Kif qorob il-ħin, jien tlaqt ma’ Ġaċinta u Franġisku, iżda minħabba l-folol madwarna aħna stgħajna nersqu l-quddiem bi tbatija. It-toroq kienu mimlijin bin-nies, u kulħadd ried jarana u jkellimna. Ma kien hemm l-ebda rispett uman. Nies bla ebda pretensjoni, u wkoll nisa u rġiel ta’ klassi għolja, tħabtu biex joforqu l-folla li kienet timbotta madwarna. Bilkemm laħqu waslu ħdejna, li mitfugħin għarkubtejhom quddiemna, bdew jittalbulna biex inqiegħdu t-talbiet tagħhom quddiem il-Madonna. Oħrajn li ma setgħux jaslu qrib tagħna bdew jgħajtu mill-bogħod.
“Għall-imħabba t’Alla, itolbu lill-Madonna biex tfejjaq lil ibni li hu zopp!” wkoll ieħor għajat: “u li tfejjaq lil tiegħi li hu għama! … Li ttini lura saħħti billi għandi t-tuberkolosi!” u l-bqija.
Il-miżerji kollha tal-umanita kienu miġbura hemmhekk. Xi wħud ixxabbtu fil-quċċata tas-siġar u ħitan biex jarawna għaddejjin, u għajtulna. Lil xi wħud ngħidulhom iva, ngħatu daqqa t’għid lil xi oħrajn u ngħinuhom iqumu mill-art kollha trab. Irnexxielna nimxu ‘l quddiem, bis-saħħa ta’ xi rġiel li għaddew quddiemna u fetħulna trejqa qalb il-folla.
Issa, meta naqra fit-testment il-Ġdid dwar dawk ix-xeni li jsaħħruk tal-Mulej tagħna għaddej fil-Palestina, naħseb f’dawk li l-Mulej tagħna ħallieni nkun xhud għalihom, meta kont għadni biss tifla, fuq it-toroq u sqaqien fqar minn Aljustrel sa Fatima u sa Cova da Iria! Niżżi ħajr lil Alla, billi noffrilu l-fidi tan-nies tajba Portugiżi. U jien naħseb: “Jekk dawn in-nies tant umiljaw ruħhom quddiem tlett itfal fqar, għax biss huma ndenjament kienu mgħotija l-grazzja li jitkellmu ma’ Omm Alla, x’ma kienux jagħmlu li kieku raw lill-Mulej tagħna fil-persuna quddiemhom?”
Sewwa, xejn minn dan ma kien meħtieġ hawnhekk! Kienet il-pinna tiegħi, li ġriet bija u ħaditni lil hemm fejn ma kellix f’moħħi li mmur. Iżda, ma jimputax! Din hi biss digressjoni oħra bla siwi. M’hinix se naqtagħha, biex ma ngħarraqx il-pitazz.
Fl-aħħar, wasalna f’Cova da Iria, u malli wasalna ħdejn il-balluta bdejna ngħidu r-Rużarju man-nies. Ftit wara, aħna rajna l-leħħa tad-dawl, u mbagħad dehret il-Madonna fuq il-balluta.
“Ibqgħu għidu r-Rużarju sabiex tiksbu t-tmiem tal-gwerra. F’Ottubru l-Mulej tagħna se jiġi, kif ukoll il-Madonna tad-Duluri u l-Madonna tal-Karmelu. Jidher San Ġużepp bit-tfajjel Ġesu biex ibierek id-dinja. Lil Alla jgħoġbuh is-sagrifiċċji tagħkom. Huwa ma jridkomx torqdu bil-ħabel imdawwar magħkom, iżda li tilbsuh biss matul il-jum.”
“Qaluli nitolbok ħafna ħwejjeġ, il-fejqan ta’ xi nies morda, ta’ trux u mutu … .”
“Iva, jien se nfejjaq xi wħud, iżda mhux lil xi oħrajn. F’Ottubru jien se nwettaq miraklu biex kulħadd ikun jista’ jemmen.”
Imbagħad il-Madonna bdiet tiela’ bħas-soltu, u ma baqgħetx tidher.
No comments:
Post a Comment