”.  Huwa kien imqanqal minn xewqa waħda - li tirrifletti tajjeb kif jaħsbu t-tfal-“li jfarraġ lil Ġesu u jagħmlu ferħan”.

Bidla sħiħa seħħet f’ħajtu, waħda li nistgħu nsejħulha radikali: transformazzjoni li ċertament mhix komuni għal tfal tal-eta tiegħu.  Huwa jiddedika ruħu għall-ħajja spiritwali intensiva, li turi ruħha f’talb bla waqfien u ferventi, u tieħu forma tassew ta’ għaqda mistika mal-Mulej.  Din timbuttah għal purifikazzjoni progressiva tal-ispirtu billi jiċċaħħad mill-pjaċiri tiegħu saħansitra mill-logħob innoċenti tat-tfal.

Franġisku ġarrab mingħajr tgergir it-tbatijiet kbar kaġunati mill-mard li bih miet.  Dan kien jidher ftit wisq biex ifarraġ lil Ġesu: huwa miet bi tbissima fuq xuftejh.  Iċ-ċkejken Franġisku kellu xewqa kbira li jpattti għall-offiżi tal-midinbin billi jistinka li jkun tajjeb u billi joffri s-sagrifiċċji u t-talb tiegħu.

Il-ħajja ta’ Ġjaċinta, oħtu li kienet xi sentejn iżgħar minnu, kienet motivata minn dawn l-istess sentimenti.

Il-Messaġġ ta’ Fatima

3.  “Fis-sema deher sinjal ieħor: ara, dragun kbir minn lewn in-nar” (Apk. 12, 3).

Dawn il-kliem mill-Ewwel Qari tal-Quddiesa iġagħluna naħsbu fuq il-ġlieda kbira bejn it-tajjeb u l-ħażin, u juru kif, meta l-bniedem iwarrab lil Alla, huwa ma jistax isib il-hena, iżda jispiċċa biex jeqred lilu nnifsu.

Kemm kien hemm vittmi matul dan l-aħħar seklu tat-tieni millennju!  Niftakru l-orrur tal-Ewwel u t-Tieni Gwerer Dinjin u l-gwerer l-oħrajn fil-ħafna partijiet tad-dinja, il-kampijiet ta’ konċentrament u tal-qerda, il-gulagi, it-tindif etniku u l-persekuzzjonijiet, it-terroriżmu, il-ħtif ta’ persuni, d-drogi, l-attakki fuq il-ħajja qabel titwieled u fuq il-familja.

Il-messaġġ ta’ Fatima huwa sejħa għall-konverżjoni, jwissi lill-umanità biex ma jkollhiex x’taqsam mad-“dragun” li “denbu kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art” (Apk. 12, 4).  L-għan aħħari tal-bniedem huwa l-ġenna, d-dar tiegħu tassew, fejn il-Missier tas-sema jistenna lil kulħadd bl-imħabba ħanina tiegħu.

Alla ma jrid lil ħadd jintilef; għalhekk elfejn sena ilu bagħat lil Ibnu fid-dinja, “ifittex u jsalva l-mitluf” (Lq. 19,10).  Hu salvana b’mewtu fuq is-salib.  Ħadd ma għandu jneżża lil das-Salib minn qawwietu!  Ġesù miet u rxoxta mill-imwiet biex ikun ‘il-kbir fost ħafna aħwa’ (Rum. 8,29).

Fl-għożża tagħha ta’ omm, il-Verġni Mbierka ġiet f’Fatima biex titlob lil irġiel u nisa “biex ma jkomplux joffendu lil Alla, l-Mulej tagħna, li diġa huwa offiż ħafna”.  Huwa d-dispjaċir ta’ omm li jġagħlha titkellem; hemm fin-nofs id-destin ta’ wliedha.  Għal din ir-raġuni titlob lir-ragħajja żgħar: ‘Itolbu, itolbu ħafna u għamlu sagrifiċċji għall-midinbin; ħafna erwieħ imorru l-infern għaliex ma għandhom lil ħadd li jitlob u jagħmel sagrifiċċji għalihom”


Ġaċinta Marto

4.  Iċ-ċkejkna Ġaċinta ħasset u esperjenzjat personalment it-tbatija kbira li ħasset il-Madonna, billi offriet lilha nfisa b’mod erojku bħala vittma għall-midinbin.  Jum wieħed, meta hija u Franġisku kienu diġa ħadu l-marda li tefgħethom f’qiegħ ta’ sodda, il-Verġni Marija ġiet iżżurhom fid-dar tagġhom, kif iz-zgħira tirrakkonta: “l-Madonna ġiet iżżurna u qaltilna li dalwaqt kienet se tiġi u tieħu lil Franġisku fil-ġenna.  U hi staqsietni jekk jien kontx għadni nixtieq li nikkonverti iktar midinbin.  Jien għidtila iva’.  U meta wasal iż-żmien għal Franġisku biex jitlaq, it-tifla ż-żgħira tgħidlu: “Wassal it-tislijiet tiegħi lill-Mulej tagħna u lill-Madonna u għidilhom li jien qed nissaporti kull ma jridu huma għall-konverżjoni tal-midinbin”

Ġaċinta kienet tant impressjonata bil-viżjoni tal-infern matul id-dehra tat-13 ta’ Lulju li l-ebda mortifikazzjoni jew penitenza ma kienet tqisha tant kbira biex issalva l-midinbin.  Hija setgħet tgħid bir-raġun kollu ma’ San Pawl: ‘Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja’ (Kol. 1, 24). Il-Ħadd li għadda fil-Colosseum f’Ruma ikkomemmorajna il-ħafna xhieda għall-fidi fis-seklu XX, fakkarna it-taħbit li huma għaddew minnu permezz tax-xhieda sinifikanti li ħallewlna.  Sħaba bla għadd ta’ xhieda qalbiena għall-fidi, ħallewlna wirt prezzjuż, li għandu jibqa’ ħaj matul it-tielet millennju.  Hawnhekk f’Fatima, fejn dawn iż-żmienijet ta’ taħbit kienu mħabbra minn qabel u l-Madonna nsistiet għat-talb u penitenza biex jitqassru, jien nixtieq illi nirringrazzja lis-sema għax-xhieda qawwija murija f’dawk il-ħajjiet kollha.  U għal darba oħra nixtieq niċċelebra t-tjieba tal-Mulej miegħi meta kont meħlus mill-mewt wara li kont ġejt ferut gravament fit-13 ta’ Mejju 1981.  Jien ukoll nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lil Beata Ġaċinta għas-sagrifiċċji u t-talb offruti għall-Papa, li hija ratu jbati ħafna.

5.  ‘Missier, infaħħrek, għax inti wrejt dawn il-ħwejjeġ liċ-ċkejknin’.  Illum it-tifħir ta’ Ġesù  jieħu għamla solenni mill-beatifikazzjoni tar-ragħajja ż-żgħar, Franġisku u Ġaċinta.  B’dan ir-rit il-Knisja tixtieq tqiegħed fuq il-kandilabru dawn iż-żewġ xemgħat li Alla xegħel biex idawwal lill-umanità f’dawn is-sigħat mudlama u ta’ qtigħ il-qalb.  Ħalli dawn jiddu fit-triq ta’ il-ġemgħa bla għadd ta’ pellegrini u ta’ dawk kollha li ingħaqdu magħna permezz tar-radju u t-televiżjoni.  Ħalli Faranġisku u Ġaċinta jkunu dawl li jgħin biex idawwal lill-Portugal kollu kumm hu u, b’mod speċjali, lil din id-Djoċesi ta’ Leiria-Fatima.  Nirringrazzja lill-Isqof Serafim ...... 


Appell biex nidħlu fl-“iskola” tal-Madonna


6.  L-aħħar kelmiet tiegħi huma lit-tfal; għeżież subien u bniet, jien qed nara ħafna minkom lebsin bħal Franġisku u Ġaċinta.  Tidhru sbieħ ħafna!  Iżda minn hawn u ftit ħin ieħor jew għada intom tneħħu dawn il-ħwejjeġ u ... ir-ragħajja ż-żgħar jgħibu.  Ma għandhomx jgħibu, hux hekk?!  Il-Madonna tenħtieġ lilkom kollha biex tfarrġu lil Ġesù li huwa mnikket minħabba l-ħwejjeġ ħżiena li jsirulu; hu jenħtieġ it-talb u s-sagrifiċċji tagħkom għall-midinbin.

Itolbu lill-ġenituri u l-għalliema tagħkom biex idaħħlukhom fl-“iskola” tal-Madonna, sabiex hi tkun tista’ tgħallimkom tkunu tixbħu lir-ragħajja ż-żgħar, li għamlu ħilithom biex jagħmlu kull ma talbithom hi.  Jien ngħidilkom li “wieħed jimxi iktar il-quddiem fi żmien qasir ta’ sottomissjoni u dipendenza fuq Marija milli matul snin sħaħ ta’ inizjattivi personali, billi jistrieħ fuqu nnifsu” (San Luiġi de Montfort, Id-Devozzjoni Vera Lejn Il-Verġni Marija, n. 155).  Kien b’dan il-mod li r-ragħajja ż-żgħar saru qaddisin daqshekk malajr.  Waħda mara li laqgħet lil Ġaċinta għandha f’Lisbona, meta semgħet il-parir tant sabiħ u bil-għaqal li tat it-tifla ż-żgħira, staqsietha min kien għallimulha.  “Il-Madonna għallmituli”, weġbitha.  Billi ddedikaw lilhom infushom b’ġenerożita sħiħa għat-tmexxija ta’ Għalliema daqshekk tajba, Ġaċinta u Franġisku malajr laħqu l-qċaċet tal-perfezzjoni.

7.  Missier infaħħrek, għax dak li inti ħbejt mill-għorrief u d-dehenin inti wrejtu liċ-ċkejknin”.

Missier, infaħħrek għal uliedek kollha, mill-Verġni Marija, il-Qaddeja umli tiegħek, sa r-ragħajja ż-żgħar, Franġisku u Ġaċinta.

Ħalli l-messaġġ ta’ ħajjithom jgħix għal dejjem biex idawwal it-triq tal-umanità!

No comments:

Post a Comment