L-Ewwel Dehra tal-Madonna - Fit-13 ta’ Mejju 1917


Luċija, Ġaċinta u Franġisku, kienu qed jilgħabu fil-Cova da Iria filwaqt li jirgħu n-nagħaġ, meta f’daqqa waħda raw bħal leħħa ta’ berqa.  Billi ħasbu li kienet ġejja xi tempesta riedu jmorru d-dar.  Iżda, meta kienu sejrin jgħaġġlu, jmexxu lin-nagħaġ lejn it-triq, reġgħu raw leħħa ta’ berqa oħra hekk kif waslu kważi livell mas-siġra kbira tal-ballut li kienet hemm.

 
Laħqu mxew ftit passi oħra meta, quddiemhom fuq siġra żgħira tal-ballut, raw Mara bi lbiesha kollu abjad, tiddi iktar mix-xemx, u tarmi dawl. Huma waqfu, mistgħaġbin, quddiem id-dehra.  Kienu tant qrib, xi metru biss il-bogħod minnha, jgħumu fid-dawl li kien idawwarha, jew aħjar, kien jiddi minnha.



Luċija tirrakonta din il-ġrajja fil-Memoirs tagħha b’dan il-mod:


Il-fuq ħafna fiż-żurżieqa fil-Cova da Iria, jien (Luċija) kont qed nilgħab ma’ Ġaċinta u Franġisku billi nibnu ħajt żgħir tal-ġebel madwar qata’ ġinestrun. F’daqqa waħda rajna dak li deher li kienet leħħa ta’ berqa.


“Aħjar immorru d-dar”, jien għedt lil kuġini tiegħi. “Dak beraq; għandu mnejn ġejja tempesta.”

“iva, tassew!” huma wieġbu.

Aħna bdejna niżlin iż-żurżieqa, mmexxu n-nagħaġ bil-għaġġla lejn it-triq.  Konna bejn wieħed u ieħor nofs triq fiż-żurżieqa, u kważi livell mas-siġra kbira tal-ballut li kienet hemm, meta erġgħajna rajna leħħa ta’ berqa oħra. Konna mxejna ftit passi biss iktar meta, hemmhekk quddiemna fuq siġra żgħira tal-ballut, aħna rajna Mara liebsa kollox abjad. Kienet tiddi iktar mix-xemx, u kienet tarmi dawl iktar ċar u qawwi minn tazza tal-kristall mimlija l-ilma jleqq, meta ir-raġġi tax-xemx taħraq jiddi minnha.

Aħna waqafna, mistgħaġbin, quddiem id-dehra. Aħna konna tant qrib ftit piedi biss il-bogħod minnha, aħna konna ngħumu fid-dawl li kien idawwarha, jew aħjar, kien jiddi minnha.  Imbagħad il-Madonna kellmitna:

“Tibżgħux. M’jien se ngħamlilkom l-ebda ħsara.”

“Minn fejn int?”

“Jien mis-sema”.

“Xi trid minni?”

“Jien ġejt biex nitolbok tiġi għal sitt xhur wara xulxin, fit-13 il-jum fl-istess ħin. Iktar il-quddiem, ngħidlek min jien u x’irrid. Wara, nerġa’ niġi għas-seba’ darba. [Din “is-seba’ darba” tirreferi għas-16 ta’ Ġunju 1921, lejliet it-tluq ta’ Luċija lejn Vilar de Oporto. Din id-dehra (li tissemma) in kwistjoni kellha messaġġ speċjali għal Luċija, li ma ħassitx il-bżonn li tirrakkuntaha hawnhekk.]

"Jien se mmur il-ġenna wkoll?"

“Iva inti se tmur.”

“U Ġaċinta?”

“Hija se tmur ukoll.”

“U Franġisku.”

“Huwa jmur hemm ukoll, iżda huwa għandu jitlob ħafna Rużarju.”

Imbagħad jien ftakart nistaqsi dwar żewġt ibniet li ma kienx ilhom li mietu. Huma kienu ħbieb tiegħi u kienu soltu jiġu d-dar tiegħi biex jitgħallmu jinsġu ma’ oħti l-kbira.

“Maria Das Neves qiegħda l-ġenna?”

“Iva, hemm hi.”  Naħseb li kellha xi 16 il-sena.

“U Amelia?”

“Hija se tibqa’ fil-purgatorju sa l-aħħar tad-dinja.”  Jidhirli li kellha bejn 18 u 20 sena.

“Lesti li toffru lilkom infuskom lil Alla u li ġġarbu t-tbatijiet kollha li Hu jrid jibgħatilkom, bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom Huwa offiż, u bħala talba bil-ħerqa għall-konverżjoni tal-midinbin?”

“Iva, irridu.”

“Mela intom se jkollkom tbatu ħafna, iżda l-grazzja t’Alla tkun il-faraġ tagħkom”.

Il-Madonna fetħet idejha għall-ewwel darba, u għaddietilna dawl tant qawwi li, kif għadda minn idejha, r-raġġi tiegħu daħlu ġo qalbna u fl-iktar imkejjen profondi ta’ ruħna.  Dan id-dawl ġagħalna naraw lilna nfusna f’Alla, li kien dak id-dawl, iktar ċar milli naraw lilna nfusna fl-aqwa mirja. Imbagħad immexxijin minn iqawwa intern li kienet ukoll mgħoddija lilna, aħna nżilna għarkubtejna, ntennu f’qalbna:

"L-Iktar Imqaddsa Trinità, jien nadurak! Alla Tiegħi, Alla Tiegħi, nħobbok fis-Sagrament l-Iktar Qaddis!”

Wara ftit waqtiet, il-Madonna reġgħet tkellmet:

“Itolbu r-Rużarju kuljum, sabiex tiksbu l-paċi għad-dinja, u l-waqfien tal-gwerra.”

Imbagħad hi bdiet tiela’ bil-kalma, tiela’ l-fuq lejn il-lvant, sakemm ma baqgħetx tidher aktar fl-ispazju bla tarf. Id-dawl ta’ madwarha deher qisu jiftaħ triq quddiemha fis-sema, u għal din ir-raġuni li aħna ġieli għedna li rajna s-sema jinfetaħ.

Naħseb li diġa kont fissirt fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta, jew f’ittra, li l-biżgħa li ħassejna ma kienx tassew biżgħa mill-Madonna.  Iżda, anzi kien biża’ mit-tempesta li aħna ħsibna li kienet ġejja, u kien minn din li  aħna fittixna li naħarbu. Id-dehriet tal-Madonna la nisslu biża’ u lanqas twerwir, iżda anzi stagħġib. Meta mistoqsija jekk ħassejtx biża’, u jiena għedt li kont, jien irreferejt għall-biża’ meta rajna l-leħħa ta’ berqa u ħsibt li kienet ġejja xi tempesta. Kien minn dan li aħna fittxejna li naħarbu, għax aħna konna mdorrijin naraw il-leħħ tal-beraq biss meta jriegħed. Barra minn hekk, il-leħħ tal-beraq ma kienx tassew beraq, iżda ir-raġġi riflessi ta’ dawl li kien qed joqrob. Kien għax rajna d-dawl, li xi drabi għedna li rajna l-Madonna ġejja, iżda, proprjament, aħna għarafna l-Madonna biss fid-dawl meta hi kienet diġa fuq is-siġra tal-ballut. Il-fatt li aħna ma konniex nafu kif infissru dan, u li xtaqna neħilsu mill-mistoqsijiet, ġagħluna xi drabi ngħidu li rajniha ġejja, u drabi oħra li ma rajnihiex. Meta għedna li rajniha ġejja konna qed nirreferu għad-dawl li kien riesaq li wara kollox kienet hi nnifisha. U meta għedna li ma rajnihiex ġejja, konna qed nirreferu għal fatt li aħna tassew rajna l-Madonna biss meta hi kienet fuq is-siġra tal-ballut.


No comments:

Post a Comment