Is-Sejħa għas-Sagrifiċċju

Is-seba’ Sejħa tal-Messaġġ 


Offru kontinwament talb u sagrifiċċji lil Iktar Għoli

Din is-sejħa għas-sagrifiċċju, li Alla issa qed jindirrizza lilna, hija xi ħaġa li nsibuha f’ħafna paġni tal-Iskrittura Mqaddsa. Għandu mnejn tidher żejda li nirrepetuha mill-ġdid hawnhekk; iżda m’hix se tkun għalxejn, għaliex aħna lkoll ninsew malajr u aħna bla kont fit-twettieq ta’ dan id-dmir kbir.

Fit-Testment il-Qadim, il-qassisin kienu joffru s-sagrifiċċji ta’ annimali, li huma kienu jressqu bħala vittmi ta’ tpattija għalihom infushom u għall-poplu. Iżda dawn il-vittmi kienu biss xbieha minn qabel tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, li kellu jkun l-uniku vittma tassew offruta lil Alla għad-dnubiet tal-bnedmin kollha. Dan is-sagrifiċċju ta’ Kristu ġie biex itemm ix-xbihat. Hu kellu jkun imtenni minflok is-sagrifiċċji tat-Testment il-Qadim. U dan hu mġedded għalina fuq l-altar kuljum fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, li hi repetizzjoni mingħajr tixtrid ta’ demm tas-sagrifiċċju tas-Salib.

Iżda dan mhux biżżejjed, kif jgħidilna San Pawl (Kol 1, 24), aħna għandna ntemmu fina nfusna dak li jonqos mill-Passjoni ta’ Kristu, għaliex aħna membri tal-Ġisem Mistiku tiegħu. Issa, meta membru wieħed tal-ġisem ibati, l-membri l-oħra kollha jbatu miegħu, u meta membru wieħed ikollu jitneħħa, l-membri l-oħra kollha tal-ġisem huma milquta b’dan is-‘sagrifiċċju’; jekk membru wieħed hu marid serjament, wkoll jekk il-marda hija ristretta għal parti waħda tal-ġisem, il-ġisem kollu jbati u jmut. L-istess ħaġa jiġri fil-ħajja spiritwali. Aħna lkoll morda, aħna lkoll għandna ħafna difetti u dnubiet; għalhekk aħna lkoll għandna d-dmir li ngħamlu s-sagrifiċċji, f’għaqda ma’ Kristu, l-vittma innoċenti, bi tpattija għad-dnubiet tagħna u għal dawk ta’ ħutna subien u bniet, għaliex aħna lkoll membri tal-uniku u l-istess Ġisem Mistiku tal-Mulej.

Il-Messaġġ (permezz tal-kliem tal Anġlu) jitlob minna: “Għamlu sagrifiċċju b’kull ħaġa li tistgħu, u offruh lil Alla bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom huwa offiż, u bħala talba ħerqana għall-konverżjoni tal-midinbin.” Is-sagrifiċċji jistgħu jkunu spiritwali, intellettwali, morali, fisiċi jew ħwejjeġ materjali. Skond il-mument partikulari, aħna jkollna l-opprotunità li noffru issa ħaġa u mbagħad oħra. L-importanti hu li aħna għandna nkunu lesti naħtfu kull opprotunità li niltaqgħu magħha.





Sagrifiċċji obligatorji biex ma niksrux il-Liġi ta’ Alla
Aħna għandna nkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċji, speċjalment, meta dan hu meħtieġ minna sabiex inwettqu dmirna lejn Alla, lejn il-proxxmu tagħna u lejna nfusna. Iktar u iktar jekk l-istess sagrifiċċju hu meħtieġ biex nevitaw li niksru wieħed mill-kmandamenti tal-Liġi ta’ Alla; f’dawn iċ-ċirkustanzi, s-sagrifiċċju li jeħtiġilna ninponu fuqna nfusna huwa obbligatorju, għaliex aħna għandna l-obbligu li nċedu kull ħaġa li hi meħtieġa sabiex nevitaw li nagħmlu d-dnub. Is-salvazzjoni eterna tagħna tiddependi fuq dan, kif jgħidilna Ġesù Kristu fl-Evanġelju: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha mbagħad jitlef ruħu jew jinqered?” (Lq 9, 23-256). Skond dak li l-Mulej tagħna qed jgħidilna hawnhekk, naraw li aħna għandna nkunu lesti li mmutu biex ma nagħmlux xi dnub gravi li jista’ jiswielna t-telfien tal-ħajja eterna. Hekk ukoll, u iktar minn hekk għandna nagħmlu jekk biex nobdu l-liġi ta’ Alla, jitlob minna sagrifiċċji ta’ xi ħaġa li tiswa inqas minn ħajjitna stess.

Iċ-ċaħda ta’ xi ħaġa li tista’ ġġiegħlna nidinbu hija t-triq tas-salvazzjoni. Huwa għalhekk li l-Mulej iwissina li: “min irid isalva ħajtu, jitlifha”. Fi kliem ieħor, dawk li jixtieq jpaxxu l-aptiti mhux flokhom, jgħixu ħajja ta’ dnub, jgħaddu mit-triq il-wiesa’ tad-dnub, mingħajr ma’ jindmu jew iħallsu għall-ħsara, jitilfu l-ħajja eterna. Kif ma nistaqsux lilna nfusna, flimkien ma’ Ġesù “X’jiswielna jekk nakkwistaw id-dinja kollha, u nitilifu jew neqirdu lilna nfusna?

Bl-istess mod Ġesù jwissina: “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi” (Mt 10, 38). Iva! Kif jista’ xi ħadd ikun ħabib ta’ Alla u jistħoqqlu l-ħajja eterna jekk ma jiċċaħħadx minn kull ma hu meħtieġ sabiex jimxi fit-triq tal-kmandamenti tiegħu; jekk ma jirrinunzjax il-pjaċiri illeċiti, l-kapriċċi tal-kburija, l-frugħa, l-leblieba għall-affarijiet, ir-regħba, t-tpaxxija żejda tiegħu nnifsu; jekk jonqos milli jippratika l-imħabba u l-ġustizzja lejn l-oħrajn; jekk iwarrab minn fuqu l-madmad tas-salib ta’ kuljum jew iġorru kontra qalbu mingħajr ma jikkonformah u jgħaqqdu mas-Salib ta’ Kristu?








Sagrifiċċji bis-Slaleb tal-Ħajja ta’ Kuljum
Xi drabi jkun is-salib tax-xogħol tagħna ta’ kuljum: “Intom ikolkom tieklu ħobżkom bl-għaraq ta’ ġbinkom” kien il-piż li Alla qiegħed fuq Adam b’kastig għal dnubu. Drabi oħra, jkunu d-diffikultaijet tal-ħajja li jseħħu ma’ kull pass li nagħmlu, u li jeħtiġilna nilqgħu bil-kalma, bil-paċenzja u bir-rassenjazzjoni. Drabi oħra, jkunu l-umiljazzjonijiet li jseħħu għall-għarrieda u li jeħtiġilna naċċettaw, billi nagħrfu dak kollu li mhux perfett ġo fina u niddeċiedu li nibdlu ħajjitna għal aħjar bil-fiduċja f’Alla, li dejjem jgħin l-erwieħ li tassew iridu jerfgħu lilhom infushom il-fuq lejn ħajja aħjar u iktar perfetta. “Għamlu sagrifiċċju b’kull ħaġa li tistgħu,” – l-Messaġġ jgħidilna – “u offruh lil Alla bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom huwa offiż, u bħala talba ħerqana għall-konverżjoni tal-midinbin”.

Hawn Alla jagħtina raġuni oħra għaliex jeħtiġilna nagħmlu s-sagrifiċċji: Biex tagħmlu tpattija għad-dnubiet li bihom Hu offiż, għad-dnubiet tagħkom infuskom u dawk ta’ l-oħrajn. Kull meta noffendu lil xi persuna, aħna jkollna npattulha, mill-aħjar li nistgħu, għal kull tfixkil jew ħsara li stajna kkawżajnielha. Minħabba f’hekk imdorrijin ngħidu li jiddispjaċina, niskużaw ruħna, u l-bqija. Issa, wisq iżjed jeħtiġilna nagħmlu dan lil Alla. Għalhekk Ġesù Kristu għallimna t-Talba tal-Missierna biex nitolbu għall-maħfra: “Missierna li inti fis-smewwiet, (...) aħfrilna d-djun tagħna, kif aħna wkoll naħfru li min hu ħati għalina” (Mt 6, 9; 12) u eżatt wara ngħidu: “U la ddaħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mill-ħażen.” (Mt 6, 13). Fil-fatt, l-aqwa tpattija li nistgħu noffru lil Alla hi li t-talba tagħna għall-maħfra ngħaqqduha ma’ rieda qawwija biex ma nerġgħux noffenduh. Għalhekk aħna nitlolbu l-maħfra, l-għajnuna u l-ħarsien.

Sagrifiċċji bi tpattija u b’interċessjoni
Innotaw li Ġesù għallimna nużaw il-plural meta nitlobu maħfra. Fi kliem ieħor, biex il-maħfra nitolbuha għalina nfusna u għall-ħutna subien u bniet: aħfrilna; eħlisna; iddaħħalniex fit-tirib! Din hi s-Sejħa tal-Messaġ: Biex nagħmlu sagrifiċċji bħala att ta’ tpattija u b’interċessjoni għall-konverżjoni ta’ ħutna subien u bniet li tbiegħdu fi triqat qarrieqa u żbaljati. Iva, msejħin biex nitolbu u nagħmlu sagrifiċċji sabiex il-ħajja kollha tagħna tkun tista’ ssir olokawst offrut lil Alla fuq dirgħajn is-salib tagħna ta’ kuljum, f’għaqda mas-Salib ta’ Kristu, għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Aħna msejħin biex nikkoperaw miegħu fil-ħidma feddejja tiegħu bħala membri tal-Ġisem Mistiku tiegħu, l-Knisja, li taħdem, titlob u tbati f’għaqda mill-qrib mar-Ras tagħha għal-fidwa tal-umanità.

Sagrifiċċju mill-ikel u x-xorb żejjed

Filwaqt li ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum, niltaqgħu ma’ kull xorta ta’ sagrifiċċji li nistgħu u għandna noffruhom lil Alla. Is-sagrifiċċju tal-gula, li ħafna drabi huwa obbligatorju. Iċ-ċaħda mix-xorb alkoħoliku żejjed, għax dan idallam il-ġudizzju tagħna, jfixkel ir-raġuni tagħna u jbaxxi d-dinjità tagħna, u lil kull min jieħu ħafna minnu jħallih mixħut ma’ l-art quddiem Alla u n-nies onesti. Kemm familji jinsabu mnikktin minħabba dan id-dnub. Għax ma noffrux lil Alla s-sagrifiċċju li ma nixorbux, u minflok naqsmu mal-foqra kull ma kien jinħela bid-dnub tal-eċċess u wkoll kien jikkawża tant tbatija, meta tant aħwa subien u bniet lanqas għandhom biżżejjed biex jixtru l-ilbies għalihom infushom?

Mill-bidu nett, Alla ried li l-ewwel żewġ bnedmin iwettqu dan is-sagrifiċċju tal-qies, li bih għandna ninqdew mill-mejda tal-ħolqien. L-iskrittura Mqaddsa tgħidilna: “U l-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Eden, fil-Lvant; u hemm qiegħed lill-bniedem li kien ħalaq. U mill-art Alla ġiegħel li tikber kull siġra li hi sabiħa fid-dehra u tajba għall-ikel, (...). U l-Mulej ordna lill-bniedem u qallu, “Tista’ tiekol kemm trid minn kull siġra tal-ġnien iżda mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin inti ma tistax tiekol, għaliex dak in-nhar li tiekol minnha inti tmut.” (Ġen 2, 8-9. 16-17). Adam u Eva kienu ħielsa li jieklu mill-frott ta’ tant siġar u ma kellhomx bżonn il-frott mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin; barra minn hekk dik kienet ta’ ħsara għalihom. Din kienet ir-raġuni għaliex Alla warrabha u ma riedhomx jieklu minnha. L-aħjar ħaġa li setgħu jagħmlu kienet li jobdu lil Alla u joffrulu s-sagrifiċċju li ma jmissux dik il-frotta.

Bħall tant ċirkustanzi oħra fil-ħajja, f’din ukoll jeħtiġilna nipprattikaw il-virtù tal-qies, li titlob minna li nrażżnu l-aptit tal-gula. Alla, bħala Missier tajjeb li Hu, qiegħed fid-dinja varjetà tant wiesa ta’ affarijiet tajbin u li jferrħu, li wliedu jistgħu u għandhom jużaw bħala ikel tagħhom u jieħdu pjaċir bihom ukoll, iżda dejjem b’mod li jaqbel mal-Liġi ta’ Alla u mingħajr ma jinsew li jipprattikaw il-qies permezz taċ-ċaħda tagħhom infushom, u li dan aħna għandna noffruh lil Alla b’ringrazzjament għal tant benefiċċji, u wkoll għall-benefiċċju ta’ ħutna subien u bniet li jinsabu fil-bżonn.

Sagrifiċċju mir-regħba għall-għana

M’inhix ngħid li Alla jitlob minna, dak li Huwa jitlob minn xi wħud mill-magħżulin tiegħu, li jinżgħu minn kollox, jagħtuh lil foqra u imbagħad jimxu warajH b’ċaħda sħiħa mill-ġid tad-dinja. Dak li jitlob minna huwa li aħna lkoll għandna ninżgħu mill-ġibda żejda għal dawn il-ħwejjeġ. Ejjew niftakru fit-taħdita bejn Ġesù Kristu u ż-żagħżugħ li mar ifittxu biex jistqsih: “Mgħallem, x’għemil tajjeb għandi nagħmel, biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” U huwa wieġbu, “Għaliex tistaqsini dwar dak li hu tajjeb? Wieħed hemm li hu tajjeb. Jekk trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti". Hu qallu, “Liema?” U Ġesù wieġeb, “Int ma għandekx toqtol, ma għandekx tikkommetti adulterju, ma għandekx tisraq, ma għandekx tixhed bil-gideb, Weġġagħ lill-missierek u lill-ommok, u Inti għandek tħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” Iż-żagħżugħ qallu, “Dan kollu ħaristu; x’jonqosni iktar?" Ġesù qallu, “Jekk trid tkun perfett, mur, biegħ dak li għandek u għatih lill-foqra, u inti jkollok teżor fis-sema; u ejja u imxi warajja.” Meta ż-żagħżugħ sema’ dan telaq qalbu sewda; għax kellu ħafna ġid. U Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu, “Tassew, ngħidilkom, ikun diffiċli biex bniedem għani jidħol fis-saltna tas-smewwiet. Mill-ġdid ngħidilkom, huwa eħfef li ġemel jgħaddi min-għajn ta’ labra milli bniedem għani jidħol fis-saltna ta’ Alla.” (Mt 19, 16-24).

Skond dak li smajt minn diversi kummentaturi, Ġesù Kristu b’din id-dikjarazzjoni kien qed jirreferi għall-bnedmin għonja li huma rgħiba u ħsiebhom biss biex jaħżnu iktar għana, u li, biex jgħamlu hekk, ma jonfqux flus u ma jridux jaqsmu ż-żejjed tagħhom ma dawk li huma fil-bżonn. Il-Mulej jgħallimna l-istess tagħlima meta, b’riferenza għall-Ġudizzju tal-Aħħar, Huwa jiddeskrivi r-raġunijiet għaliex tingħata l-kundanna lil dawk weqfin fuq ix-xellug tiegħu: “Morru minn quddiemi, intom misħutin, fin-nar ta’ dejjem imħejji għax-xitan u l-anġli ħżiena tiegħu; għaliex jien kont bil-ġuħ u intom ma tajtuni l-ebda ikel, jien kont bil-għatx u intom ma tajtuni l-ebda xorb, jien kont barrani u intom ma lqajtunix, kont għarwien u intom ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u intom ma żortunix.” (...) “Tassew ngħidilkom, kif intom ma għamiltux ma l-iżgħar minn dawn, intom ma għamiltuhx miegħi.” U huma jmorru fil-kastig ta’ dejjem, iżda it-tajbin fil-ħajja ta’ dejjem.” (Mt 25, 41-43. 45-46).

Biex niksbu s-salvazzjoni jeħtieġ li nipprattikaw il-virtù

Aħna mfakkrin b’dan kollu meta Alla jitlob minna fil-Messaġġ ta’ Fatima: Għamlu sagrifiċċji; u inqdew b’kull ma għandkom li ma teħtiġuhx jew ma tistgħux tużaw biex tgħinu lil ħutkom subien u bniet li ma għandhomx biżżejjed u qegħdin imutu bil-ġuħ u bil-bard. Din hi ċ-ċaħda u s-sagrifiċċju li Alla jitlob minna: jekk ma nissagrifikawx lilna nfusna f’din id-dinja, insibu lilna nfusna sagrifikati fil-ħajja ta’ dejjem u mhux biss minħabba li għamilna ħażin, iżda wkoll għaliex ma għamilniex it-tajjeb: “Għaliex kont bil-ġuħ u intom ma tajtuni l-ebda ikel, kont għarwien u intom ma libbistunix.” (...) kif intom ma għamiltuhx ma l-iżgħar minn dawn, intom ma għamiltuhx miegħi.” U huma jmorru fil-kastig ta’ dejjem, iżda it-tajbin fil-ħajja ta’ dejjem.”
Sabiex niksbu s-salvazzjoni, mhux biżżejjed li ma nagħmlux il-ħażin, aħna lkoll għandna wkoll nipprattikaw il-virtù billi nagħmlu t-tajjeb.

Imbagħad hemm sensiela ta’ sagrifiċċji żgħar li nistgħu u, sa ċertu punt għandna, noffru lil Alla. Il-fatt li fihom infushom huma żgħar, b’daqshekk m’humiex inqas mogħġubin minn Alla, iżda għandhom ħafna merti u ta’ vantaġġ kbir għalina nfusna, għaliex permezz tagħhom aħna nuru d-delikatezza tal-fedeltà tagħna, u l-imħabba tagħna lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna. Dawn is-sagrifiċċji żgħar li nagħmlu jgħanuna bil-grazzja, iqawwuna fil-fidi u l-imħbba, ningħoġbu minn Alla u mill-proxxmu, tagħna, u jeħilsuna mit-tentazzjoni tal-egoiżmu, tar-regħba, tal-għira u tat-tpaxxija tas-sensi.

Hija l-ġenerożità fi ħwejjeġ żgħar ta’ kuljum li jseħħu kontinwament; huwa li nipperfezzjonaw il-mument ta’ issa. Għalhekk:

1) Nitolbu bil fidi u bl-attenzjoni, nevitaw id-distrazzjonijiet kemm jista’ jkun; nitolbu bil-qima, niftakru li qegħdin nitkellmu ma’ Alla; nitolbu bil-fiduċja u l-imħabba, għax qegħdin fil-preżenza ta’ Dak li nafu li jħobbna u jrid jgħinna, bħalma jagħmel missier li jaqbad id ibnu ż-żgħir sabiex jgħnu jimxi: f’għajnejn Alla aħna dejjem tfal żgħar fraġli li aħna dgħajjfa fil-prattika tal-virtù, li kontinwament nitfixklu u naqgħu, li minħabba f’hekk neħtieġu l-Missier tagħna li jagħtina idejh biex jgħinna nżommu bil-wieqfa u nimxu fit-triqat tal-qdusija.

Kemm jekk it-talb tagħna nagħmluh fil-knisja, fid-dar, matul xi vjaġġ, barra fil-kampanja jew mexjin għal għonq it-triq, Alla jinsab kullimkien u qiegħed jisma’ t-talbiet, it-tifħir u r-radd il-ħajr tagħna. Dan hu dak li Ġesù Kristu għallimna bit-tweġiba tiegħu lil mara Samaritana li staqsietu: “Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm” ... Ġesù qalilha, “Emmini, mara: jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu (...). Iżda tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità.” (Ġw. 4, 19-24).

Alla jridna nitolbu bis-sinċerità. filwaqt li nagħrfu x’aħna, l-faqar tagħna, x-xejn tagħna quddiem Alla; nifhmu x’hinu dak li qegħdin nitolbu u nwiegħdu bis-sinċerità, lesti li nwettqu l-wegħdiet tagħna. Ħalli t-tifħir u r-radd il-ħajr tagħna lil Alla jixhed is-sewwa li hemm f’qalbna, fi spirtu ta’ fidi, ta’ mħabba u ta’ fiduċja; Alla ma jieħux pjaċir bi kliem sabiħ li hu fil-vojt u bla sens, jew b’formoli mfasslin biex jiġbdu l-applawsi mingħand il-ħlejjaq. Le, t-talb tagħna għandu jkun umli u akkompanjat ma’ spirtu ta’ sagrifiċċju.

Ħafna drabi, jkun meħtieġ li niċċaħdu minn xi ftit tal-ħin tal-mistrieħ tagħna; forsi inqumu iktar kmieni sabiex immorru l-knisja u nieħdu sehem fil-Quddiesa; jew bil-lejl qabel ma norqdu, inwarrbu ftit ħin biex nirreċitaw ir-Rużarju, nagħmlu sagrifiċċju li nitfu r-radju jew it-televiżjoni sabiex nagħmlu hekk. Hija ċ-ċaħda ta’ dak li jogħġobna u li nieħdu pjaċir bih li Alla jitlob minna. U kif diġa ntqal, jekk aħna ma rridux inċaħħdu lilna nfusna f’din il-ħajja, aħna se nsibu lilna nfusna ssagrifikati fil-ħajja li ġejja. Għaliex jekk ma nistgħux nittamaw li nsalvaw permezz tal-innoċenza tagħna, nistgħu nsalvaw biss permezz tat-talb u l-penitenza.

2) Noffru lil Alla s-sagrifiċċju ta’ xi att żgħir ta’ ċaħda tagħna nfusna fl-ikel, iżda mhux li nipperikulaw is-saħħa fiżika tagħna li neħtieġu sabiex inwettqu ix-xogħol tagħna. Hekk, per eżempju, li nagħżlu xi frotta, xi deżerta, xi xarba li ma tantx togħġobna minflok dik li nħobbu aħna, li nissaportu l-għatx għal xi ħin, jew għalinqas ma nixorbux iżżejjed.

Waqt li nkunu nieħdu sehemna waqt l-ikel, ma nieħdux l-aħjar biċċa. Iżda jekk ma nistgħux nagħmlu hekk mingħajr ma niġbdu l-attenzjoni fuqna nfusna, neħduha bis-sempliċtà u mingħajr skruplu, filwaqt li nirringrazzjaw lil Alla talli jfissidna, għaliex ma għandniex naħsbu li Alla, ta’ Missier tajjeb li Hu, ikun kuntent bina biss meta jarana nipprattikaw iċ-ċaħda tagħna nfusna. Alla ħalaq l-affarijiet tajbin għal uliedu, u jieħu gost jarana nużawhom, mingħajr ma nabbużaw bihom, u imbagħad inwettqu dmirna li naħdmu sabiex ikunu jistħoqqulna, u nagħmlu użu minnhom bil-gratitudni u bl-imħabba għal Dak li jfawwarna bid-doni tiegħu.

3) Is-sagrifiċċju li nistgħu u għandna nagħmlu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ilbies: nissaportu ftit tal-kesħa jew tas-sħana mingħajr ma ngergru; jekk qegħdin f’kamra flimkien ma’ nies oħra, inħalluhom jagħlqu jew jiftħu l-bibien u t-twieqi kif jogħġobhom. Nilbsu deċenti u bil-modestja, mingħajr ma nsiru lsiera ta’ l-aħħar moda, u ma nimxux magħha kull meta din ma tkunx taqbel ma’ dawk iż-żewġ virtujiet, sabiex aħna stess ma nkunux ta’ okkażżjoni ta’ dnub għall-oħrajn, bil-mod ta’ kif nilbsu, billi nżommu f’moħħna li aħna responsabbli għad-dnubiet li l-oħrajn jagħmlu minħabba fina.

Għalhekk, għandna nilbsu b’mod li jaqbel mal-morali Nsara, mad-dinjità personali u b’solidarjetà ma’ l-oħrajn, filwaqt li noffru lil Alla s-sagrifiċċju tal-frugħa esaġerata. F’dak li għandu x’jaqsam mal-frugħa, nkunu nafu kif noffru lil Alla s-sagrifiċċju li ngħaddu mingħajr it-tiżjin estern esaġerat bil-ġojjelli, li nistgħu nagħaddu għalkollox mingħajrhom, u l-flus mill-bejgħ tagħhom nistgħu nużawhom biex ngħinu lil ħutna subien u bniet fil-bżonn. Minflok ma nilbsu ħwejjeġ magħmulin minn materjal sinjur u jiswa ħafna, ejjew nikkuntentaw b’xi ħaġa iktar sempliċi u li tiswa inqas, b’hekk niffrankaw sabiex inkunu nistgħu ngħinu lil ħutna subien u bniet li ma għandhom xejn biex jgħattu lilhom infushom.

4) Nissaportu mingħajr tgergir kull ħaġa żgħira ta’ dwejjaq li nistgħu niltaqgħu magħha fi triqtna: kultant, tista’ tkun xi kelma kuntrarja, li ddejjaqna jew ma tgħoġobniex; drabi oħra tista’ tkun tbissima ironika, xi ħarsa bl-ikraħ, xi tmerija; jew inkunu maqbuża jew imwarrba bħalikieku ma niswew xejn; għad li wkoll, tista’ tkun xi nuqqas ta’ ftehim, xi ċanfira, xi ċaħda, meta inkunu maqbużin, minsijin, xi azzjoni ta’ ngratitudni, u l-bqija.

Għalhekk, huwa meħtieġ li nkunu nafu kif nissaportu kollox, noffru s-sagrifiċċju tagħna lil Alla u nħallu l-affarijiet jgħaddu: nħallu dawn l-affarijiet kollha jgħaddu bħalikieku konna għomja, torox u muti, sabiex fil-fatt aħna nkunu nistgħu naraw aħjar, nitkellmu b’ċertezza ikbar u nisimgħu il-leħen ta’ Alla. Ħalli jidher qisu li tkun għaddiet ta’ l-oħrajn; ngħid “jidher” għaliex fil-verità dak li jirbaħ huwa dak li jaf iżomm is-skiet għall-imħabba ta’ Alla. Bil-ferħ inħallu lil oħrajn jieħdu l-ewwel postijiet, ikun xi jkun l-aħjar għalihom, inħalluhom jieħdu l-mertu tal-frott tat-taħbit tagħna, tas-sagrifiċċji tagħna, tal-ħidmiet tagħna, tal-ħila tagħna, ta’ dawk l-affarijiet li ittieħdulna, jien saħansitra ngħid tal-virtù tagħna, bħalikieku kienet tagħhom, u ejjew nikkuntentaw ruħna billi nkunu umli u nissagrifikaw lilna nfusna għall-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu tagħna.

Nissaportu bil-qalb il-kumpanija ta’ dawk li ma għandniex grazzja magħhom jew li ma naqblux magħhom, ta’ dawk li huma kontra tagħna, li jdejquna u jiffittawna b’mistoqsijiet mhux flokhom u wkoll li jweġġgħuna; ejjew inpattulhom bi tbissima, b’daqsxejn ta’ azzjoni tajba li nagħmlulhom, bi pjaċir, naħfrulhom u nħobbuhom, b’għajnejna mwaħħlin fuq Alla.

Din iċ-ċaħda tagħna nfusna sikwit hi l-iktar ħaġa diffiċli għan-natura umana tagħa, iżda hija wkoll dik li l-iktar togħġob lil Alla u li hi ta’ mertu għalina nfusna.

5) Imbagħad hemm il-penitenzi u s-sagrifiċċji esterni, xi wħud obbligatorji, l-oħrajn volontarji.

Eżempju tal-penitenzi obbligatorji huma s-sawm u l-astinenza kkmandati mill-Knisja. Iżda aħna nistgħu u għandna naqbżu dan limitu, li fil-fatt huwa ftit wisq meta mqabbel mal-ħtieġa tagħna li nagħmlu penitenza għad-dnubiet tagħna u għal dawk ta’ l-oħrajn.

Hemm ċerti strumenti ta’ penitenza li kienu wżati minn ħafna Qaddisin, bħalma huma swat, qomos tax-xagħar, u l-bqija. Penitenzi bħal dawn huma magħmulin f’għaqda ma’ Kristu flaġellat mal-kolonna, marbut bil-ħbula, nkurunat bix-xewk. Jekk Kristu bata hekk għalina, huwa iktar xieraq li aħna għandna nagħmlu xi ħaġa għaliH u għal-ħidma tiegħu tal-fidwa.

Prattika oħra hi t-talb, fi spirtu ta’ penitenza, b’dirgħajna miftuħin f’għamla ta’ salib, f’għaqda ma’ Kristu msallab, jew nitolbu baxxuti bi ġbina jmiss ma’ l-art. Hekk inbaxxu lilna nfusna quddiem Alla li ażżardajna noffenduH, aħna li quddiemu m’aħna xejn.

Għalkemm penitenzi bħal dawn m’humiex obbligatorji, f’ħafna każijiet huma meħtieġa; ngħidu aħna, biex jistgħu jintrebħu naturi li jitlagħlhom malajr li jġagħlu n-nies jidinbu, jew it-tentazzjonijiet qawwija tad-dinja, tax-xitan, tas-suppervja u tal-ġisem.

Ġesù Kristu, li kien divin, ma setax jidneb, iżda Hu tana eżempju mill-aqwa ta’ ħajja ta’ penitenza. Qabel beda l-ħajja pubblika tiegħu, Hu għadda erbgħin jum fid-deżert, jitlob u jsum. L-Evanġelji jgħidulna li matul il-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù sikwit inqata’ mill-folla biex jitlob lill-Missier f’post imwarrab. U qabel ta lilu nnifsu għal mewt, Hu għadda ħin twil jitlob fil-Ġnien tal-Ġetsemani.
U aħna, ħlejjaq dgħajjfin li aħna, ma neħtiġux nitolbu? Neħtieġ tassew. Hu fit-talb li niltaqgħu ma’ Alla; hu f’din il-laqgħa ma’ Alla li Hu jagħtina l-grazzja u l-qawwa li neħtieġu sabiex niċħdu lilna nfusna billi noffru kull ħaġa mitluba minna: “Idħlu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jaqbdu lilha. Imma kemm dejjaq huwa l-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!” (Mt. 7, 13 – 14). Hawn Ġesù Kristu jurina l-ħtieġa kbira li niċħdu lilna nfusna għax, mingħajr l-ispirtu ta’ ċaħda, ma nidħlux fil-ħajja ta’ dejjem.

Offru kontinwament talb u sagrifiċċji lill-Iktar Għoli”.

Ave Maria!


___________________________________
Sister Lucia of Jesus of the Immaculate Heart, “ ‘CALLS’ From the Message of Fatima”, Fatima – Portugal (2000) pp 101-109 – Ch. 9 - “The Call to Sacrifice”.

(It-traduzzjoni saret minn Paul Galea
N.B. is-sottotitoli m’humiex fl-oriġinal iżda miżjuda fit-traduzzjoni)

No comments:

Post a Comment