12. Penitenzi u Sagrifiċċji


Ftit tal-jiem wara, waqt li konna mexjin bin-nagħaġ tagħna għal għonq it-triq, jien sibt biċċa ħabel li kien waqa’ minn xi karettun.  Ġbartu, u sempliċement hekk, irbattu ma’ jdejja.  Wara ftit indunajt li l-ħabel kien qed iweġġgħani.
“Ara, dan iweġġa’!” jien għidt lill-kuġini tiegħi.  “Aħna nistgħu norbtuh ma’ qaddna u noffru dan is-sagrifiċċju lil Alla.”
It-tfal imsejkna mill-ewwel qablu ma dan is-suġġeriment tiegħi.  Aħna mbagħad bdejna naqsmuh bejnietna t-tlieta, billi qiegħdnih fuq ġebla u nagħtuh daqqiet bix-xafra taqta’ ta’ biċċa ġebla oħra li qdietna minflok sikkina. Jew minħabba l-ħxuna jew il-ħruxija tal-ħabel, jew minħabba li aħna xi kultant issikkajnih iżżejjed, dan l-istrument ta’ penitenza sikwit ikkawżalna tbatija tal-biża’.  Minn żmien għal ieħor, Ġaċinta ma kenitx tiflaħ iżżomm id-dmugħ, tant kien kbir l-uġigħ li kkawżalha.  Kull meta jien ħeġġiġtha biex tneħħih, hi wieġbet: “Le!  Irrid noffri dan is-sagrifiċċju bħala tpattija lill-Mulej Tagħna, u għall-konverżjoni tal-midinbin.”
Darb’ oħra konna qegħdin nilgħabu, naqtgħu ix-xtieli żgħar mill-ħitan u ngħaffġuhom bejn idejna biex nisimgħuhom ifaqqgħu.  Waqt li Ġaċinta kienet qed taqta’ dawn ix-xtieli, mid-dehra qabdet xi ftit ħurrieq u tniggżet.  Bilkemm laħqet ħasset l-uġigħ li ma għafsithomx iktar f’idejha, u qaltilna: “Ara!  Ara!  Hawn xi ħaġa oħra li biha nistgħu ngħakksu lilna nfusna!”  Minn dak inhar, ħadna d-drawwa li kultant nolqtu saqajna apposta mal-ħurrieq, sabiex noffru lil Alla iktar minn dawn is-sagrifiċċji.
Jekk m’inix sejra żball, kien matul dan ix-xahar li qbadna d-drawwa li nagħtu lit-tfal iż-żgħar foqra, l-ikel tagħna ta’ nofsinhar, kif diġà iddeskrivejt lill-Eċċellenza Tiegħek fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta.  Kien matul dan ix-xahar ukoll, li ommi bdiet tħossha ftit iktar fil-paċi.  Kienet tgħid: “Li kieku kien hemm imqar xi persuna oħra li rat xi ħaġa, kieku, forsi kont nemmen!  Iżda fost dawk in-nies kollha, huma l-uniċi nies li raw xi ħaġa!”
Issa, matul dan ix-xahar li għadda, diversi nies bdew jgħidu li kienu raw affarijiet differenti.  Xi wħud kienu raw lill-Madonna, oħrajn, diversi sinjali fix-xemx, u l-bqija.  Ommi qalet: “Qabel jien kont naħseb, li jekk ikun hemm imqar xi persuna oħra li rat xi ħaġa, imbagħad kont nemmen; iżda issa, tant nies jgħidu li raw xi ħaġa, u jien xorta ma nemminx!”  Dik il-ħabta, missieri wkoll beda jaqbeż għalija u jsikket lil dawk li bdew iċanfruni; kif kien imdorri jgħid: “Aħna ma nafux jekk hix verità, iżda lanqas ma nafu jekk hix gidba.”
Kien dak iż-żmien li z-ziju u z-zija, imdejqin mill-fittaġni żejda ta’ dawk il-barranin kollha li kienu l-ħin kollu jridu jarawna u jkellmuna, bdew jibgħatu lil binhom Ġanni biex jirgħa l-merħla, u huma stess baqgħu id-dar ma Ġaċinta u Franġisku.  Ftit wara, spiċċaw biex biegħu in-nagħaġ għalkollox.  Minħabba li ma kontx nieħu gost bil-kumpanija ta’ ħadd iktar bdejt noħroġ waħdi bin-nagħaġ.  Kif diġà għedt lill-Eċċelenza Tiegħek, kull meta kont inkun fil-qrib, Ġaċinta u ħuha kienu jiġu ħdejja; u meta il-mergħa kienet tkun il-bogħod huma kienu jkunu jistennewni meta nkun rieġa’ lura lejn id-dar.  Tassew nista’ ngħid li dawn kienu tassew jiem sbieħ.  Waħdi, qalb in-nagħaġ tiegħi, sew fuq il-qċaċet tal-għoljiet jew isfel fil-qigħan tal-widien, jien ikkontemplajt is-sbuħija tas-smewwiet u raddejt ħajr lil Alla t-tajjeb għall-grazzji kollha li kien xerred fuqi.  X’ħin il-leħen ta’ waħda minn ħuti fixkel is-solitudni tiegħi, li għajjtitli biex immur lura d-dar sabiex inkellem lil xi persuna jew oħra li kienet ġiet tistaqsi għalija, ħassejt dispjaċir kbir, u l-faraġ waħdieni kien li nkun nista’ noffri wkoll sagrifiċċju ieħor lill-għażiż Mulej tajjeb tagħna.
Jum wieħed, tlett irġiel ġew biex ikellmuna.  Wara li għamlulna l-mistoqsijiet tagħhom, li kienu kollox barra ta’ gost, huma telqu b’dan il-kumment: “Qisu li tiddeċiedu li tgħidu dak is-sigriet tagħkom.  Jekk le, l-Amministratur għandu f’moħħu li jneħħilkom ħajjitkom!”  Ġaċinta, wiċċha jixgħel bil-ferħ li bl-ebda mod ma ppruvat taħbi, qalet: “Hekk tajjeb!  Jien tant inħobb lill-Mulej Tagħna u lill-Madonna, u b’hekk dalwaqt se narawhom!”  Xterdet ix-xniegħa li l-Amministratur tassew kien bi ħsiebu joqtolna.  Dan ġiegħel lil ziti, li kienet miżżewġa u kienet toqgħod Casais, tiġi d-dar tagħna apposta biex teħodna magħha d-dar tagħha, għax kif fissret hi: “Jien ngħix f’distrett ieħor u, għalhekk, dan l-Amministratur ma jistax imisskom hemm.”  Iżda l-pjan tagħha qatt ma seħħ, għax aħna ma ridniex immorru, u weġibna: “Jekk joqtluna, xorta waħda; immorru l-Ġenna!

11. Mitfugħin il-ħabs f’Ourém


Sadattant kien sebaħ jum it-13 ta’ Awwissu.  Sa mill-lejliet, ġmiegħi kienu bdew jaslu minn kull naħa.  Huma kolla riedu jarawna u jistaqsuna, u jirrikmandawlna it-talbiet tagħhom, sabiex inkunu nistgħu ngħadduhom lill-Verġni l-iktar Qaddisa.  F’nofs dik il-folla kollha, aħna konna qisna ballun f’idejn it-tfal subien waqt il-logħob.  Aħna konna imġebbdin ’l hawn u ’l hinn, kulħadd jistaqsina l-mistoqsijiet mingħajr ma jatuna ċans inwieġbu lil xi ħadd.  Fil-qalba ta’ din it-tgeġwiġija kollha, wasal ordni mingħand l-Amministratur, biex jgħidli mmur id-dar taz-zija, fejn hu kien qed jistennieni.  Missieri rċieva n-notifika u kien hu li ħadni hemm.  Meta wasalt, hu kien f’kamra mal-kuġini tiegħi.  Hu interrogana hemmhekk, u għamel sforzi ġodda biex iġiegħelna nikxfu s-sigriet u biex inwiegħdu li aħna qatt ma konna se mmorru lejn il-Cova da Iria.  Billi ma kiseb xejn, hu ordna lill-missieri u liz-ziju biex jeħduna d-dar tal-kappillan.
M’inix se naħli l-ħin issa biex noqgħod ngħid lill-Eċċellenza Tiegħek dwar kull ma ġara matul il-priġunerija tagħna, għax inti diġà tafu kollu.  Kif jien kont fissirt qabel lill-Eċċellenza Tiegħek, dak li l-iktar ħassejt u li nissili l-ikbar tbatija f’dik l-okkażżjoni kien li kont abbandunata għalkollox mill-familja tiegħi; u dan jgħodd ukoll għall-kuġini ż-żgħar tiegħi.  Wara dan il-vjaġġ jew priġunerija, għax tassew jien ma nafx x’naqbad insejjaħlu, jien erġajt lura d-dar, sa fejn nista’ niftakar, fil-15 ta’ Awwissu.  Biex niċċelebraw il-wasla tiegħi, huma mill-ewwel bagħtuni noħroġ in-nagħaġ u mmur neħodhom biex jirgħu.  Iz-ziju u z-zija riedu lil uliedhom joqgħodu magħhom id-dar, u għalhekk bagħtu lil ħuhom Ġanni minflokhom.  Billi kien diġà sar ħafna ħin, aħna bqajna fil-qrib tar-raħal żgħir tagħna, f’post msejjaħ Valinhos.1
Dak li ġara wara, hu magħruf ukoll mill-Eċċellenza Tiegħek, għalhekk lanqas m’jien se naħli ż-żmien hawn biex niddeskrivihulek.  Għal darb’ oħra il-Verġni l-iktar Imbierka irrikmandatilna l-prattika tas-sagrifiċċju, u temmet billi qalet:
Itolbu, itolbu ħafna, u għamlu sagrifiċċji għall-midinbin; għax ħafna erwieħ imorru l-infern, minħabba li m’hemm ħadd li jissagrifika ruħu u jitlob għalihom.”
___________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________
1 Kemm hawn u kif ukoll f’postijiet oħra Luċija ssemmi li d-dehra seħħet f’Valinhos fil-15 ta’ Awwissu, jiġifieri fil-jum meta reġgħet lura minn Vila Nova de Ourém.  Dan huwa żball; il-jum li reġgħet lura minn Ourém żgur li kien il-15 ta’ Awwissu, iżda d-dehra seħħet il-Ħadd ta’ wara, 19 ta’ Awwissu 1917.


10. L-Ewwel Direttur Spiritwali ta’ Luċija


Jidhirli li kien matul dan ix-xahar li ġie jinterrogani għall-ewwel darba Rev Dr. Formigão.  L-interrogazzjoni tiegħu kienet serja u bir-reqqa.  Għoġobni ħafna, għax kellimni ħafna dwar il-prattika tal-virtù, u għallimni diversi modi kif nitħarreġ fiha.  Hu wrieni santa ta’ Sant Anjeże, qalli dwar il-martirju tagħha u ħeġġiġni biex nimitaha.  Ir-Reverenza Tiegħu baqa’ jiġi kull xahar biex jinterrogani, u dejjem kien jispiċċa billi jagħtini xi parir tajjeb, li kellu jgħinni spiritwalment.  Jum wieħed qalli:
“Binti, int għandek tħobbu ħafna lill-Mulej Tagħna, għal dawk il-favuri u l-grazzji kollha li qed jagħtik.”
Dawn il-kliem tant kellhom effett fuq ruħi li, minn hemm il-quddiem, ksibt id-drawwa li l-ħin kollu ngħid lill-Mulej tagħna: “Alla tiegħi, inħobbok, b’radd il-ħajr tal-grazzji li tajtni."  Tant kont inħobb din il-ġakulatorja, li għaddejtha lil Ġaċinta u lil ħuha, u li tant għoġbithom li, f’nofs il-logħob l-iktar eċitanti, Ġaċinta kienet tistaqsi: “Mela nsejt tgħid lill-Mulej tagħna kemm tħobbu għall-grazzji li tana?”

9. Inkwiet fil-Familja ta’ Luċija


Fi ħdan il-familja tiegħi stess, kien hemm inkwiet ġdid, u weħelt jien bih.  Il-Cova da Iria kienet biċċa art tal-ġenituri tiegħi.  Fil-wied kienet iktar għammiela, u hemm konna nkabbru qamħirrum, ħxejjex tal-ikel, piżelli u ħxejjex tal-ikel oħra.  Fuq il-ġnub tal-għolja kienu jikbru siġar taż-żebbuġ, ballut, u ġandar.  Issa, minn meta in-nies bdew imorru hemm, ma stajna inkabbru assulutament xejn.  Kollox kien misħuq mis-saqajn.  Billi l-biċċa l-kbira kienu jiġu rekbin, l-annimali tagħhom kienu jieklu kull ma kienu jsibu u ħarrbtu kullimkien.  Ommi bkiet it-telfa tagħha: “Int, issa,” qaltli, “meta tkun trid tiekol xi ħaġa, mur itlobha lis-Sinjura!”  Ħuti l-bniet komplew magħha: “Iva, inti tista’ tieħu kull ma jikber fil-Cova da Iria!”
Dawn il-kummenti nifduli qalbi, tant li bilkemm kont nissogra nieħu biċċa ħobż biex niekol.  Biex iġġagħalni ngħid il-verità, kif qalet hi, ommi, iktar iva milli le, kienet ittini xeba’ kbira bil-lasta tal-ixkupa jew b’xi zokk mill-gozz ħatab ta’ ħdejn in-nar.  Iżda minkejja dan, ta’ omm li kienet, hi imbagħad kienet tipprovva tqawwili saħħti li bdiet tmur lura.  Hi kienet kollha mogħdrija meta kienet tarani daqshekk magħluba u wiċċi isfar, u kienet tibża’ li stajt nimrad.  Imsejkna omm!  Issa, ċertament, li nifhem kif tassew kienet is-sitwazzjoni tagħha, kemm jiddispjaċini għaliha!  Tassew, kellha raġun li taħseb li ma kienetx tistħoqqli grazzja bħal dik, u għalhekk taħseb li kont qed nigdeb.
Bi grazzja speċjali mingħand il-Mulej Tagħna, qatt ma ħassejt l-iċken ħsieb jew sentiment ta’ għadab dwar il-mod kif ġabet ruħha miegħi.  Hekk kif l-Anġlu kien ħabbar li Alla se jibgħatli t-tbatijiet, jien dejjem rajt l-id ta’ Alla f’dan kollu.  L-imħabba, l-għożża u l-ġieħ li kont obbligata lejha, baqgħu jikbru, daqslikieku jien kont l-iktar waħda miżmuma b’għożża.  U issa, jien iktar nafulha talli trattatni hekk, milli kieku baqgħet iżżommni fil-fsied u ż-żegħil.

8. It-Theddid tal-Amministratur


Ma laħqux għaddew ħafna jiem, meta l-ġenituri tiegħi u z-zijiet irċevew l-ordni mingħand l-awtoritajiet, biex l-għada, fil-ħin stabbilit, jidhru quddiem l-Amministrazzjoni, iz-ziju ma’ Ġaċinta u Franġisku, u missieri miegħi.  l-Amministrazzjoni hija f’Vila Nova de Ourém; u hekk kellna nimxu madwar tlett mili, distanza kbira ħafna għal tlett itfal żgħar.  F’dawk iż-żminijiet, l-uniku mezz ta’ trasport kien jew saqajna t-tnejn jew li tirkeb fuq xi ħmar.  Iz-ziju mill-ewwel bagħat risposta li kien se jidher huwa nnifsu, iżda rigward uliedu, hu ma kienx se jeħodhom.
“Huma, bil-mixi?  Ma jifilħux għall-vjaġġ,” qal, “u billi m’humiex imdorrijin jirkbu, qatt mhu se jirnexxilhom iżommu fuq dahar il-ħmar.  U hu x’inhu, ma jagħmilx sens li ttella’ żewġt itfal bħal dawk il-qorti.”
Il-ġenituri tiegħi ħasbuha mod ieħor, anzi bil-maqlub.
“Binti se tmur.  Ħalliha twieġeb għaliha nifisha.  Min-naħa tiegħi, jien ma nifhem xejn f’dawn l-affarijiet.  Jekk qiegħda tigdeb, tkun ħaġa tajba li hi tkun ikkastigata minħabba f’hekk.”
Kmieni ħafna, l-għada filgħodu, rikkbuni fuq dahar il-ħmar, li waqajt minn fuqu tlett darbiet matul il-vjaġġ, u mort hemm akkompanjata minn missieri u z-ziju.  Naħseb li kont diġà għedt lill-Eċċellenza Tiegħek kemm Ġaċinta u Franġisku batew dak in-nhar għax ħasbu li jien kont se niġi maqtula.  Min-naħa tiegħi, l-iktar li weġġgħani, kienet l-indifferenza li wrew lejja l-ġenituri tiegħi.  Dan deher iktar ċar, billi stajt nara b’liema għożża z-zija u z-ziju ġiebu ruħhom ma’ wliedhom.  Waqt li konna sejrin niftakar li bdejt naħseb bejni u bejn ruħi: “Kemm huma differenti l-ġenituri tiegħi miz-ziju u z-zija.  Huma jagħtu lilhom infushom għall-uliedhom, filwaqt li l-ġenituri tiegħi jerħuni bl-ikbar indifferenza, u jħalluhom jagħmlu bija li jridu!  Iżda jien għandi nieħu paċenzja,” fakkart lili nniffsi fil-fond ta’ qalbi, “ladarba dan ifisser li jkolli l-ferħ li nbati iktar għall-imħabba tiegħek, Ja Alla tiegħi, u għall-konverżjoni tal-midinbin.”  F’dan il-ħsieb kont insib il-faraġ dejjem u f’kull waqt.
Fl-uffiċċju tal-Amministrazzjoni, kont mistħarrġa mill-Amministratur, fil-preżenza ta’ missieri, z-ziju u diversi rġiel oħra li kienu barranin għalija.  L-Amministratur kien determinat li jġiegħelni nikxef is-sigriet u li nwiegħdu li qatt ma nerġa’ mmur lura lejn il-Cova da Iria.  Biex jilħaq dan il-għan, ma ħallhiex barra la wegħdiet, lanqas theddid.  Meta ra li ma kien se jasal imkien, ħallieni, madankollu qal li għad jilħaq l-għan tiegħu, ukoll jekk ikollu joqtolni.  Imbagħad hu widdeb bl-aħrax liz-ziju talli ma segwiex l-ordnijiet tiegħu, u fl-aħħar ħalliena mmorru d-dar.

7. Omm Luċija ma emmnithiex


Bil-għajnuna tal-Mulej twajjeb, din id-dehra tajjritli s-sħab minn ruħi u erġajt ksibt il-paċi.  L-imsejkna ommi inkwetat iżjed u iżjed, hekk kif rat il-folol li ġew bil-gzuz mill-inħawi kollha.
“Dawn in-nies imsejkna,” qalet, “jiġu hawn, imqarrqin mill-ingann tiegħek, tista’ sserraħ rasek, u tassew jien ma nafx x’nista’ nagħmel biex niftħilhom għajnejhom.”
Wieħed raġel imsejken li ftaħar li għaddiena biż-żmien, li għajjarna u li saħansitra wkoll wasal li tana xeba’, staqsa lill-ommi darba waħda:
“Allura, Maria Rosa, inti xi tgħidli dwar id-dehriet ta’ bintek?”
“Ma nafx,” weġbitu.  “Jidhirli li m’hi xejn ħlief ħlieqa, li qed tqarraq b’nofs id-dinja.”
“Toqgħodx tgħid hekk tgħajjat, li ma jmurx joqtolha xi ħadd.  Naħseb li hemm nies f’dawn l-inħawi li jixtiequ ħafna jagħmlu hekk.”
“Ara, ma jimpurtanix, sakemm iġgħaluha tistqarr il-verità.  Ngħid għalija, jien dejjem ngħid il-verità, sew kontra wliedi, jew xi ħadd ieħor, jew saħansitra kontra tiegħi innifsi.”
U, tassew, hekk kien.  Ommi dejjem qalet il-verità, saħansitra kontra tagħha nnifisha.  Aħna, wliedha, midjunin lejha għal dan l-eżempju tajjeb.
Jum wieħed, iddeċidiet li terġa’ tipprova iġġgħelni nirtira kull ma kont għedt, skond ma’ qalet hi.  Waħħlet f’rasha li l-għada stess terġa’ teħodni d-dar tal-kappillan.  Kif inkun hemm, jien kelli nistqarr li kont gdibt, nitlob maħfra, u nagħmel kwalunkwe penitenza li r-Reverenza Tiegħu jidhirlu xieraq li jġgħalni nagħmel.  Din id-darba l-attakk kien tant qawwi, li ma kontx naf x’kelli nagħmel.  Aħna u sejrin, kif wasalt ħdejn id-dar taz-ziju, dħalt niġri biex ngħid lil Ġaċinta, li kienet għadha fis-sodda, x’kien qed jiġri.  Imbagħad ħriġt malajr u mort wara ommi.  Fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta, jien diġà għedt lill Eċċellenza Tiegħek dwar is-sehem tagħha u ta’ ħuha f’din il-prova li l-Mulej kien bagħtilna, u kif huma talbu waqt li stennewni ħdejn il-bir, u l-bqija.
Aħna u mexjin, ommi ppridkatli prietka mill-aqwa.  Ħin minnhom, jien nitriegħed għedtilha: “Iżda, ma, kif nista’ ngħid li ma rajtx, meta rajt?”  Ommi ma qalet xejn.  Meta qrobna lejn id-dar tal-kappillan, qalet: “Ara inti isma’ x’qed ngħidlek!  Li rrid jien hu li inti tgħid il-verità.  Jekk rajt, għid hekk!  Iżda jekk ma rajtx, ammetti li gdibt.”
Mingħajr iktar diskors, tlajna t-taraġ, u l-qassis twajjeb laqgħana bi ħlewwa mill-aqwa, u kważi nista’ ngħid b’imħabba, fl-uffiċju tiegħu.  Hu staqsieni bir-reqqa, iżda bl-ikbar ġentilezza, u nqeda b’diversi tattiċi biex jara jekk nikkontradixxix lili nnifsi, jew jekk ma nkunx konsistenti fid-dikjarazzjonijiet tiegħi.  Fl-aħħar, bagħtna, filwaqt li għolla spallejh, qisu ried ifisser: “Ma nistax naqbad art ta’ dan kollu!”

6. Inkorraġġiment minn Ġaċinta u Franġisku


Kemm ġagħlitni nbati din ir-riflessjoni, Alla biss jaf, għaliex Hu biss jista’ jinfed il-fond ta’ qalbna.  Beda jkolli dubji jekk dawn id-dehriet setgħux kienu ġejjin mix-xitan, li kien qed ifittex li b’dawn il-mezzi jġgħalni nitlef ruħi.  Minħabba li bdejt nisma’ li x-xitan dejjem iġib ġlied u taqlib, jien bdejt naħseb li, tassew, minn meta jien bdejt nara dawn il-ħwejjeġ, id-dar tagħna ma baqgħetx l-istess, għaliex il-ferħ u l-paċi kienu għebu.  Kemm niket ħassejt!  Jien għarraft lill-kuġini tiegħi bid-dubji tiegħi.
Le, mhux ix-xitan!” wieġbet Ġaċinta, żgur li le!  Jgħidu li x-xitan hu ikrah ħafna u li hu isfel taħt l-art fl-infern.  Iżda dik is-Sinjura hi sabiħa ħafna, u rajniha titla’ lejn is-sema!”
Il-Mulej Tagħna inqeda b’dan biex itaffili xi ftit id-dubji li kelli.  Iżda matul dak ix-xahar, tlift il-ħeġġa kollha biex nagħmel is-sagrifiċċji u l-atti ta’ mortifikazzjoni, u spiċċajt intella’ u nniżel jekk ikunx aħjar li ngħid li kont qed nigdeb, u b’hekk inwaqqaf kollox.
Tagħmilx hekk!” qalu Ġaċinta u Franġisku.  Ma tarax li issa se tgħid gidba, u li tgħid il-gideb huwa dnub?”
Waqt li kont qed naħseb hekk, kelli ħolma li iktar żiedet id-dalma tal-ispirtu tiegħi.  Rajt ix-xitan jidħaq li rnexxielu jqarraq bija, filwaqt li pprova jkaxkarni l-isfel lejn l-infern.  Kif sibt ruħi taħt idejh, tant bdejt inwerżaq ngħajjat u nsejjaħ lill-Madonna biex tgħinni, li qajjimt lill-ommi.  Bil-ħasda, hi għajjtitli u staqsietni x’kien ġara.  Ma niftakarx x’għedtilha, iżda niftakar li kont tant ibbist bil-biża’ li ma stajtx norqod iktar dak il-lejl.  Din il-ħolma ħallietli ruħi mgħottija bi sħaba ta’ biża’ u dwejjaq tassew.  L-uniku serħan tiegħi kien li mmur għalija waħdi f’xi post imwarrab, u hemm nibki kemm niflaħ.  Anke l-kumpanija tal-kuġini tiegħi bdejt inħossha ta’ piż, u minħabba f’hekk, bdejt nistaħba minnhom ukoll.  L-imsejkna tfal!  Xi drabi, kienu jfittxuni, jgħajjtu ismi u ma jirċievu l-ebda tweġiba, iżda jien kont inkun hemm il-ħin kollu, moħbija qribhom f’xi rokna fejn qatt ma seta’ jiġihom f’rashom li jfittxu.
Kien qorob it-13 ta’ Lulju, u kont għadni niddubita jekk kellix immur.  Ħsibt f’qalbi:  “Jekk hu x-xitan, għalfejn kelli immur narah?  Jekk jistaqsuni għax ma kontx sejra, ngħidilhom li kont qed nibża’ li seta’ kien ix-xitan li qed jidhrilna, u għalhekk ma kontx se mmur.  Ħalli Ġaċinta u Franġisku jgħamlu li jridu; jien m’iniex se nerġa’ lura iżjed lejn il-Cova da Iria.”  Kont ħadt id-deċiżjoni, u jien kont beħsiebni li nwettaqha.
Minn filgħaxija tat-12 tax-xahar, in-nies kienu diġà bdew jinġemgħu, bl-instennija tal-ġrajjiet tal-jum ta’ wara.  Jien għalhekk sejjaħt lil Ġaċinta u lil Franġisku u għiditlhom bid-deċiżjoni tiegħi.
“Aħna sejrin,” weġbuni huma.  “Is-sinjura qalet li għandna mmorru.”
Ġaċinta offriet li tkellem lis-Sinjura, iżda tant kient inkwetata li jien ma kontx sejra, li bdiet tibki.  Jien staqsejtha għaliex kienet tibki.
“Għax int ma tridx tmur!”
“Le, jien m’iniex se mmur.  Isma!  Jekk is-Sinjura tistaqsi għalija, għidilha li jien m’iniex sejra, għax nibża’ li tista’ tkun ix-xitan.”
Jien imbagħad ħallejthom, biex immur nistaħba, ħalli nevita li jkolli nkellem lin-nies kollha li ġew ifittxuni biex jistaqsuni l-mistoqsijiet.  Ommi ħasbet li jien kont qed nilgħab mat-tfal tar-raħal, filwaqt li jien il-ħin kollu kont mistoħbija wara l-arbuxxeli tal-għollieq fil-proprjetà tal-ġar li tmiss mal-Arneiro, ftit lejn il-lvant tal-bir li diġà kont semmejt kemm il-darba.  Hi għajjtet miegħi, hekk kif wasalt lura d-dar dak il-lejl:
“Fik qaddisa żgħira tal-ġibs mill-aqwa, tassew!  Il-ħin kollu minn x’ħin ma bqajtx tieħu ħsieb in-nagħaġ, ma tagħmel xejn ħlief tilgħab, u fuq kollox tgħamel dan b’tali mod li ħadt ma jista’ jsibek!”
L-għada, meta kien kważi sar il-ħin biex immorru, f’daqqa waħda ħassejt li kelli mmur, imġagħala minn qawwa mhix tas-soltu li bilkemm stajt inrażżan.  Imbagħad tlqat, u għaddejt id-dar taz-ziju biex nara jekk Ġaċinta kenitx għadha hemm.  Sibtha f’kamritha, flimkien ma’ ħuha Franġisku, għarkupptejhom maġenb is-sodda, jibku.
“Mela m’intomx sejrin?” staqsejt jien.
“Mhux mingħajrek!  Aħna ma nissugrawx.  Ejja!”
“Iva, jien sejra,” weġibt jien.
Wiċċhom xegħel bil-ferħ, u morna flimkien.
Kien hemm ġmiegħi ta’ nies jistennewna matul it-triq, u bit-taħbit fl-aħħar irnexxielna naslu hemm.  Dan kien il-jum li fih il-Madonna għoġobha tirrivelalna s-Sigriet.  Wara dak, biex tqajjem il-ħeġġa dgħajfa tiegħi, qaltilna:
Issagrifikaw irwieħkom għall-midinbin, u għidu ħafna drabi lil Ġesù, speċjalment kull darba tagħmlu xi sagrifiċċju: Ja Ġesù, dan għall-imħabba Tiegħek, għall-konverżjoni tal-midinbin, u bi tpattija għad-dnubiet magħmulin kontra il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.”

5. Id-Dubji u t-Tentazzjonijiet ta’ Luċija


Dik il-ħabta, il-kappillan sar jaf x’kien qed jiġri, u bagħat jgħid lill-ommi biex teħodni għandu.  Ommi ħassitha li setgħet terġa’ tieħu n-nifs, bil-ħsieb li l-qassis kien se jerfa’ r-responsabbiltà hu għal dawn il-ġrajjiet.  Għalhekk hi qaltli: “Għada, se mmorru l-Quddies, l-ewwel ħaġa kif jisbaħ. Imbagħad, int tmur għand ir-Reverendu Qassis.  Ħalliħ biss iġagħlek tgħid il-verità, ma jimpurtax kif; ħallih jikkastigak; ħallih jagħmel li jrid bik, sakemm iġiegħlek tammetti li kont gdibt; imbagħad inkun sodisfatta.”
Ħuti l-bniet ukoll żammew ma’ ommi u vvintaw ruxxmata theddid, sempliċement biex ibeżżgħuni dwar il-laqgħa tal-kappillan.  Jien għedt kollox dwarha lil Ġaċinta u lil ħuha.
“Aħna wkoll sejrin,” weġbuni huma.  “Ir-Reverendu Qassis qal lill-ommna biex teħodna hemm ukoll, iżda hi ma qaltilna xejn minn dawk il-ħwejjeġ.  Tħabbilx rasek!  Jekk isawwtuna, inbatu għall-imħabba tal-Mulej Tagħna u għall-midinbin.”
L-għada mort miexja wara ommi, li ma qaltli l-ebda kelma matul it-triq kollha.  Ikolli nammetti li kont nirtgħod għal ħsieb ta’ dak li kien se jiġri.  Matul il-Quddiesa, offrejt it-tbatijieti lil Alla.  Wara, ħriġt mill-knisja ma’ ommi għal għand il-qassis, u bdejt tiela’ t-taraġ li jagħti għas-setaħ.  Konna lħaqna tlajna ftit tarġiet biss, meta ommi daret lura u qalet:
“Tinkwetanix iżjed!  Issa għid lir-Reverendu Qassis li gdibt, biex nhar il-Ħadd ikun jista’ jgħid fil-knisja li kienet kollha gidba, u b’hekk tintemm il-biċċa kollha.  Biċċa xogħol tajba din!  Din il-ġemgħa kollha tiġri lejn il-Cova da Iria, biss biex titolbu quddiem arbuxell tas-siġar tal-ġandar!”
Mingħajr iktar frattarija, hi ħabbtet il-bieb.  Oħt il-qassis twajjeb fetħet il-bieb u stednitna noqgħodu bilqiegħda fuq bank u qaltilna nistennew ftit.  Fl-aħħar, il-qassis tfaċċa.  Daħħalna fl-uffiċċju tiegħu, għamel sinjal lill-ommi biex toqgħod bilqiegħda u lili qalli biex nersaq maġenb l-iskrivanija tiegħu.  Meta rajt li r-Reverenza Tiegħu kien qed jistaqsini bil-kalma, u b’manijiera ġentili ħafna, stagħġibt.  Madankollu, kont għadni mbeżża’ dwar x’kien gej.  L-interrogazzjoni saret bir-reqqa ħafna u, nażżarda ngħid, għajjietni.  It-Reverenza Tiegħu spiċċa b’din l-osservazzjoni qasira:
“Ma jidhirlix li din hi xi rivelazzjoni mis-Sema.  F’każijiet bħal dawn ġeneralment il-Mulej Tagħna jgħid lill-erwieħ li lilhom jikkomunika ħwejjeġ bħal dawn biex jgħidu b’dak li jkun ġara lill-konfessur tagħhom jew lill-kappillan.  Iżda din it-tifla, bil-maqlub, iżżommha kemm tista’ għaliha nnifisha.  Din tista’ tkun xi qerq tax-xitan.  Issa naraw.  Il-ġejjieni għad jurina x’għandna naħsbu dwar dan kollu.”

4. Id-Dehriet tal-Madonna


Issa m’iniex se nitlef żmien biex noqgħod niddeskrivi d-dehra tat-13 ta’ Mejju.  Din hi magħrufa biżżejjed mill-Eċċellenza Tiegħek, u għalhekk ikun telf ta’ żmien għalija li nidħol fiha hawnhekk.  Inti taf ukoll kif ommi saret taf b’dak li ġara, u kif hi għamlet minn kollox biex iġġgħelni nammeti li jien kont gdibt.  Aħna konna ftehmna biex qatt ma nikxfu ma ħadd il-kliem li l-Madonna kienet qaltilna dak in-nhar.  Wara li wegħditna li se teħodna l-Ġenna, hi staqsietna:
“Intom lesti li toffru lilkom infuskom lil Alla u tilqgħu it-tbatijiet kollha li Hu jrid jibgħatilkom, bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom Hu offiż, u bħala interċessjoni għall-konverżjoni tal-midinbin?”
“Iva, aħna irridu,” kienet it-tweġiba tagħna.
“Mela, intom se jkollkom tbatu ħafna, iżda l-grazzja ta’ Alla tkun il-faraġ tagħkom.”
It-13 ta’ Ġunju, il-festa ta’ Sant Antnin, dejjem kien jum ta’ festi kbar fil-parroċċa tagħna.  F’dak il-jum, aħna s-soltu noħorġu l-imrieħel filgħodu kmieni ħafna, u fid-disgħa nerġgħu ngħalquhom fl-imqawel tagħhom, u mmorru l-festa.  Ommi u ħuti l-bniet, li kienu jafu kemm kont nagħmel għall-festi, qagħdu jgħiduli: “aħna għad irridu naraw jekk intix se tħalli l-festa sempliċement biex tmur fil-Cova da Iria, u titkellem ma’ dik is-Sinjura!”  F’dak il-jum stess ħadd ma qalli kelma waħda.  Sa fejn kien jolqot lili, huma ġabu ruħhom bħallikieku kienu qed jgħidu: “Ħalluha waħedha; u dalwaqt naraw x’se tagħmel!”
Jien ħriġt il-merħla tiegħi maż-żernieq, bil-ħsieb li ndaħħalhom lura fil-maqjel fid-disgħa, immur il-Quddiesa fl-għaxra, u wara dan, immur fil-Cova da Iria.  Iżda bilkemm laħqet telgħet ix-xemx li ma ġiex ħija jagħajjatli.  Qalli biex immur lura d-dar, għax kien hemm diversi nies li riedu jkellmuni.  Huwa nnifsu baqgħa mal-merħla, u jien mort nara x’riedu.  Sibt ftit nisa, u rġiel ukoll, li kienu ġew minn postijiet bħal Minde, minn madwar Tomar, Carrascos, Boleiros, u l-bqija.  Huma xtaqu jiġu miegħi sal-Cova da Iria.  Jien għedtilhom li kien għadu kmieni, u stedinthom biex jiġu miegħi għall-Quddiesa tat-tmienja.  Wara dan, jien erġajt lura d-dar.  Dawn in-nies twajba stennewni fil-bitħa, għad-dell tas-siġar tat-tin tagħna.
Ommi u ħuti l-bniet issuktaw bl-attitudni tagħhom ta’ stmerrija, u din qasmitli qalbi, u kienet tweġġagħni tassew daqs it-tagħajjir.
Għal ħabta tal-ħdax, tlaqt mid-dar u għaddejt għand iz-ziju, fejn Ġaċinta u Franġisku kienu qegħdin jistennewni.
Imbagħad irħejnhiela għall-Cova da Iria, bl-istennija tal-mument mixtieq.  Dawk in-nies kollha mxew warajna, jistaqsuna elf mistoqsija.  Dak in-nhar, kont maħkuma min-niket.  Indunajt li ommi kienet imnikkta ħafna, u li riedet iġġgħalni bilfors, kif qalet hi, nammetti li kont gdibt.  Xtaqt ħafna nagħmel kif xtaqet hi, iżda l-uniku mod li nagħmel hekk kien li ngħid gidba.  Mill-benniena, hi kienet nisslet f’uliedha stmerrija kbira għall-gideb, u kienet tikkastiga bl-aħrax lil xi ħadd minna li kien jgħid xi gidba.
“Jien ħadt ħsieb,” kienet tgħid sikwit, “li uliedi dejjem jgħidu l-verità, u se nħalli issa liż-żgħira tgħaddiha lixxa fuq ħaġa bħal din?  Li kieku kienet biss xi ħaġa żgħira ... !  Iżda gidba ta’ dan id-daqs, tidħaq b’tant nies u ġġibhom hawn minn tant boghod!”  Wara dan it-tgergir aħrax, kienet iddur lejja, tgħidli: “Iddeċiedi xi trid!  Jew tħassar dan il-qerq billi tgħid lil dawn in-nies li gdibt, jew insakkrek f’kamra mudlama fejn lanqas biss tara d-dawl tax-xemx.  Wara t-taħbit kollu li għaddejt minnu, u issa tiġri ħaġa bħal din!”  Ħuti l-bniet żammew ma’ ommi, u kullimkien madwari kien hemm klima ta’ stmerrija u żuffjet għalkollox.
Imbagħad kont niftakar fil-jiem imgħoddija, u nistaqsi lili nnifsi: “Fejn hu dak il-fsied kollu issa, li l-familja tiegħi kellha għalija sa ftit żmien ilu?”  Is-serħan waħdieni tiegħi kien li nibki quddiem il-Mulej, filwaqt li offrejtlu is-sagrifiċċju tiegħi.  Kien f’dan l-istess jum li, flimkien ma’ dak li diġà irrakuntajt, il-Madonna, bħallikieku tobsor x’kien għaddej, qaltli:
“Qegħda tbati ħafna?  Taqtax qalbek.  Jien qatt ma jien se nitilqek.  Il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi tkun l-kenn tiegħek u t-triq li twasslek għand Alla.”
Meta Ġaċinta ratni bid-dmugħ nieżel, ippruvat tfarraġni, tgħidli:
“Tibkix.  Żgur, dawn huma s-sagrifiċċji li l-Anġlu qal li Alla kien se jibgħatilna.  Għalhekk qiegħda tbati, sabiex tkun tista’ tpattilU u tikkonverti l-midinbin.”

3. Inkwiet fid-Dar ta' Luċija


Hawn jien, Eċċellenza, f’għeluq it-tlett snin tiegħi bħala ragħajja, minn meta kelli seba’ snin sakemm għalaqt l-għaxar snin.  Matul dawn it-tlett snin, id-dar tagħna, u nażżarda ngħid, il-parroċċa tagħna wkoll, tista’ tgħid li għaddew minn bidla sħiħa.  Ir-Reverendu Dun Pena ma baqax il-kappillan tagħna, u floku sar ir-Reverendu Dun Boicinha.  Meta dan il-qassis kollu ħeġġa sar jaf li fil-parroċċa kien hemm drawwa mifruxa ħafna li jsir żfin bla waqfien, hu mill-ewwel beda jippriedka kontra tagħha minn fuq il-pulptu fil-priedki tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd.  Hu ma kien jitlef l-ebda okkażjoni, kemm fil-pubbliku kif ukoll privatament, biex jeħodha kontra din id-drawwa ħazina.  Malli ommi semgħet lil dan il-qassis tajjeb jitkellem kontra din il-moda, hi ma ħallietx lil ħuti l-bniet jieħdu sehem f’dawn id-divertimenti.  Minħabba li l-eżempju ta’ ħuti l-bniet ħajjar lill-oħrajn biex ma jieħdux sehem, din id-drawwa bil-mod il-mod inqatgħet.  L-istess ġara fost it-tfal, li kienu jorganizzaw iż-żifniet żgħar għalihom, kif diġà fissirt lill-Eċċellenza Tiegħek meta ktibt dwar il-kuġina tiegħi Ġaċinta.
B’riferenza għal dan, darba xi ħadd qal lill-ommi:
“Sa issa, ma kienx dnub li tieħu sehem fiż-żfin, iżda sempliċement għax għandna kappillan ġdid, hu dnub.  Kif jista’ jkun dan?”
“Ma nafx,” wieġbet ommi.  “Kulma naf hu li l-qassis ma jridx żfin, għalhekk uliedi l-bniet mhux se jmorru iktar għall-laqgħat bħal dawk.  L-iktar, inħallihom jiżfnu ftit fil-familja, għax il-qassis jgħid li b’daqshekk m’hemm xejn ħazin.”
Matul dan iż-żmien, iż-żewġ ħuti bniet il-kbar telqu mid-dar, wara li rċevew is-sagrament taż-żwieġ.  Missieri beda jgħamilha ma kumpanija ħażina, u ħalla d-dgħjufija tiegħu tirkbu, dan fisser it-telf ta’ xi proprjetà tagħna.  Meta ommi ndunat li l-mezzi tal-għejxien tagħna kienu qed jonqsu, hi ddeċidiet li tibgħat liż-żewġ ħuti l-bniet, Gloria u Carolina, biex imorru jaħdmu bħala sefturi.

In-niket ta’ omm Luċija

Id-dar, kien baqa’ biss ħija, biex jieħu ħsieb il-ftit għelieqi li baqgħalna; ommi, biex tieħu ħsieb id-dar; u jien, biex noħroġ n-nagħaġ tagħna jirgħu.  L-imsejkna ommi dehret qisha mgħarrqa f’baħar ta’ niket.  Bil-lejl, meta konna ninġabru madwar in-nar, nistennew lill-missieri jiġi jiekol, ommi kienet tħares lejn il-postijiet vojta ta’ wliedha l-bniet u bi swied ta’ qalb kbir tgħid: “Alla tiegħi, fejn mar il-ferħ kollu tad-dar tagħna?”  Imbagħad filwaqt li sserraħ rasha fuq mejda żgħira maġenbha, kienet tinfexx tibki biki kbir.  Ħija u jien konna nibku magħha.  Dik kienet waħda mill-aktar xeni ta’ niket li qatt rajt.  Xi ngħidu billi kont imxennqa għall-ħuti l-bniet, u nara lill-ommi daqshekk imkedda, kont inħoss qalbi se tinqasam.  Għalkemm kont għadni żgħira, fhimt sew il-qagħda li konna ninsabu fiha.
Imbagħad ftakart kliem l-Anġlu: “Fuq kollox, ilqgħu bis-sabar is-sagrifiċċji li l-Mulej jibgħatilkom.”  F’waqtiet bħal dawn, kont immur f’xi mkien imwarrab, biex ma nkattarx it-tbatijiet t’ommi, billi nħalliha tara n-niket tiegħi.  Dal-post, ġeneralment, kien ikun il-bir tagħna.  Hemmhekk, għarkupptejja, baxxuta għal fuq tarf ix-xorok ta’ fuq il-bir, id-dmugħ tiegħi tħallat mal-ilmijiet ta’ taħt u offrejt it-tbatijiet tiegħi lil Alla.  Xi minn daqqiet, Ġaċinta u Franġisku kienu jiġu u jsibuni hekk, f’niket kbir.  Billi kien ikolli leħni maħnuq bl-ilfieq u ma kontx inkun nista’ nlissen l-ebda kelma, huma kienu jaqsmu tbatijieti, tant li huma wkoll kienu jxerrdu ħafna dmugħ.  Imbagħad Ġaċinta kienet tagħmel l-offerta tagħna tgħajjat: “Alla tiegħi, aħna noffrulek dawn it-tbatijiet u s-sagrifiċċji kollha, bħala att ta’ tpattija, u għall-konverżjoni tal-midinbin.”  Il-formula tal-offerta ma kenitx tkun dejjem eżatt, iżda s-sens tagħha kien ikun dejjem l-istess.
Din it-tbatija kollha bdiet tgħarraq saħħet ommi.  Ma kenitx iktar tiflaħ taħdem, għalhekk bgħatet għal oħti Gloria biex tiġi tieħu ħsiebha, u tieħu ħsieb id-dar ukoll.  Kienu kkonsultati t-tobba u l-kirurgi kollha li kien hemm f’dawk l-inħawi.  Ippruvajna kull xorta ta’ mediċina, iżda ma kien hemm l-ebda titjib ta’ xejn.  Il-kappillan twajjeb offra biex jieħu lill-ommi f’Leiria fuq il-karrettun tal-bagħal tiegħu, biex tikkonsulta t-tobba t’hemm.  Hi marret Leiria akkompanjata minn oħti Teresa.  Izda reġgħet lura d-dar nofsha mejta wara vjaġġ bħal dak, mifnija minn tant konsulti, u mingħajr ma kisbet l-ebda riżultat ta’ fejda.  Fl-aħħar, kien ikkunsultat kirurgu f’S. Mamede.  Huwa qal li ommi kellha leżjoni tal-qalb, rukkel tax-xewka ta’ daharha mhux f’postu, u l-kliewi mdendlin.  Hu ordnalha trattament rigoruż bil-labar jikwu u diversi għamliet oħra ta’ kura, u dan tejjeb xi ftit il-kundizzjoni tagħha.
Din kienet il-qagħda tagħna meta wasal it-13 ta’ Mejju 1917.  Kien għal ħabta ta’ dan iż-żmien ukoll li ħija laħaq l-età biex jingaġġa fl-armata.  Minħabba li saħħtu kienet tajba ħafna kollox kien juri li kellu jkun aċċettat.  Barra minn hekk, kienet għaddejja l-gwerra, u kien ikun diffiċli li jikseb l-eżenzjoni mis-servizz militari.  Ommi, imbeżża’ li kienet se tibqa’ waħedha u ma jkun hemm ħadd biex jieħu ħsieb l-art, bagħatet għal oħti Carolina biex tiġi d-dar.  Sa dan it-tant, il-parrinu ta’ ħija wegħdu li jiksiblu l-eżenzjoni.  Hu għaddhielu kelma mat-tabib responsabbli mill-eżami mediku, u b’hekk il-Mulej ħanin għoġbu jagħti dan is-serħan lill-ommi.

2. Id-Dehriet tal-Anġlu fl-1916


Id-dehriet tal-Anġlu lit-Tlett Ragħajja ż-Żgħar

Wara ftit taż-żmien, erġajna morna bl-imrieħel tagħna fl-istess post, u l-istess ħaġa reġgħet seħħet mill-ġdid.  Sħabi għal darb’oħra reġgħu qalu b’kollox.  Wara ftit, kienet imtennija l-istess ħaġa.  Kienet it-tielet darba li ommi semgħet dawn il-ħwejjeġ kollha li kienu qed jingħadu dwari barra, mingħajr ma jien kont għedt l-ebda kelma dwarhom fid-dar.  Għalhekk, sejħitli, pjuttost imdejqa, u qaltli:
“Issa, ħa naraw!  X’inhu dak li intom il-bniet qed tgħidu li rajtu hemm fuq?”
“Ma nafx, ma.  Ma nafx x’inhu!”
Xi nies bdew jgħadduna biż-żmien.  Ħuti l-bniet, ftakru li għal xi żmien wara li għamilt l-Ewwel Tqarbina jien kont inkun kemxejn mitlufa, staqsewni aktarx b’disprezz:
“Qed tara lil xi ħadd imgeżwer ġo liżar?”
Ħassejt ħafna dawn il-kliem u mġieba ta’ żuffjett, billi sa dan iż-żmien kont imdorrija għal xejn ħlief żegħil.  Iżda dan ma kien xejn, tassew.  Qed tara, ma kontx naf x’kellu imħejji għalija għal li ġej il-Mulej twajjeb.
Madwar dan iż-żmien, kif diġà rrakuntajt lill-Eċċellenza tiegħek, Franġisku u Ġaċinta talbu u qalgħu il-permess mingħand il-ġenituri tagħhom biex jibdew jieħdu ħsieb il-merħla tagħhom.  Għalhekk tlaqt lit-twajba sħabi u minflok isseħibt mal-kuġini tiegħi, Franġisku u Ġaċinta.  Ftehmna li nirgħu il-merħliet tagħna fuq l-artijiet taz-ziju u z-zija u tal-ġenituri tiegħi, biex ma mmorrux lejn is-Serra mar-ragħajja l-oħra kollha.

L-Ewwel Dehra tal-Anġlu

Jum wieħed, tlaqna bin-nagħaġ tagħna lejn xi art tal-ġenituri tiegħi, li tinsab taħt iż-żurżieqa tal-lvant tal-għolja li diġà semmejt.  Din il-proprjetà kienet tissejjaħ Chousa Velha.  Ftit wara li wasalna, madwar nofsinhar, bdiet traxxax irqieq, tant irqieq li kienet qisha ċpar.  Aħna tlajna l-għolja, bil-merħliet tagħna jimxu warajna, infittxu xi ħarrieġa fil-blat fejn inkunu nistgħu nistkennu.  B’hekk din kienet l-ewwel darba li aħna dħalna f’din it-toqba mbierka qalb il-blat.  Din kienet f’nofs il-masġar taż-żebbuġ li kellu n-nannu tiegħi Anastácio.  Minn hemm, kont tista’ tara r-raħal żgħir fejn twelidt jien, id-dar tal-ġenituri tiegħi, u l-irħula żgħar ta’ Casa Velha u Eira da Pedra.  Il-masġar taż-żebbuġ, proprjetà ta’ diversi nies, kien jasal sa truf l-istess irħula żgħar.  Aħna għaddejna l-jum hemmhekk qalb il-blat, minkejja l-fatt li x-xita kienet waqfet u ix-xemx kienet qed tiżreġ ħafna u s-sema safi.  Aħna kilna l-ikel li ħadna magħna u għedna r-Rużarju.  M’iniex ċerta jekk dakinhar għednihx bil-mod kif diġà iddeskrivejt lill Eċċellenza Tiegħek, billi ngħidu biss il-kelma Sliem-għalik-Marija u Missierna fuq kull żibġa, daqskemm kellna leblieba biex immorru nilgħabu!  Malli spiċċajna t-talb tagħna, bdejna nilgħabu ‘ċagħaq’!
Konna gawdejna l-logħba għal ftit ħin biss, meta riħ qawwi beda jċaqlaq is-siġar.  Aħna ħarisna l-fuq, maħsudin, meta rajna x’kien qed jiġri, għax il-jum kien ħiemed iktar mis-soltu.  Mbagħad, ’l fuq mis-siġar taż-żebbuġ, rajna riesqa lejna l-figura li diġà semmejt.  Ġaċinta u Franġisku qatt ma kienu rawha qabel, u jien lanqas qatt ma kont semmejthielhom.  Filwaqt li qorbot lejna, stajna nagħarfu l-karatteristiċi tagħha.  Kien raġel zagħżugħ, ta’ xi erbgħatax jew ħmistax-il sena, abjad iktar mis-silġ, trasparenti daqs il-kristall meta x-xemx tiddi minn ġo fih, u sabiħ ħafna.  Malli wasal ħdejna, qal: “La tibżgħux!  Jien l-Anġlu tal-Paċi.  Itolbu miegħi.”
Filwaqt li niżel għarkupptejh, baxxa rasu l-isfel sakemm ġbinu mess mal-art, u ġagħalna ntennu għal tlett darbiet dawn il-kliem: “Alla tiegħi, jiena nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok!  Nitolbok maħfra għal dawk li ma jemmnux fik, ma jadurawkx, ma jittamawx fik u ma jħobbukx.”  Imbagħad, filwaqt li qam bilwieqfa, qal: “Itolbu hekk.  Il-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija qegħdin attenti għal-leħen tat-talb tagħkom.”
Kliemu tnaqqxu tant fil-fond f’moħħna li qatt ma stajna ninsewhom.  Minn dakinhar il-quddiem, konna nqattgħu ħinijiet twal, baxxuti bħall-Anġlu, ntennu kliemu, sakemm xi kultant aħna waqajna fl-art, mifnijin.  Jien, mill-ewwel, wissejt lill-sħabi li din il-ħaġa għandha tinżamm mistura u, għall-grazzja t’Alla, huma għamlu kif ridt jien.

It-Tieni Dehra tal-Anġlu

Kien għadda xi ftit taż-żmien, u daħal is-sajf, meta kien ikollna mmoru d-dar għall-mistrieħ ta’ wara nosfinhar.  Jum wieħed, konna qegħdin nilgħabu fuq ix-xorok tal-bir li hemm f’tarf il-ġnien tal-ġenituri tiegħi, li aħna nsejħulu l-Arneiro.  (Diġà semmejt dan il-bir lill-Eċċllenza Tiegħek fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta).  F’daqqa waħda, rajna ħdejna l-istess figura, jew aħjar Anġlu, kif deherli li kien.
“X’qed tagħmlu?” staqsiena. “Itolbu, itolbu ħafnaIl-Qlub l-iktar qaddisa ta’ Ġesù u ta’ Marija għandhom proġetti ta’ ħniena għalikomOffru kontinwament talb u sagrifiċċji lill-Iktar Għoli.”
“Kif għandna nagħmluhom is-sagrifiċċji?” staqsejt jien.
Għamlu sagrifiċċju b’kull ħaġa li tistgħu, u offruh lil Alla bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom Hu offiż, u bħala interċessjoni għall-konverżjoni tal-midinbinB’hekk intom iġġibu l-paċi fuq pajjiżkom.  Jiena l-Anġlu kustodju tiegħu, l-Anġlu tal-Portugall.  Fuq kollox, ilqgħu u sofru bis-sabar it-tbatijiet li l-Mulej jibgħatilkom.”

It-Tielet Dehra tal-Anġlu

Kien għadda ħafna żmien, meta jum wieħed morna nirgħu n-nagħaġ tagħna fuq proprjetà tal-ġenituri tiegħi, li tinsab fuq iż-żurżieqa tal-għolja li semmejt, ftit iktar il-fuq minn Valinhos.  Dan hu masġar taż-żebbuġ jgħidulu Pregueira.  Wara li kilna, iddeċidejna li mmorru nitolbu fil-wesgħa qalb il-blat fuq in-naħa l-oħra tal-għolja.  Biex naslu hemm, dorna madwar l-għolja, u kellna nixxabtu fuq xi blat il-fuq mill-Pregueira.  In-nagħaġ, bi tbatija kbira, bilkemm setgħu jitilgħu fuq dawn il-blat.
Malli wasalna hemm, inżilna għarkupptejna, bi ġbinna jmissu l-art, u bdejna ntennu t-talba tal-Anġlu: “Alla tiegħi, jiena nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok! …”, ma nafx kemm-il darba konna tennejna din it-talba, meta dawl mhux tas-soltu idda fuqna.  Aħna qomna f’salt biex naraw x’kien qed jiġri, u rajna l-Anġlu.  Hu kien qed iżomm kalċi f’idu x-xellugija, bl-Ostja sospiża fuqu, li minnha waqgħu xi qtar tad-demm għal ġol-kalċi.  Filwaqt li ħalla l-kalċi sospiż fl-ajru, l-Anġlu niżel għarkupptejh maġenbna u ġagħalna ntennu għal tlett darbiet:
Trinità l-iktar Qaddisa, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, nadurak profondament, u noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità l-iktar għeżież ta’ Ġesù Kristu, li jinsabu fit-tabernakli kollha tad-dinja, bi tpattija għall-profanazzjonijiet, għas-sagrileġġi u għall-indifferenza li bihom Huwa nnifsu hu offiż.  U għall-merti nfiniti tal-Qalb l-iktar qaddisa tiegħu, u tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, nitolbok il-konverżjoni tal-imsejkna midinbin.”
Imbagħad, filwaqt li qam, ħa f’idejh il-kalċi u l-Ostja.  Hu ta l-Ostja mqaddsa lili, u qassam id-Demm mill-kalċi bejn Ġaċinta u Franġisku, u waqt li għamel hekk qal: “Ħudu u ixorbu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu, mgħaddab bl-ikraħ min-nies bla qalb!  Għamlu tpattija għall-ħtijiethom u farrġu lil Alla tagħkom.”
Għal darba oħra, hu tbaxxa mal-art u tenna magħna, għal tlett darbiet oħra, l-istess talba “Trinità Qaddisa …” u mbagħad għeb.
Aħna bqajna għal żmien twil f’din il-qagħda, intennu l-istess kliem għal ħafna drabi.  Meta fl-aħħar qomna bil-wieqfa, indunajna li kien diġà dalam, u għalhekk kien sar il-ħin biex nerġgħu lura d-dar.

ID-DEHRIET TA' FATIMA

(Din hi traduzzjoni bil-Malti mit-Tieni Memoir ta’ Swor Luċija, li hi kitbet bil-Portugiż, ippubblikat fil-ktieb “Memorias da Irmã Lúcia” u tradott bl-Ingliż: “Fatima in Lucia’s Own words”.  Dan jinsab ukoll fuq is-sit elettroniku: http://www.pastorinhos.com/en/publications/  Swor Luċija kitbet dan fuq ordni tal-Isqof ta’ Leiria, u għalhekk hi tirrakkonta qisha qed tiktiblu ittra twila.)

II.  ID-DEHRIET


1.  Teħbir misterjuż fl-1915

Luċija r-Ragħajja

Dan (rakkuntat s’issa) hu kif kienet is-sitwazzjoni sakemm kelli seba’ snin.  Wara, ommi ddeċidiet li jien kelli nibda nieħu ħsieb in-nagħaġ.  Missieri ma qabilx, u lanqas ħuti l-bniet.  Huma tant kienu jħobbuni, li riedu li ssir eċċezzjoni miegħi.  Ommi ma riditx iċċedi.  “Hi l-istess bħal oħrajn,” qalet, “Karolina diġà għalqet tnax-il sena.  Jiġifieri, issa hi tista’ tibda taħdem fl-għelieqi, jew, titgħallem biex issir nissieġa jew ħajjata, liema trid”.
Il-ħsieb tan-nagħaġ imbagħad ingħata lili.  L-aħbar li kont se nibda l-ħajja tiegħi ta’ ragħajja xterdet malajr fost ir-ragħajja l-oħra; kważi kollha ġew u offrewli nirgħa magħhom.  Jien lil kollha għidtilhom “Iva”, u ftehimt ma’ kull waħda minnhom biex niltaqgħu fuq l-għoljiet tas-Serra.  L-għada, is-Serra kienet massa sħiħa ta’ nagħaġ mar-ragħajja tagħhom, qisha miksija minn sħaba.  Iżda jien ħassejtni skomda qalb dik it-tgeġwiġija.  Għalhekk, għażilt tlieta minn fost ir-ragħajja biex ikunu sħabi, u mingħajr ma għedt xejn lil ħadd ftehmna li nirgħu n-nagħaġ tagħna fuq l-għoljiet tan-naħa l-oħra.  It-tlieta li għażilt kienu: Teresa Matias, oħtha Maria Rosa u Maria Justino.  L-għada, tlaqna lejn l-għolja magħrufa bħala Cabeço.  Tlgħajna l-għolja tat-tramuntana.  Valinhos, post li l-Eċċellenza Tiegħek diġà taf bih, qiegħed fin-nofsinhar tal-istess għolja.  Fil-lvant taż-żurżieqa hemm l-għar li diġa semmejt fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta.  Aħna tlajna bin-nagħaġ tagħna kważi sal-quċċata tal-għolja.  L-isfel minna kien hemm medda kbira ta’ siġar – żebbuġ, ballut, arżnu, ġandar, u l-bqija, li kienu jibqgħu sejrin l-isfel lejn il-wied.

Id-dehriet tal-Anġlu

Għal ħabta ta’ nofsinhar, kilna.  Wara dan, stedint lil sħabi jitolbu miegħi r-Rużarju, u huma qablu miegħi bil-qalb.  Bilkemm ilħaqna bdejna meta, hemm quddiem għajnejna, rajna figura fl-ajru ’l fuq mis-siġar, dehret qisha statwa tal-borra, li kienet kważi trasparenti fir-raġġi tax-xemx.
“Dan x’inhu?” sħabi staqsew, kemxejn imbeżżgħa.
“Ma nafx!”
Aħna komplejna nitolbu, b’għajnejna ffissati fuq il-figura ta’ quddiemna, u meta spiċċajna t-talb tagħna, l-figura sparixxiet.  Bħal ma nagħmel is-soltu, jien iddeċidejt li ma ngħid xejn; iżda sħabi, malli waslu d-dar, qalu lill-familji tagħhom b’dak li ġara.  L-aħbar malajr xterdet, u darba meta wasalt id-dar, ommi staqsietni:
“Ħares ’l hawn!  Qed jgħidu li hemm fuq rajtu ma nafx x’hiex.  X’rajtu?”
“Ma nafx,” u billi ma stajtx infisser lili nnifsi, komplejt:
“Dehret qisha persuna imgeżwra ġo liżar!”  Minħabba li ridt ngħid li ma stajtx nagħraf il-fattizzi tagħha, żidt ngħid:
“Ma stajtx tagħraf jekk kellhiex għajnejn jew idejn.”
Ommi temmet l-argument kollu b’mossa ta’ stmellija: “ħmerijiet tat-tfal!”

Kif Nara l-Messaġġ Matul iż-Żmien fid-Dawl tal-Ġrajjiet


Dan hu l-aħħar ktieb minn Swor Luċija.  Għalkemm ktieb żgħir, dan huwa ġabra tal-ispiritwalità matura tagħha.

F’dan il-ktieb żgħir, Swor Luċija tikkonċentra fuq l-essenzjali: l-għixien tal-virtujiet teologali.  Hija tidher ħsiebha għal kollox f’Alla, b’fidi li ma tiċċaqlaqx li tħalliha dejjem miftuħa għat-tama, wkoll meta bl-għajnejn tal-bnedmin tidher impossibbli.  ‘Minn dawn il-ġebel Hu jista’ jqajjem ulied għal Abraham’, kif tfakkarna hi.  Fidi f’Alla dejjem titkattar, ‘li jgħażel lil dawk li huma mwarrba mill-bnedmin’ biex ikunu l-istrumenti tiegħu, tgħamilha kapaċi biex tkun dejjem lesta għat-twettieq tal-wegħdiet: ir-rebħa tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija u l-waqa’ tal-komuniżmu ateju.

Filwaqt li Swor Luċija mmaturat, il-ħajja spiritwali tagħha saret dejjem iżjed sempliċi, ċċentrata għal kollox fuq l-imħabba.  ‘Għaliex hi l-imħabba li tnaddafna, tagħtina d-dinjità u tgħaqqadna ma’ Alla,’ tgħidilna hi.  Hi tara t-triq tagħha ċara: ‘Din hija t-triq tiegħi, li niċħad lili nnifsi, inħaddan is-salib li l-Mulej tani, għall-imħabba Tiegħu u ta’ l-oħrajn minħabba fiH.’  Dan jiġri lin-nies spiritwali kollha.  Fl-aħħar huma jsibu l-qofol tagħhom.  U dan il-qofol sikwit jinbidel f’talb.  Dan iseħħ fl-Imgħallem innifsu.  Id-dixxipli jistaqsuh biex jgħallimhom jitolbu kif Ġwanni l-Battista kien għallem lid-dixxipli tiegħu; u Ġesù jgħallimhom jitolbu l-Missierna li hija ġabra tal-Evanġelju tiegħu, tal-ispiritwalità li tat il-ħajja lil ħajtu.  L-istess ħaġa jiġri lill-imgħallmin kollha ta’ Israel.

Swor Luċija, wkoll, għandha t-talba tagħha, mgħallma lilha mill-Anġlu.  Din it-talba tat il-ħajja lill-ħajjitha tant li l-ħajja tagħha kollha saret talba.  It-talba lill-Imqaddsa Trinità “kienet għalija ħolqa kbira fl-għaqda tiegħi ma’ Alla, ħolqa li tħaddanni, żżommni, u mnaqqxa f’qalbi b’mod li ma titħassarx: Trinità Qaddisa, Alla wieħed veru, li fih nemmen, fiK nittama; naduraK u nħobboK; ilqa’ l-imħabba tiegħi u l-adorazzjoni umli tiegħi.”  Dan il-ktieb żgħir ta’ Swor Luċija, l-frott matur ta’ ħajja li saret talba, huwa rigal mogħti minn Alla lill-Knisja tiegħu.

Fid-daħla ta’ dan il-ktieb, Fr. Jeremias jiddeskrivi kif hu ordnalha biex tikteb u kif, minħabba f’hekk, Swor Luċija taħt l-ubbidjenza qabdet il-pinna tagħha u bdiet tikteb dan il-ktieb, li hi ħalliet mhux mitmum.




Il-Messaġġ ta’ Fatima




Swor Marija Lucia ta’ Ġesù u talb Bla Tebgħa



Kif Nara l-Messaġġ
Matul iż-Żmien
fid-Dawl tal-Ġrajjiet





Coimbra Carmel
Secretariado dos Pastorinhos, Fatima





Daħla

Fis-sena 1972, bdiet storja li ġiet fi tmiemha fis-sena 2000.  Kien fis-sena 1972 li l-komunità tas-Sorijiet Karmelitani ta’ Coimbra għażluni biex inkun il-konfessur tagħhom.  Hawnhekk iltqajt ma’ Swor Luċija għall-ewwel darba.  Kont diġa ltqajt fil-parlatorju mas-Sorijiet l-oħra, inkluża Swor Luċija.  Madankollu, din il-laqgħa kienet differenti.  Din kienet laqgħa fil-fidi.

Dak iż-żmien kont għadni ġdid f’dawn l-affarijiet.  Li nersaq lejn Karmelitana kien, għalija, qisu ersaqt lejn Santa Tereża l-Omm Qaddisa tagħna.  Iżda din is-Soru kellha magħha dijadema speċjali – hi kienet waħda mill-viżjonarji ta’ Fatima.  Madankollu, billi għaliha kollox kien sempliċi ħafna u għal kollox naturali, – hi kienet is-sempliċità nnifisha – l-ħidma saret iktar faċli.  Aħna fhimna lil xulxin perfettament.  Il-fiduċja kienet miż-żewġ naħat.  Kull meta Swor Luċija ltaqgħet ma’ Karmelitan li kien devot tal-Madonna u kellu l-Fatima għal qalbu, ma rridx ngħid li titlef rasha, iżda kienet tifraħ, u ma kenitx tieqaf qabel ma tkun involviet lilu wkoll fil-ħidma tagħha, li twassal il-Messaġġ tal-Madonna.  U hekk ġara.

Bħala Karmelitan u surmast tan-novizzi, kif dak iż-żmien kienet il-missjoni tiegħi fl-Ordni, lili kien jinterssani kull ma kien Karmelitan u speċjalment f’kull min kien juri ġibda għal Karmelu.  Billi Swor Luċija kienet ġiet mingħand is-Sorijiet ta’ Santa Dorotea, u daħlet fil-Karmelu f’eta matura, jien ma stennejtx li nsibha daqshekk iċċentrata fuq l-ispiritwalità Karmelitana u daqshekk ħabiba tal-Ordni.  Għalija, din kienet kawża ta’ ammirazzjoni u għamlitha faċli biex nifhmu lil xulxin.  Billi aħna konna nitkellmu bis-sinċerità ma’ xulxin – tassew is-sinċerita kienet waħda mill-kwalitajiet tagħha – aħna tkellimna dwar dak li kien ġara u dwar il-kontenut tal-Messaġġ.

Bis-saħħa tal-formazzjoni tiegħi u ta’ dak li stajt nosserva, jien rajt li Alla jindaħal f’mumenti fil-ħajjiet tal-bnedmin f’modi li huma stess ma jifhmuhomx u, għalhekk, ma jkunux jafu jispjegaw min x’hiex ikunu għaddew.  Oħrajn, madankollu, jifhmu x’ikun jiġri, iżda ma jkunux jafu kif “jesprimuh”, filwaqt li oħrajn jifhmu u huma kapaċi jikkomunikaw dak li jkunu fehmu.  Xi drabi, dan l-għarfien huwa aktarx “konfuż” u bil-mod.  Maż-żmien, u bl-iżvilupp spiritwali tal-persuna, il-messaġġ isir iktar ċar.

F’dan il-każ għandna quddiemna tlett itfal li kienu “milqutin” ħafna mis-sopranatural.  Xbieha tiġi wara xbieha, li hu normali.  Dan hu kif Alla jaħdem mat-tfal.  Ftit wara, tnejn mit-tfal, Franġisku u Ġaċinta, kienu meħudin fil-ġenna.  Baqa’ biss Luċija.  Huwa mistenni li l-waħda li baqgħet għanda tikseb tagħrif tal-messaġġ li hi ma kellhiex qabel, u li hi bil-mod il-mod titgħallem tfisser ix-xbihat.  Jekk ir-rivelazzjoni t’Alla hija dinamika u progressiva, aħna nistgħu ngħidu l-istess ħaġa mill-għarfien tagħha.

Snin qabel, Luċija kienet diġa kitbet dokument, fuq talba tal-Mastru Ġenerali tal-Ordni, li wara sar Kardinal Ballestrero, meta hu żar Coimbra fis-sena 1955.  Dan id-dokument kien mibgħut Ruma fuq ordni tal-Papa Pawlu VI, iżda baqa’ minsi fl-arkivji tal-Vatikan.  Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, jien issuġġerejt lil Swor Luċija biex ġaladarba hi ma kenitx kitbet id-dettalji kollha mill-bidu dwar il-Messaġġ, hi kellha tikteb: ‘Kif jien issa nara l-Messaġġ mal-medda taż-żmien u fid-dawl tal-ġrajjiet.’

Billi jien kont naf, bejn wieħed u ieħor, kemm dak li kien hemm miktub fil-ktieb li kien jinsab fl-arkivji tal-Vatikan kif ukoll l-istil li bih kien inkiteb, jien issuġġerejtilha li hi kellha tikteb ieħor bi stil differenti.  Jien ħassejt li dan kellu jkun inqas dottrinali u iktar biografiku.  Billi hi kienet l-ewwel waħda li rċeviet il-Messaġġ, hi kienet ukoll l-ewwel waħda li għexitu.  Jien għalhekk tlabtha biex tidħol għal din il-ħidma u iżżewwaqha bl-esperjenza tagħha nfisha.  Hija dehret li kien fuq qalbha li tagħmel dan.

Minħabba, li matul it-taħdita tagħna, kien hemm ħwejjeġ iktar importanti li ħassejna l-ħtieġa li niddiskutu, bħal Memoirs tas-Soru dwar missierha u ommha, u wkoll it-tweġiba tagħha għal kwestjonarju twil, din il-ħidma partikulari tħalliet għal ‘iktar tard’.  Dan l-‘iktar tard’ spiċċa biex kien ħafna tard.  Hija mbagħad qabdet taħdem b’rieda sħiħa, billi hi kienet tifraħ b’kull ħaġa li setgħet tgħin l-għarfien tal-Messaġġ, iżda sa dan it-tant kien fadlilha ftit enerġija.  Hi lmentat li tħossha għajjiena, u għalkemm kellha xewqa kbira li tara il-ħidma tagħha mitmum, in-nuqqas ta’ ħila tagħha żammitha.  Kollox sew, Swor Luċija, aħjar tieqaf.  U id-dokument intemm f’dak il-mument.

P. Jeremias Carlos Vechina,
Karmelitan Skalz
Fatima, 13 ta’ Frar 2006





Taħt Ubbidjenza

Fil-15 ta’ Mejju 1982, jien kont fil-Karmelu ta’ Fatima, nistenna biex fid-19 ta’ Mejju nerġa’ lura għal Karmelu tagħna ta’ Coimbra.  Dan wara li ħadt sehem fil-pellegrinaġġ il-kbir fit-13 tax-xahar, u kelli x-xorti li nitkellem personalment u fil-privat mal-Qdusija Tiegħu, il-Papa Ġanni Pawlu II.  Dak in-nhar stess fil-għaxija, l-Provinċjal tagħna P Jeremias Carlos Vechina, ġie fil-Karmelu biex ikellimni dwar diversi ħwejjeġ, inkluż is-sinifikat tal-Messaġġ, l-ispiritwalità tiegħu u l-mod kif xtered mad-dinja.

Fi tmiem it-taħdita tagħna l-Provinċjal staqsieni: “Inti ktibt id-dettalji kollha mill-bidu dwar il-Messaġġ?”  Jien weġibt li ma kontx, għax meta ktibt il-Memoirs, għamilthom b’għaġġla kbira, u ma kellix żmien nidħol f’ħafna dettalji.

Il-Provinċjal imbagħad qalli: “Mela jkollok tagħmlu issa, tfisser kif inti tara l-Messaġġ issa wara daż-żmien u fid-dawl ta’ dak li ġara.”

Jien fissirt id-diffikultajiet li kelli, partikularment in-nuqqas ta’ ħin.  L-Eççellenza tiegħu wieġeb: “Ikollok tagħmlu issa b’liema mod tista’ tlaħħaq, sabiex ittemm il-ġrajja tal-Messaġġ u offri lil Alla dan is-sagrifiċċju ieħor, magħmul għall-imħabba Tiegħu u tal-Madonna, għax huma t-tnejn jistħoqqilhom.”

Jiena ħsibt dwar dak li qal il-Provinċjal u daħalli dubju f’moħħi.  Fid-dawl tar-regoli magħmulin mis-Santa Sede dwari, nista’ nagħmel dil-ħidma mingħajr il-permess tagħha?  Kienu ordnawli ma nitkellimx dwar id-Dehriet.  Nikteb dwarhom ukoll ma jkunx agħar?

Billi, dak iż-żmien, ma stajtx nagħmel dil-ħidma minħabba l-korrispondenza numeruża li kienet inġabret matul il-qagħda tiegħi f’Fatima, warrabtha fil-ġenb sa meta nkun f’qagħda li nagħmilha, u fl-intervall ikolli ż-żmien naħseb, nitlob, u nsejjaħ id-dawl ta’ Alla, u l-parir ta’ oħrajn, fuq id-dubju li ġieni f’moħħi dwar ir-regoli imposti fuqi mis-Santa Sede, u l-bqija.

Fil-11 ta’ Frar 1983, il-Patri Provinċjal żar il-Karmelu tagħna ta’ Coimbra.  Hu kellimni u staqsieni kif kont sejra fil-ħidma li kien fdali.  Jien għedtlu li sa dak il-ħin ma kont għadni għamilt xejn dwarha, kemm minħabba n-nuqqas ta’ ħin kif ukoll minħabba d-dubju li ġieni f’moħħi, li kien kif ġej: fid-dawl tar-regoli imposti mis-Santa Sede dwari – jiġifieri li jiena ma għandix nitkellem dwar id-Dehriet – għandi naqbad nikteb mingħajr il-permess tagħhom?

Il-Provinċjal fisser li kont nista’ nagħmel dan, għaliex li titkellem dwar xi ħaġa kienet ħaġa u li tikteb dwarha kienet ħaġa oħra.  Huwa fissirli wkoll li ċ-ċaħda ma kenitx tgħodd għall-konfessur tiegħi jew għad-direttur spiritwali tiegħi, u li r-regoli ma kellhomx jittieħdu bħala impożizzjoni iżda aktar bħala protezzzjoni u għajnuna.

Fit-13 ta’ Marzu, 1983, il-konfessur tagħna, P. Pedro Lourenço Ferreira, meta temmejt il-qrara u kont qed inkellmu dwar xi ħwejjeġ marbutin mal-Messaġġ, ħasadni billi tani l-istess ordni, jgħid li kien meħtieġ li nikteb fid-dettal kull ma hu marbut mal-Messaġġ u kif jien narah issa, fid-dawl tal-mogħdija taż-żmien u l-ġrajjiet.

Għalkemm dan l-ordni mill-konfessur tiegħi u s-Superjur Ġenerali tagħna jien ħadtu bħala wirja tar-rieda ta’ Alla, jien xorta waħda ridt inkun żgura li stajt nagħmel hekk.  U billi sirt naf li l-Eminenza Tiegħu, l-Kardinal Eduardo Pironio, kien ġej jagħti l-irtir ta’ kull sena tal-komunità, jien stennejt biex nikkonsulta ma’ l-Eminenza Tiegħu dwar dak li kont mitluba nagħmel, u dwar x’kienu r-regoli tas-Santa Sede, u dwar dak li kien qalli s-Superjur Ġenerali tagħna.  Leminenza Tiegħu wieġeb billi qalli li dak li qal il-Provinċjal kien sewwa, u li kien veru li “titkellem kienet ħaġa, u li tikteb kienet oħra, għalhekk, mhux biss kont ħielsa li tikteb iżda kont fid-dmir li tagħmel hekk.  Mela aqbad u għamlu”.  Qalli: “Jien, ukoll, nordnalek bħala d-direttur ta’ dawn l-eżerċizzi spiritwali u wkoll bħala l-Prefett Maġġur tas-Sagra Kongregazzjoni għar-Reliġjużi.”  U hu tenna: “Dak li qallek il-Provinċjal hu sewwa: r-regoli jgħidu li inti ma għandekx titkellem iżda ma jċaħħdukx milli tikteb, għaliex huwa ħaġa li titkellem u hija oħra li tikteb.” (9 ta’ Settembru 1983).


Fid-dawl ta’ din it-tweġiba, ma għandix nitnikker iktar, iżda nobdi bil-fidi, t-tama u l-imħabba, ċerta li din hija r-rieda ta’ Alla.  Għalhekk, Mulej, se mmur f’riġlejn l-altar tiegħek biex noffrilek din il-fjura wkoll, miġbura fil-ġnien tal-Imħabba tiegħek, iżda miġbura minn siġra tal-ward mimlija xewk, sabiex ixxerridha fit-triqat tiegħek u tiegħi, wkoll jekk il-petalli huma mistmerra, maqbudin u mtajjrin ma’ l-art mir-riħ, mirfusin taħt is-saqajn minn min jgħaddi, bħall-aħħar fdalijiet tiegħi nnifsi.


Ikolli nagħmel dil-ħidma ftit ftit, billi għandi ftit minuti x’inwarrab għaliha, dejjem nafda fl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu Divin u fil-ħarsien matern tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija: “Il-Qalb Bla Tebgħa Tieghi se tkun il-kenn tiegħek u t-triq li twasslek għand Alla.”

San Irinew jgħid li l-ħajja tal-bniedem hija l-glorja ta’ Alla, u l-ħajja tal-bniedem hija d-dehra ta’ Alla.  Jekk id-dehra ta’ Alla tagħti l-ħajja lil kull ma jeżisti fid-dinja, iktar u iktar id-dehra tal-Missier, permezz tal-Kelma, tagħti l-ħajja lil dawk kollha li jaraw lil Alla.

Hu fuq din id-dehra ta’ Alla, permezz tal-fidi, li jiena se nwaħħal ħarsti, għaliex huwa f’Alla li nsib il-bidu li ma għandux bidu, għaliex f’Alla la hemm imgħoddi u lanqas ġejjieni, kollox hu preżent fid-dawl tal-Eżistenza immensa tiegħu, bħallikieku qed isir f’dak il-mument stess.

B’hekk jien nara l-Messaġġ dejjem preżenti fl-Eżistenza immensa ta’ Alla, biex jintbagħat lid-dinja fil-jum u s-siegħa predestinata minnU skond il-ħsiebijiet u l-pjanijiet tal-Ħniena tiegħu bla tarf, f’għamla ta’ sejħa oħra għall-fidi, għat-tama u għall-imħabba.  Dan ifakkarni f’passaġġ mill-Għanja tal-Għanjiet: “L-imħabba bħall-mewt hi qawwija, u l-għira hi kiefra daqs il-qabar.  Ix-xrariet tagħha huma xrar tan-nar, fjamma divina.  Ilmijiet kbar ma jaqtgħux l-għatx tal-imħabba, lanqas l-għarrar ma jista’ jgħarraqha.” (Għan. 8:6b-7).

Kienet il-qawwa ta’ din l-imħabba li għal darba oħra ġibdet il-ħarsa ta’ Alla lejna, sabiex jiġbidna u jerfgħana l-fuq lejH.  Li tixrob minn din l-għajn ta’ ilma ċar daqs il-kristall, għajn tal-ħajja, tal-grazzja, tal-qawwa, u tad-dawl, li jgelgel l-isfel mis-Sema lejn l-art, isejħilna biex nixorbu minn dan l-ilma u nieklu minn dan il-ħobż, sabiex qatt aktar ma jaqbadna l-ġuħ u l-għatx.  “Kull min jixrob mill-ilma li nagħtih jien ma jqabdu qatt il-għatx” (Ġw 4:13) “kull min jiekol min dan il-Ħobż ma jaqbdu qatt il-ġuħ.”

“Kull min jemmen fija għandu l-ħajja ta’ dejjem.  Jiena l-Ħobż tal-ħajja ...  Dan hu l-ħobż li jinżel mis-sema sabiex kull min jieklu ma jmutx.  Jiena l-Ħobż ħaj li niżel mis-sema.  Kull min jiekol minn dan il-Ħobż jgħix għal dejjem; u lĦobż li jien nagħti għall-ħajja tad-dinja huwa ġismi.” (ara Ìw 6:47-52).

B’hekk nitolbok, Mulejja u Alla tiegħi, sabiex din il-ħidma tkun għalik bħala innu ieħor ta’ gratitudni u tifħir etern tal-imħabba tiegħek għalija.


Huwa diffiċli biex nikteb, illum, dwar kif nara l-Messaġġ fid-dawl tal-ġrajjiet kollha li saru u ż-żmien li għadda.  Iżda jien se nipprova nagħmel dan b’ubbidjenza, nafda fl-Ispirtu s-Santu Divin u fil-ħarsien matern tal-Omm tas-Sema li, daqs li kieku kont tifla żgħira, taqbadli jdejja u tmexxi l-pinna tiegħi sabiex nikteb dak biss li jaqbel mar-rieda ta’ Alla, għat-tifħir u glorja tiegħu.

Jekk nimxi wara l-Imgħallem Divin li qal: “Jiena t-Triq, il-Verità u l-Ħajja”, Huwa jmexxi l-passi tiegħi u ma jħallinix nitbiegħed mit-triq tal-Verità u l-Ħajja li huwa Hu.


Kif nara l-Messaġġ matul iż-żmien u mingħajr żmien, għaliex fil-pjanijiet ta’ Alla, fid-Dawl tal-Esseri bla tarf tiegħu, dan dejjem kien bħallikieku kien qed jiġri issa, f’dan il-mument stess, eżatt fil-mument predestinat minnu għal dak il-jum, dik is-siegħa u l-waqt, għax, fil-mera bla tarf tal-Esseri Divin tiegħu, kollox hu preżenti mingħajr imgħoddi jew ġejjieni.

Għalhekk sa minn qabel kull żmien, meta d-dinja stess ma kenitx teżisti, il-Mulej diġà kellu quddiemu dak il-post li ma jilqgħekx, li Hu biss seta’ jagħżel għad-Dar ta’ Alla u l-Arka tal-Patt bejn Alla u l-popli kollha ta’ rieda tajba.  Bħalma qalu l-Anġli meta twieled Ġesù: “Sliem fl-art lil dawk kollha ta’ rieda tajba”.

Li kieku kellha tintagħżel mill-bnedmin, kienet titwarrab mill-ewwel.  Aħseb ftit: għall-messaġġ bħal dan, għolja fil-kampanja, post kollu ġebel, nieqes minn kull sbuħija naturali, mingħajr ebda mezz ta’ trasport, mingħajr ebda lqugħ ta’ xejn biex iħares lin-nies mis-sħana tax-xemx fis-sajf jew mix-xita bil-qliel, mill-kesħa u mit-tempesti bir-ragħad u s-sajjetti fix-xitwa, min-nida ta’ filgħodu kmieni fil-jiem bix-xita.

Il-biċċa l-kbira tan-nies kienu jqisuh dan bħala ġenn feroċi; ħadd mhu se jmur hemm!

Iżda fil-fatt, dak li jwarrbu l-bnedmin hu dak li jagħżel Alla, għax tiegħu hi s-setgħa, l-għerf, il-grazzja u l-qawwa li taħdem fl-erwieħ, li tqanqalhom u tmexxihom fejn jixtieq Hu; Hu biss jista’ jqajjem ulied lil Abraham (ara Mt. 3, 9) sabiex ikunu l-Poplu tiegħu, ġejjin mit-truf tal-art biex jinxteħtu b’wiċċhom fl-art f’riġlejh, magħqudin fl-istess talba, jagħmlu penitenza, jitolbu maħfra, grazzji u faraġ għalihom infushom u għal ħbiebhom u qrabathom imbegħda; jaħfru, u jkantaw innijiet ta’ radd il-ħajr, talb u tifħir lil Alla tagħna l-Għoli u l-Mulej ta’ kull ma jeżisti, u lill-Omm tiegħu u tagħna, li hu bagħat bħala ħabbara tas-sliem, tal-grazzja, tal-maħfra u tal-imħabba biex itterraq madwar id-dinja, bħala Ragħajja u Omm tal-Poplu tagħha, biex iġġorr f’Qalbha d-dawl tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba li jħeġġeġ għalina fil-Qalb ta’ Alla, l-Mulej u l-Feddej tagħna.

Għalhekk aħna nistgħu naraw kif Hu biddel dik ir-roqgħa fil-kampanja f’art ta’ sliem, penitenza u talb, fejn ġmiegħi kbar ta nies imorru bi ħġarhom għatxana għall-fidi, għat-tama u għall-imħabba, sabiex jixorbu mill-għajn tal-Ilma ħaj li jissodisfa u jfawwar għall-ħajja ta’ dejjem.  Hu l-kanal tal-grazzja li jsaqqi l-art kollha li tixxennaq għas-sliem, għas-safa, għad-dawl u għall-imħabba; huwa l-ilma li dwaru Ġesù kellem lill-mara Samaritana: “Kull min jixrob mill-ilma li nagħtih jien ma jaqbdu qatt il-għatx.  Kull min jiekol minn dan il-Ħobż ma jaqbdu qatt il-ġuħ, għax go fih huwa jkollu l-ħajja ta’ dejjem. (ara Ġw. 4, 14 u 6, 51).

Għalhekk jien nitolob u ngħanni mas-salmista.  “Il-Mulej iħares l-isfel mis-sema lejn l-art” (ara S. 32).

Jalla l-Mulej ibierek lill-poplu tiegħu bis-sliem” (S. 28, 11).


Dak li għidt dwar l-għażla tal-post minn Alla, ngħidu wkoll għall-għażla tal-istrumenti li Hu għażel biex juża sabiex iwettaq il-pjan tiegħu tal-ħniena bla qies għall-umanità mġarrfa.

Hu għażel tfal li kienu tant foqra u bla skola li n-nies kienu jwarrbuhom bħala li ma kienux kapaċi għall-missjoni bħal dik.  Iżda t-triqat ta’ Alla mhumiex it-triqat tal-bnedem; Hu jagħżel li jinqeda b’dak li ma jiswa xejn, għax tiegħu huwa l-għerf, l-għarfien, il-qawwa u x-xewqa, li jikkomunika lil min jagħżel Hu.  Dak li Hu jrid huma qlub safja, li fihom iwettaq dak li jogħġob lilu: “Imberkin ta’ qalbhom safja, għax huma jaraw lil Alla.”  Hu lil dawn li l-Mulej jirrivela lilu nnifsu, juri biċ-ċar lilu nnifsu, kemm biex ibbiddilhom skond il-pjanijiet tal-Ħniena tiegħu, u wkoll biex juri li mhux huma, iżda l-grazzja ta’ Alla li taħden fihom.  B’dan il-mod, il-Mulej juri li l-ħidma hi tiegħu u mhux dik tal-istrumenti dgħajjfa li hu jkun għażel; għal Alla hu biżżejjed li dawn l-istrumenti jħallu lilhom infushom ikunu ffurmati, mibdula u immexxijin mill-grazzja li taħdem fihom, tnaqqax fi qlubhom safja u bla ħtija ix-xbihat tal-preżenza tiegħu, it-tqanqil tal-grazzja tiegħu, u l-istimolu tal-imħabba tiegħu.  Hi kollha kemm hi l-ħidma tiegħu.  Alla Hu l-artist li jfassal u jpinġi din l-istampa sabiħa li d-dinja kollha tara, tosserva u tikkontempla bi stagħġib, xi wħud bil-fidi u oħrajn mingħajra, iżda ma jistgħux jiċħdu – bis-sinċerità kollha – r-realtà li jaraw għajnejna, u li fl-istess ħin hija prova oħra tal-eżistenza tal-veru Alla wieħed, li hu ikbar minn kull ma jeżisti u li kien maħluq minnU għal ġid tagħna, u ta’ dan kollu huwa Hu l-Mulej l-għoli u l-waħdieni, li jaħkem, imexxi u jippreserva l-ħwejjeġ kollha fi ħdan il-liġijiet li, sa mill-bidu, Hu ordna għal kull waħda mill-ħlejjaq li teżisti.  Hawn naraw is-setgħa bla tarf tal-Esseri bla qies tiegħu.

Dan hu dak li l-Mulej qal lil Mosè biex jgħid lill-poplu meta hu staqsih Ismu:  “Għidilhom li Jien hu dak li hu.”

Alla biss jista’ jgħid min Hu, għax Hu kien minn dejjem, Hu jeżisti llum u għal dejjem.

Aħna ma nistgħux ngħidu min aħna, għax illum neżistu u għada nieqfu neżistu u ngħibu fix-xejn tal-qabar, ukoll jekk meta nħallu d-dinja, nibqgħu neżistu fl-eternità, ferħana jew imdejjqa, skond ma jkun stħoqqilna bil-ħidmiet tajba jew ħżiena tagħna, magħmulin bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba, jew għamilnihom bin-nuqqas ta’ twemmin, bil-materjaliżmu, bl-egoiżmu, bid-diżonestà, bil-mibgħeda, bil-ħdura, bil-vendikazzjoni, bl-inġustizzja, bin-nuqqas ta’ lealtà u ta’ mħabba lejn l-oħrajn, eċċ.  Dan kollu jista’ jħejjilna eternità mdejjqa, u waħda li għaliha kull wieħed minna hu personalment responsabbli.

Alla huwa dejjem Missier ħanin u li jagħder, twajjeb ma’ dawk li jindmu sinċerament, jitolbu maħfra u, filwaqt li jagħmlu penitenza, jbiddlu ħajjithom.

Alla għamilna ħielsa; għalhekk kull wieħed minna jmur fejn twassalu t-triq li jkun għażel b’mod ħieles.

Dan hu li jgħidilna Kristu fl-Evanġelju: “Idħlu mill-bieb id-dejjaq; għax wiesa’ l-bieb u ħafifa t-triq li twassal għat-telfien, u ħafna huma dawk li jaqbdu lilha.  Għax dejjaq huwa l-bieb u iebsa t-triq li twassal għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha.” (Mt. 7, 13-14).

Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimi warajja.” (Mt. 16, 24)

Kien minn din it-triq li l-Mulej mexxa lil dawk li hu kien għażel.

Bħalma daqqaq ta’ kitarra jintona l-kordi tiegħu sabiex idoqq bl-armonija, hekk Alla jħejji l-istrumenti li Hu jkun għażel sabiex id-diwi tal-Messaġġ tiegħu jasal b’mod melodjuż sat-trufijiet tal-art.

Alla beda t-tħejjija tal-istrumenti li Hu kien għażel meta huma kienu, għalkollox bla ħsieb ta’ xejn, jitolbu u jilgħabu, billi ordna biex jgħaddi minn quddiem għajnejhom, b’mod ġentili u bil-mod, dak li deher qisu sħaba bajda żgħira tas-silġ, iżda tiddi iktar mix-xemx, u f’għamla ta’ bniedem, li kienet niżlet, tidher minn ġos-sema, li ġibditilhom l-attenzjoni u l-ħarsa tagħhom lejha.  “Dak x’inhu?”  It-tfal staqsew lil xulxin x’setgħet kienet: “Jien ma nafx”.

U fil-fatt, lanqas illum ma naf.  Iżda l-ġrajjiet li seħħew wara jġagħluni nemmen li dak bilfors kien l-Anġlu Kustodju tagħna li, mingħajr ma juri lilu nnifsu b’mod ċar, kien qed iħejjina għat-twettieq tal-pjanijiet ta’ Alla.

Imbagħad, jum wieħed, Alla bagħat l-Anġlu tiegħu b’messaġġ ta’ sliem u talb, b’hekk idaħħalna fil-klima tas-sopranturali, tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba.  Jgħid: “Tibżgħux.  Jiena l-Anġlu tas-Sliem.  Itolbu miegħi”, u għarkupptejh fl-art, tbaxxa sakemm ġbinu mess ma’ l-art.  Immexxijin minn tqanqil sopranaturali, aħna għamilna bħalu, u tennejna warajh il-kliem li smagħjnih jgħid:
Alla tieghi. Jiena nemmen fik, nadurak, nitma fik, u nħobbok.  Nitolbok maħfra għal dawk li ma jemmnux fik, ma jadurawkx, ma jittamawex fik u ma jħobbukx.

Wara li tenna din it-talba għal tlett darbiet, hu qam bilwieqfa u qal:
Itolbu hekk.  Il-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija huma attenti għall-leħen tat-talb tagħkom.”

F’dan il-messaġġ jiena nara lil Alla fl-Anġlu tiegħu, jibda billi jdaħħalna fit-triq tal-fidi: “Alla tiegħi, jiena nemmen.”  Għax il-fidi hija l-pedament tal-ħajja spiritwali tagħna kollha kemm hi, l-għerq li minnu joħroġ l-ilma tal-ħajja li jitmagħna u jagħtina l-ħajja.  Huwa bil-fidi li aħna naraw lil Alla u niltaqgħu miegħu, bħalma qal il-profeta Elija:  “Il-Mulej Alla jgħix, li jien ninsab fil-preżenza tiegħu.”  Jekk aħna ngħix bil-konvinzjoni ta’ din il-verità, din ir-realtà, il-fidi tagħna tiżdied, tissaħħaħ, u tagħtina s-setgħa li nidħlu fl-immensità tal-Esseri għoli ta’ Alla.

San Pawl jgħid li aħna t-tempju ta’ Alla.  Iva, iżda wkoll iktar minn hekk, ladarba Alla huwa t-tempju tagħna fejn aħna nsibu ruħna mgħaddsin fl-Esseri bla qies ta’ Alla li jara kollox, jinfed kollox, u jagħti l-eżistenza u l-ħajja lil kull bniedem.  Bħalma ħuta ma tistax tgħix mingħajr ilma, aħna ma nistgħux ngħixu mingħajr Alla.  Alla huwa l-oċean il-kbir fejn aħna ngħixu, nitħarrku u nieħdu n-nifs mill-fewġa tan-Nifs divin li Alla jagħtina kull waqt.

Huwa f’dan il-baħar li jiena ngħix, hawnhekk ngħodos, biex qatt aktar ma noħroġ.  Huwa refgħani fl-idejn ta’ Missier tiegħu u mexxieni fejn xtaqni mmur.  Jiena fiH emmint, iddedikajt lili nnifsi Lilu sakemm jogħġbu jġorrni u jeħodni lejn dak il-jum ġdid fejn jien inkun naqdiH, naduraH, u nħobbU għal dejjem ta’ dejjem.

Itlob hekk: bil-fidi u l-fiduċja, bl-umiltà tadura u tħobb sabiex il-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija jirċievu t-talba tiegħek u jeħduha lejn il-Missier, bħala l-frott umli tal-ħidma feddejja tiegħu.

Hu Messaġġ ta’ sliem, sliem ma’ Alla billi nħarsu l-kmandamenti tiegħu, l-kmandamenti tal-liġi ta’ Alla, nżommuhom f’moħħna u minquxin f’qalbna, għax huma juruna triqtna lejn il-ġenna: “Jekk trid issalva, ħares il-kmandamenti” hu dak li qal Ġesù Kristu liż-żagħżugħ li staqsieh.

Fit-Tesment il-Qadim, naqraw x’qal Alla lill-poplu tiegħu wara li kien tahom il-kmandamenti: “Weġġaħ lil missierek u ’l ommok.  La toqtolx.  La tagħmilx adulterju.  La tisraqx.  La tixhedx fil-falz kontra għajrek.  La tixtieqx il-mara ta’ għajrek, u lanqas id-dar tiegħu  ....  lanqas xejn milli għandu għajrek.”  (Dt 5, 16-21)  “U żomm (minquxa) f’qalbek dan il-kliem li qed nordnalek illum; u għallimhom lill-uliedek, u titkellem fuqhom meta toqgħod bilqiegħda f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.  U torbothom b’sinjal ma’ idek, u jkunu quddiemek imdendlin bejn għajnejk.  U tiktibhom mal-ġnub tal-bibien ta’ darek u fuq bwiebek.” (Dt 6, 6-9).

L-insistenza ta’ Alla li għandna niftakru fil-kmandamenti tiegħu turina kemm huma mportanti f’ħajjitna, kemm fiż-żmien u għall-eternità.  U jekk nimmeditawhom u naħsbu fuqhom, naraw li l-gwaj kbir li qed jifni l-umanità kollu ġej min-nuqqas tal-ħarsien tagħhom.

L-imħabba hi l-bidu u t-tmiem tal-kmandamenti, s-sisien ta’ l-oħrajn kollha, r-raġuni għaliex għandna nħarsuhom kollha, li tiġborhom kollha fiha, u aħna ma nonqsux milli nħarsu xi wieħed minnhom mingħajr fl-istess ħin ma nonqsu fil-kmandament tal-imħabba lejn Alla u lejn għajrna.

Fid-Dewteronomju, Alla qal: “Isma’, O Israel!  Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu!  Għandek tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.  U dawn il-kliem li qed nordnalek illum għandhom jitnaqqxu f’qalbek.” (Dt. 6, 4-6).

Meta wieġeb lill-kittieb li resaq lejn il-Mulej u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”  Ġesù qal: “L-ewwel wieħed huwa, ‘Isma’, Israel: Il-Mulej, Alla tagħna, huwa l-Mulej wieħed; u int għandek tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.’  U t-tieni hu dan:  ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.  Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn.’  Imbagħad il-kittieb qallu: ‘Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu; u li tħobbu b’qalbek kollha, bl-għarfien tiegħek kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha.’  U meta Ġesù rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix il-bogħod mis-Saltna ta’ Alla.” (Mk 12, 28-34).


Wieħed mill-għanijiet ewlenein ta’ dan il-messaġġ huwa li jwassalna biex nagħrfu aħjar il-kmandamenti tal-Liġi ta’ Alla, l-importanza tagħhom, is-siwi tagħhom u r-responsabiltà tagħna dwar id-dmir l-għandna biex inħarsuhom bil-fedeltà u bl-imħabba, fid-dinja, u hena fil-ħajja bla tmiem.


(ikompli)