It-Tieni Dehra tal-Madonna - Fit-13 ta’ Ġunju 1917

Luċija tkompli tirrakonta fil-Memoirs tagħha:


Malli Ġaċinta, Franġisku u jien lestejna nitolbu r-Rużarju, flimkien ma’ xi nies oħra li kienu hemm, aħna rajna għal darba oħra l-leħħa tirrifletti d-dawl li kien riesaq u li aħna sejjaħnielu beraq. Dlonk, il-Madonna kienet hemm fuq is-siġra tal-ballut, eżatt l-istess kif kienet f’Mejju.

“Xi trid minni?” staqsejt jien.

“Nixtieqek tiġi hawn fit-13 tax-xahar id-dieħel, li tilob ir-Rużarju kuljum, u li titgħallem taqra. Iktar il-quddiem, se ngħidlek xi rrid.”

Jien tlabt għall-fejqan ta’ persuna marida.

“Jekk jikkonverti, jfieq matul is-sena.”

“Nixtieq nitolbok biex teħodna l-ġenna.”

“Iva; Jien se nieħu lil Ġaċinta u lil Franġisku dalwaqt. Iżda inti għandek tibqa’ hawn xi żmien itwal. Ġesu jixtieq li jinqeda bik biex jagħmilni magħrufa u maħbuba. Huwa jrid iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb bla Tebgħa tiegħi.”

“Jien hawn se nibqa’ waħdi?” Jien srtaqsejt imnikkta.

“Le, binti. Qed tbati ħafna? Taqtax qalbek. Jien qatt ma jien se nitilqek. Il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi se tkun il-kenn tiegħek u t-triq li se twasslek għand Alla.”

Malli l-Madonna qalet dawn l-aħħar kelmiet, hija fetħet idejha għat-tieni darba, hija għadditilna r-raġġi ta’ dak l-istess dawl bla qies. Aħna rajna lilna nfusna f’dan id-dawl, bħallikieku, mgħaddsin f’Alla. Ġaċinta u Franġisku dehru li kienu f’dik il-parti tad-dawl li tela’ lejn is-sema, u jien f’dak li kien imxerred fuq id-dinja. Quddiem il-pala ta’ l-id il-leminija tal-Madonna kien hemm qalb imdawwra bix-xewk li kienu jinfduha. Aħna fhimna li din kienet il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, imweġġgħa ħafna bid-dnubiet tal-umanita, u tfittex tpattija.

Inti taf issa, Eċċellenza, għalxiex konna nirreferu meta, għedna li l-Madonna kienet irrivelatilna sigriet f’Ġunju. Dak iż-żmien, il-Madonna ma kenitx qaltilna biex inżommuh sigriet, iżda aħna ħassejna li għandna nagħmlu hekk minn Alla.

No comments:

Post a Comment