Luċija tirrakonta fil-Memoirs tagħha:
Aħna tlaqna mid-dar kmieni, nistennew li nkunu miżmumin matul it-triq. Ġemgħat ta’ nies imlew it-toroq. Ix-xita kienet nieżla bil-qliel. Ommi kellha qalbha mtertqa bl-inċertezza dwar dak li kien se jiġri, u billli beżgħet li dan kien se jkun l-aħħar jum ta’ ħajti, riedet tiġi miegħi.
Fit-triq, kienu mtennija ix-xeni bħax-xahar ta’ qabel, anzi iktar kotrana u li jqanqluk. Lanqas it-toroq imtajjna ma setgħu iżommu lil dawn in-nies milli jinżlu għarkubtejhom f’attitudni ta’ talb bil-ħerqa u ta’ umilta mill-akbar. Aħna wasalna ħdejn il-balluta fil-Cova da Iria. Kif konna hemm, immexxijin minn imbuttatura ġewwieni, jien tlabt lin-nies biex jgħalqu l-umbrellel tagħhom u jgħidu r-Rużarju. Ftit wara, rajna l-leħħa ta’ dawl, u imbagħad dehret il-Madonna fuq il-balluta.
“Xi trid minni?”
“Irrid ngħidlek li għandha tinbena kappella f’ġieħi. Jiena s-Sinjura tar-Rużarju. Ibqgħu dejjem għidu r-Rużarju kuljum. Il-gwerra se tieqaf, u s-suldati dalwaqt jerġgħu lura lejn djarhom.
“Għandi ħafna ħwejjeġ x’nitolbok: il-fejqan ta’ xi nies morda, il-konverżjoni ta’ midinbin, u ħwejjeġ oħra …”
“Xi wħud, iva, iżda oħrajn le. Huma għandhom isewwu ħajjithom u jitolbu l-maħfra ta’ dnubiethom.”
B’ħarsa ta’ niket kbir, l-Madonna qalet:
“La toffendux iktar lill-Mulej Alla tagħna, għax Hu diġa offiż ħafna.”
Imbagħad, filwaqt li fetħet idejha, hija għamlithom jirriflettu fuq ix-xemx, u waqt li telgħet il-fuq, ir-rifless tad-dawl tagħha nnfisha issokta jkun proġettat fuq ix-xemx infisha.
Wara li l-Madonna kienet għebet fil-bogħod bla qies tas-sema, aħna rajna lil San Ġużepp bit-Tfajjel Ġesu u lill-Madonna liebsa l-abjad b’mantel blu, ħdejn ix-xemx. San Ġużepp u t-Tfajjel Ġesu dehru jbierku lid-dinja għax huma għamlu s-Sinjal tas-Salib, b’idejhom. Meta, wara ftit, id-dehra ma baqgħetx tidher, rajt lil Mulej tagħna u lill-Madonna: dehrli li kienet il-Madonna tad-Duluri. Il-Mulej tagħna deher ibierek lid-dinja bl-istess mod kif kien għamel San Ġużepp. Din id-dehra għebet ukoll, u jien rajt lill-Madonna għal darba oħra, din id-darba tixbah il-Madonna tal-Karmelu.
No comments:
Post a Comment